MediaToday

Emmanuel Micallef | 03 ta’ Frar 2008 Nr 66

Il-poplu deċiż

Ikun xi jkun l-avveniment l-aħħar sforz dejjem irid isir. Kemm jekk se toqgħod għal xi eżami, kemm jekk se torganizza xi attività u kemm jekk jasal il-mument fejn se tieħu deċiżjoni importanti fil-ħajja tiegħek tgħaddi minn l-aħħar fażi fejn tiddedika iktar enerġija, tiffoka iktar fuq dak li tkun trid tagħmel u anke jekk tinħakem minn għejja tkun trid tħoss l-assigurazzjoni li kollox hu lest.
Hekk jiġri wkoll fil-kampanja elettorali. Hi l-aħħar fażi qabel tittieħed id-deċiżjoni ta’ min ħaqqu jmexxi lill-pajjiż għall-ħames snin li jkun imiss. Għalhekk il-partiti jżidu fil-konċentrazzjoni ta’ l-attivitajiet politiċi tagħhom. Attivitajiet politiċi ferm iktar intensivi minn dawk ta’ matul is-sena.
Il-partiti bir-raġun kollu jużaw kull mezz possibbli biex iwasslu l-messaġġ tagħhom. Mhux biss biex iwassluh fuq firxa wiesgħa ta’ l-elettorat imma l-iktar importanti li dan il-messaġġ jiddaħħal fl-imħuħ u l-qlub tan-nies. F’perjodu ta’ ħames ġimgħat il-poplu jkun mitmugħ bi propaganda ma taqta’ xejn. Hu żmien ta’ bombardament ta’ ‘attakki’ politiċi qawwija mill-partiti fuq l-elettorat. L-istrategija propagandistika hi msejsa fuq il-ħila ta’ kemm jirnexxielhom jolqtu l-ħsieb u l-emozzjonijiet ta’ diversi kategoriji tas-soċjetà.
Donnu jridu jogħġbu ’l Alla u x-xitan f’daqqa. Qishom għandhom is-soluzzjonijet maġiċi għal problemi ta’ kulħadd. F’dan l-aħħar sforz, għal fini ta’ propaganda, ma jibqax ‘pjanar fit-tul’, ‘interess nazzjonali’ jew ‘tmexxija b’responsabiltà politika’. Dawn jiġu wara. L-importanti hi l-kisba tal-vot, bis-sewwa jew bid-dnewwa.
Iżda dan l-isforz maħsub u intiż biex jattira l-voti ta’ kulħadd jispiċċa biex effettivament jinfluwenza ‘tajjeb’ jew ‘ħazin’ lil madwar 30 fil-mija tal-votanti. Is-70 fil-mija l-oħra tal-votanti jkunu diġà iddeċidew fejn se jitfgħu l-vot tagħhom. X’aktarx li jinqasmu kważi bin-nofs bejn iż-żewġ partiti l-kbar għalkemm hemm persentaġġ minnhom li jmorru direttament fuq il-partiti ż-żgħar. Huma t-30 fil-mija li jħollu u jorbtu lil fejn ixaqleb il-miżien.
Huma dawn li wara kollox jiddeċiedu min se jifforma l-Gvern li jmiss. Hu minnu li kull votant għandu l-istess saħħa ta’ vot wieħed u għalhekk kull vot jgħodd, imma r-riżultat aħħari se jkun determinat minn dawk il-votanti li jaqgħu fix-xibka tat-30 fil-mija. Il-biċċa l-kbira tal-poplu diġà iddeċidiet kif se jivvota fl-elezzjoni li ġejja. Iżda l-inċertezza toħroġ mill-fatt li l-minoranza ta’ votanti li ma joħorġux barra jperpru xi bandiera ta’ partit jew ieħor jew li daqqa jperpru bandiera ħamra u daqqa bandiera kaħla għandhom il-poter li jċaqilqu l-pendlu kif jixtiequ huma.
Dawn il-votanti għandhom il-karatteristika li ma jħarsux lejn uċuh. Ma jitkaxkrux malajr mal-kurrent. Anzi kultant ir-raġunament tagħhom ma jirriflettix il-loġika tal-ħsieb tal-partitarju jew tas-simpatizzant tradizzjonali tal-partit. Dawn iħarsu lejn x’jaqbillu l-pajjiż, mhux daqstant minn sens patrijottiku, imma iktar minn kif huma jifhmu li jistgħu jgħixu aħjar u jiggwadanjaw personalment mingħajr ma joqogħdu joħorġu lsienhom biex jilagħqu lil xi partit jew ieħor.
F’din l-elezzjoni interessanti hu l-fatt li fil-prinċipju l-100 fil-mija ta’ l-elettorat jaqbel li pajjiżna għandu bżonn il-bidla. In-Nazzjonalisti diġà qed jagħtuna x’nifhmu li jekk jitilgħu fil-Gvern, Gonzi bħala Prim Ministru se jimxi fuq programm differenti ‘viżjoni 2015’ u se jwettqu b’tim ta’ ministri differenti.
Il-Laburisti diġà kixfu jdejhom fis-sens li huma lesti għall-bidla radikali fil-pajjiż anzi għal ‘bidu ġdid’ fejn l-istil tat-tmexxija jkun kompletament differenti u l-prioritajiet ukoll.
L-alternattiva demokratika qed toffri l-bidla fis-sistema politika billi tisħaq fuq l-eliminazzjoni darba għal dejjem ta’ l-alleanza bejn il-PN u l-MLP.
L-Azzjoni Nazzjonali wkoll qed jibbażaw il-kampanja tagħhom fuq il-ħtieġa tal-bidla fil-mentalità, fuq il-ħtieġa tal-valuri tradizzjonali u fuq il-bidla fl-istituzzjonijiet eżekuttivi tal-pajjiż. Kulħadd irid xi forma ta’ bidla jew oħra. Għalhekk il-ġlieda jew l-għażla mhix se tkun bejn il-bidla u l-kontinwazzjoni. Iżda bejn x’tip ta’ bidla rridu li jkollna f’pajjiżna.
Kulħadd jaqbel li 20 sena fil-gvern hu żmien twil wisq. Anke jekk ikun Gvern li tgħallem kif kulma jmiss jagħmlu deheb, xorta waħda l-ħtieġa ta’ bidla tkun evidenti. Mill-banda l-oħra ma jagħmilx sens li nbidlu sempliċiment biex inkunu biddilna l-uċuh tal-partit fil-gvern jew tal-ministri u kollox jibqa’ prattikament kif kien tneħħi xi rtokki ’l hemm u ’l hawn. Iżda rridu nbiddlu biex nagħtu nifs ġdid, b’enerġija ġdida u b’entużjażmu ikbar li treġi pajjiżna.
Din hi l-mistoqsija li se jagħmel l-votant qabel ma jixħet il-vot fil-kaxxa. X’bidla rrid u min jista’ jagħtini l-bidla li nixtieq? Jekk għad hawn min jaħseb li l-elettorat hu nieqes mill-intelliġenza ikun qed jiżbalja bl-ikrah. Ħadd ma impressjona ruħu bil-propaganda li saret li l-billboards ta’ Gonzi kienu kkupjati minn fuq s’isfel mill-posters ta’ Sarkozy u daqstant ieħor ħadd ma niżżilha minn gerzumtu li Charles Mangion wiegħed li jekk l-MLP jkun fil-Gvern se jnaqqas il-benefiċċji soċjali!
B’din l-propaganda mhux qed jingħataw it-twegibiet li qed jitlob l-elettorat. Aħjar il-partiti ma jaħlux iż-żmien tal-kampanja elettorali. Wara kollox il-poplu deċiż. Ir-riżultat ta’ l-elezzjoni hu sempliċiment il-konferma tad-deċiżjoni tal-poplu.

Intervista
Nippreferi nitlef għax għedt il-verità

Julia Farrugia tintervista lil Clyde Puli, Kandidat tal-PN


Editorijal

L-id goffa ta' Falzon


Il Punt
Irridu informatika għal kulħadd
Leo Brincat

TONI u PEPPI
Sentenza mnaqqsa għal drogat li għamel programm?


Emmanuel Micallef
Il-poplu deċiż


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-Valur tax-xogħol



X'kien Jgħid
Il-ħmar il-magħkus



Wenzu Mintoff

Achille Lauro

Kien ssemma għalih il-cruise liner li nħataf fl-1985 fl-ibħra viċin l-Eġittu. L-Achille Lauro kien inħataf mit-terrorista Palestinjan Abu Abbas li spiċċa fiċ-ċentru ta' taqtigħa bejn Ronald Reagan u Bettino Craxi meta l-Amerikani sfurzaw l-inżul fil-bażi tagħhom f'Sigonella, Sqallija l-ajruplan li kien se jieħu lil Abbas lejn it-Tuneżija wara li kien inħeles mill-Eġittu. Dakinhar kienet għaddiet ta' Bettino Craxi li minkejja dak kollu li għadda minnu f'Tangentopoli ftit tas-snin wara, xorta waħda baqa' jitfaħħar għall-pożizzjoni soda li kien ħa fil-każ ta' l-Achille Lauro meta ma kienx ħalla l-prepotenza Amerikana tagħmel bih.

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075