Carmelo Mifsid Bonnici | 03 ta’ Frar 2008 Nr 66 Il-Valur tax-xogħol 1. F’dan is-seklu għandna l-vantaġġ li nistgħu nħarsu lura lejn dak li ġara f’dawk ta’ qabel b’ferm iktar informazzjoni milli qatt kellna. Il-fatt li t-teknoloġija żviluppat lilha nnifisha bħala għodda vitali għar-riċerka aċċessibbli għal kull persuna fuq wiċċ id-dinja saret ċavetta importanti f’diffużjoni aqwa ta’ fatti li seħħew. Quddiem dik l-esperjenza u quddiem l-evidenza u dokumenti li nsibu b’faċilità għandna l-vantaġġ kbir li nistgħu nqabblu u nagħżlu toroq verament differenti. Għax in-nuqqas ta’ għarfien ta’ din l-esperjenza umana kull darba ssarraf minflok fi proposti li ma ħadmux qabel u mhux se jaħdmu issa. Min qiegħed jew min qed jippretendi li jieħu t-tmexxija ta’ pajjiżna jrid jagħti il-ħin kollu każ ta’ dawn l-lezzjonijiet jekk għandu għal qalbu li jagħmel il-ġid lil poplu. 2. It-teoriji materjalisti li raw lilhom infushom jieħdu r-ruħ f’kitbet Marx, Engels u Lenin ippruvaw ibiddlu ħafna kunċetti tal-ħajja, fosthom ix-xogħol. Dawk l-ideat u l-esperjenzi koroh, li seħħew biex jippruvaw iġibuhom fis-seħħ, servew biex illum jidher biċ-ċar li l-valur tax-xogħol fih ferm iktar mis-sempliċi dimensjoni ekonomika. Il-ħsieb li l-bniedem jibqa’ dejjem iktar importanti mill-ekonomija u l-mekkaniżmi ta’ produzzjoni tagħha ġab riħ kuntrarju li fuqu l-Partit Nazzjonalista bena lilu nnifsu. Mhu se ngħallem lil ħadd, però proprju Ljun XIII, il-Papa li fetaħ bibien ġodda għall-Knisja Kattolika kien determinanti biex inbniet duttrina soċjali li kienet u għadha verament mimlija sens u sustanza. Fuq dawn il-binarji, mill-ewwel manifesti elettorali tal-Partit Nazzjonalista kien ċar u tond li aħna qed nintrabtu ma’ dan it-tagħlim socjali biex inwettquh f’ħidmietna. 3. Kien għalhekk u għadu hekk li f’dan il-pajjiż irnexxielna, tul dawn is-snin, inħarsu ’l quddiem biex niġru wara l-ħolqien ta’ postijiet ġodda tax-xogħol. Dan sar f’diversi direzzjonijiet. L-ewwel, lejn tkabbir ta’ l-ammont ta’ Maltin, nisa u rġiel, li jidħlu għad-dinja tax-xogħol. It-tieni, billi niggarantixxu li l-livell tal-pakkett tas-salarju jitla’ ’l fuq. It-tielet, billi nħarsu li nissudaw it-tip ta’ attività biex din tirrispetta dejjem iktar id-dinjità tal-ħaddiem. Għax id-dinjità tal-ħaddiem hi dik tal-persuna umana u mingħajrha ma tkunx qed tavvanza fiċ-ċiviltà, iżda tmur lura. Proprju għalhekk li l-pakkett sħiħ tad-dinja tax-xogħol kiber b’diversi liġijiet li dħalna għalihom. Liġijiet, fosthom it-tibdil ta’ taħt fuq tal-liġi industrijali li saret mill-Prim Ministru attwali fl-2002, li sawru f’iktar sodezza kunċetti ta’ ġustizzja soċjali li qabel ma kellniex. 4. L-għaqda tagħna fl-Unjoni Ewropea kienet hi wkoll xprunata minn dan il-bżonn. Dan għax nafu li waqt li konna qed nippreparaw biex insiru parti sħiħa minn din l-Unjoni, kif ukoll meta sirna membri sħaħ, żidna fil-kundizzjonijiet tajba tax-xogħol. Dan fih innifsu hu diġà vantaġġ kbir, però l-liġijiet waħedhom mhumiex biżżejjed imma hemm bżonn li dawn isibu ruħhom iktar f’idejn il-ħaddiem. Prinċipalment informazzjoni u edukazzjoni għax permezz tagħhom tbiddel mentalità u kultura sħiħa. It-tieni, attenzjoni u parteċipazzjoni diretta biex dawn id-drittijiet jiġu applikati. It-tielet, tkabbir ta’ formazzjoni ta’ demokrazija industrijali li dawn iridu jiġu osservati u mhux injorati. 5. Dawn il-passi seħħew għax fir-realtà, quddiem l-istatistika li għandna jidher mill-iktar ċar li l-partit fil-Gvern hu dak tax-xogħol. Għax hu verament interessanti, biex ngħid l-inqas, kif fuq din il-gżira li x-xogħol naturali seta’ jkun biss jitwieled fil-biedja u s-sajd li issa għandha madwar 140,000 persuni jaħdmu ‘full time’, bi kważi 100,000 minnhom fis-settur privat. Din mhix gżira li għandha persuni impjegati biex jimlew it-toqob, bħal fi żmien Napuljun III ta’ Franza iżda li għandhom sehem determinanti f’ħidma intelliġenti u li tħalli frott ta’ xogħol tajjeb. Qatt fl-istorja ta’ pajjiżna ma kellna tant persuni jaħdmu u dan hu kollu mertu tal-proposti, ta’ l-inizjattivi u viżjoni li rajna f’dan il-pajjiż. Li kieku ma kellniex mexxejja politiċi li, bid-difetti kollha tagħhom ħarsu ’l quddiem, kieku m’għandniex l-avvanzi fis-setturi finanzjarji, marittimi, tas-servizzi u l-bqija imma għadna marbuta ma’ mentalità li ilha nieżla minn żmien l-Kavallieri. 6. Il-valur tax-xogħol hu għalina ċ-ċavetta għas-soċjetà preżenti u futura. Hi l-pedestall li minnu aħna nistgħu nħarsu ’l quddiem biex inkomplu nużaw tajjeb it-talenti tal-Maltin u l-Għawdxin. Mhux biss għall-frott tagħna imma anki għall-futur. Kif kien qal tajjeb bniedem għaref f’Laborem Exercens: “Work is one of these aspects (of life), a perennial and fundamental one, one that is always relevant and constantly demands renewed attention and decisive witness. Because fresh questions and problems are always rising, there are always fresh hopes, but also fresh fears and threats, connected with this basic dimension of human existence; man’s life is built up every day from work, from work it derives its specific dignity, but at the same time work contains the unceasing measure of human toil and suffering, and also of the harm and injustice which penetrate deeply into social life within individual nations and on the international level.” Dawn huma l-prinċipji li żammew il-Partit Nazzjonalista għaddej. Partit li apprezza l-valur sħiħ tax-xogħol u ħa ħsieb iġibu fis-seħħ. |
Intervista
|
|