MediaToday

Ittri | 03 ta’ Frar 2008 Nr 66

Il-Ministeru jwieġeb dwar l-iskema Blueskies

Minn Jesmond Saliba,
Koordinatur tal-Komunikazzjoni,
Ministeru għat-Teknoloġija,
Valletta

Bl-Editorjal tiegħek ta’ l-20 ta’ Jannar (Opportuniżmu ‘smart’) ridt tgerrex lil min tħajjar idaħħal id-dar il-broadband internet fejn s’issa ma setax jew ma ħasibx li kienet idea tajba.
Bl-Editorjal tiegħek tas-27 ta’ Jannar (Fil-kju ħalli nistennew…) ridt iġġiegħel jistħi lil min s’issa ma kellux broadband internet id-dar u approfitta mill-iskema
tal-Gvern.
Fejn il-Gvern daħal biex jissussidja l-broadband internet fid-djar ta’ min s’issa ma kellux il-gazzetta tiegħek daħlet biex tħajjar lill-istess nies jibqgħu bla internet suppost biex ma jpaxxux lill-Gvern li qed joffrilhom is-sussidju. Minn fuq għajjart lill-Gvern li nieqes mis-sens ta’ ġustizzja soċjali.
Ma rridx nemmen li hi x-xewqa tiegħek tara familji jibqgħu ma jużawx l-internet għax trid tgħid li din it-teknoloġija essenzjali hi teknoloġija Nazzjonalista u mhux tajba għal-Laburisti. Naf iżda li ħaddieħor li uża kliemek qablek u warajk hekk irid jagħmel. Nittama li kont biss inġenwu u mhux partiġġan meta rrepetejt dan il-lingwaġġ.
Mhux veru li l-iskema ma tagħtix kas l-ewwel lil min għandu bżonnha. Is-sussidju hu limitat għal min s’issa m’għandux broadband id-dar. Min m’għandux broadband iqis prezzu għoli wisq u flusu jkollu jagħmilhom f’affarijiet li jqis aktar essenzjali.
L-ewwel il-pappa mbagħad l-umpappa.
Lil dawn ridna nikkonvinċuhom li l-internet illum hu l-pappa wkoll. Ħadd ma jieqaf jiekol jew jgħix bix-xema’ u bil-barmil mill-għajn għax inkella jrid iħallas għall-ikel, għall-elettriku u għall-ilma mill-vit. Blueskies tgħinhom japprezzaw l-importanza tal-broadband billi tagħtihom daqqa t’id sew iħallsu għalih.
Aħna konvinti li fl-aħħar ta’ l-ewwel sena tal-Blueskies l-effett ma jkunx li l-penetrazzjoni tal-broadband terġa’ tibda tonqos għal-livelli ta’ llum. Lil min jirnexxielna nħajru jdaħħal l-internet id-dar iżommu.
L-għan tagħna hu ċar. Sa l-2010 mill-anqas 75% tal-familji Maltin ikollhom broadband id-dar. Biex nagħmlu hekk irridu ngħallmuhom jużaw il-kompjuter (eluf tgħallmu bil-myWeb); irridu nħajruhom jippruvaw l-internet (Blueskies tagħmel hekk); iżda jekk se ddaħħal l-argument tal-ġustizzja soċjali, il-veru differenza tiġi meta kulħadd ikollu biex jixtri kompjuter.
Għedna diġà fl-istrateġija tagħna li ftit ġranet oħra nibdew skema mal-banek biex kulħadd ikun jista’ jdaħħal kompjuter ġdid u jħallas għalih anqas minn ewro kuljum. Għal min lanqas daqshekk ma jiflaħ, se nagħtuhom kompjuters użati li iżda huma tajbin għall-broadband internet u s-software ta’ llum għal prezzijiet nominali.
Il-ħtija tal-Gvern ta’ dan kollu hi s-suċċess. Il-familji Maltin huma diġà fost l-aktar imqabbdin ma’ l-internet
fl-Ewropa u dawn l-iskemi se jżidu l-aċċess. Dan nafuh aħna kif jafuh il-kritiċi tagħna li għall-għira u r-rgħiba tagħhom ma jridux li nirnexxu.
Għalfejn hi ħtija għall-Gvern li jdaħħal inizjattivi li jġibu l-ġid fil-pajjiż? Min qallek li l-ġustizzja soċjali ma tistax tkun popolari u apprezzata minn dawk li jgawdu minnha?
Mhux vera li tista’ tqabbel il-kju għall-iskema Blueskies mal-kjujiet fi żminijiet Soċjalisti. Il-kjuwijiet fi żminijiet Soċjalisti kienu kkawżati minn monopolji statali jew ikkontrollati mill-istat li ma kinux jippermettu n-negozju f’suq ħieles ta’ telefons jew televiżjonijiet u li kienu jinkisbu biss b’rakkomandazzjoni ta’ uffiċjali u politiċi soċjalisti aktarx wara tixħim.
Aktar minn hekk missek taf sew li l-kjuwijiet fi żminijiet Soċjalisti kienu suġġetti għall-klijenteliżmu sfrenat fejn li toqgħod fil-kjù ma kienx ikun biżżejjed iżda kien ikollok bżonn jew xi rakkomandazzjoni ta’ xi Ministru jew it-tessera tal-Partit Laburista biex tieħu dak li hu tiegħek bi dritt.
Il-Blueskies hu sussidju offrut esklussivament lil dawk il-familji Maltin li ma felħux iħallsu għall-broadband internet fid-djar tagħhom minkejja li dan hu prodott offrut liberalment fis-suq f’ambjent ta’ kompetizzjoni. Lil dawn il-familji l-inizjattiva tal-Gvern intervjeniet biex temanċipahom soċjalment mingħajr favoritiżmi jew korruzzjoni.
Il-ħidma tal-Gvern tikkumplimenta għalhekk l-inizjattiva privata u bi sħubija magħha tassigura li l-familji Maltin ikunu fost l-aktar imqabbdin ma’ l-internet fi djarhom fl-Ewropa.
Minkejja x-xettiċiżmu u l-kampanja distruttiva tiegħek wara li tħabbret l-iskema Blueskies, 4,500 familja minn Malta u Għawdex approfittaw irwieħhom minn din l-opportunità.
Mhux vera li l-iskema hi limitata għal 5,000 persuna fuq bażi first come first served. Din hi qlajja’ li qalagħha min ried jikkritika għax beża’ mis-suċċess ta’ l-iskema għall-partiġġaniżmu u l-motivazzjonijiet elettorali tiegħu. Hu int irrepetejtha darbtejn.
Il-gazzetta tiegħek u l-mezzi tal-Partit Laburisti kienu l-uniċi li m’attendewx il-konferenza ta’ l-aħbarijiet li ħabbret din l-iskema. Kieku kont hemm kont tifhem minflok li l-Gvern qal li jistima li madwar 5,000 familja jinteressahom jidħlu għall-Blueskies. Dan għax daqshekk hawn familji li għandhom kompjuter id-dar u m’għandhomx broadband. Fejn hu l-għaġeb?
X’sens ta’ ġustizzja soċjali jista’ għandek meta fl-ebusija ta’ l-argumenti tiegħek ridt tnessi lill-familji b’persuni b’diżabilità li m’għandhomx broadband id-dar li l-iskema qed toffrilhom broadband b’xejn għal sena?
Mhux vera li l-Gvern stenna l-elezzjoni biex jagħmel din l-iskema. Jekk taħseb li inizjattiva bħal din tista’ timprovizzaha ħabta u sabta, jgħarralek. L-għan tagħna kien li nvaraw din il-miżura f’Settembru li għadda iżda wara li l-ISPs u l-GRTU kienu esprimew li xtaqu li l-miżura ssir fuq bażi differenti ħadna ż-żmien kollu neċessarju biex jinstab qbil fuq l-iskema. Dan il-qbil intlaħaq fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar wara ġimgħat ta’ diskussjonijiet intensivi u kostruttivi bejn il-partijiet kollha.
Ma nifhimx għalfejn imbagħad wara l-argumenti kollha dwar ġustizzja soċjali, timplika fl-editorjal tiegħek li jekk l-iskema teskludi lir-residenti tad-distrett fejn joħroġ għall-elezzjoni l-Ministru Gatt, allura temmen li l-iskema hi ġusta. Dan is-suġġeriment kapriċċuż u diskriminatorju jitfa’ fuqek il-ħtija ta’ sens t’inġustizzja soċjali. X’għandhom anqas ir-residenti ta’ l-Ewwel Distrett mir-residenti tal-bqija ta’ Malta biex int tagħmel dan is-suġġeriment?
Imbagħad tgħid li biex tkun kuntent trid lista verifikata ta’ min gawda minn din l-iskema. Trid li nippubblikaw l-isem u l-indirizz ta’ min iddikjara li s’issa ma felaħx iħallas għall-broadband internet. Jekk dan jissodisfak, u jekk dan hu permess mil-liġi dwar il-protezzjoni tad-data kif interprata mill-kummissarju, ngħaddulek din l-informazzjoni. Iżda ntenni li dan hu kejl stramb għall-aħħar tal-ġustizzja soċjali.
Jekk naqblu li l-internet hu essenzjali għall-ħajja tal-lum, il-kejl tal-ġustizzja soċjali jkun kemm irnexxielna nżidu nies jużaw il-broadband fi djarhom. Sa llum aħna fost l-aħjar fl-Ewropa. Il-mira tagħna hi li fi żmien qasir inkunu l-aħjar.
Jekk għalik dan hu opportuniżmu ‘smart’ nasal naqbel miegħek jekk tkun qed tgħid għall-Maltin li
bil-għaqal tagħhom qed jaħtfu l-opportunitajiet li tagħtihom it-teknoloġija ġdida u waqt li jinjoraw lil min jixtieqhom jibqgħu lura, jirkbu kull ċans li l-inizjattivi tal-Gvern jagħtuhom biex jgħixu ħajja aħjar.
4,500 familji Maltin, u aktar sakemm tagħlaq l-iskema, tawk risposta u wrew li huma ‘smart’.

Nota Editorjali:
M’aħniex se ninħlew fuq l-insinwazzjonijiet partiġġani bla bażi iżda nixtiequ nindikaw żewġ fatti. Il-limitu oriġinali ta’ 5,000 ikkonfermah il-Prim Ministru nhar is-Sibt li għadda f’kumment li ta lil din il-gazzetta. Bl-argument li qed jagħmel il-Ministeru jwassalna għall-konklużjoni li l-PM allura ħa xi żball.
Imma iktar importanti minn hekk hu l-argument dwar il-ġustizzja soċjali. Sewwa għamlu n-nies li ħarġu bi ħġarhom jibbenefikaw minn din l-iskema. Madankollu dan waħdu mhux argument li jiġġustifika jekk din l-iskema hix ġusta jew le u jekk tindirizzax il-problema jew le.
Il-fatt li l-Ministeru stess iddeċieda li jżomm l-iskema miftuħa għal iktar żmien wara li talab lin-nies imorru fil-kjù jindika li kien hemm nuqqas ta’ ħsieb qawwi fuq kif inħadmet. Nittamaw biss li l-eżerċizzju tal-kjù ma kienx intenzjonat biex il-Ministru jkollu opportunità jidher
bin-nies warajh lejlet kampanja elettorali.

Intervista
Nippreferi nitlef għax għedt il-verità

Julia Farrugia tintervista lil Clyde Puli, Kandidat tal-PN


Editorijal

L-id goffa ta' Falzon


Il Punt
Irridu informatika għal kulħadd
Leo Brincat

TONI u PEPPI
Sentenza mnaqqsa għal drogat li għamel programm?


Emmanuel Micallef
Il-poplu deċiż


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-Valur tax-xogħol



X'kien Jgħid
Il-ħmar il-magħkus



Wenzu Mintoff

Achille Lauro

Kien ssemma għalih il-cruise liner li nħataf fl-1985 fl-ibħra viċin l-Eġittu. L-Achille Lauro kien inħataf mit-terrorista Palestinjan Abu Abbas li spiċċa fiċ-ċentru ta' taqtigħa bejn Ronald Reagan u Bettino Craxi meta l-Amerikani sfurzaw l-inżul fil-bażi tagħhom f'Sigonella, Sqallija l-ajruplan li kien se jieħu lil Abbas lejn it-Tuneżija wara li kien inħeles mill-Eġittu. Dakinhar kienet għaddiet ta' Bettino Craxi li minkejja dak kollu li għadda minnu f'Tangentopoli ftit tas-snin wara, xorta waħda baqa' jitfaħħar għall-pożizzjoni soda li kien ħa fil-każ ta' l-Achille Lauro meta ma kienx ħalla l-prepotenza Amerikana tagħmel bih.

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075