Intervista | 03 ta’ Frar 2008 Nr 66
Julia Farrugia tintervista lil Clyde Puli, Kandidat tal-PN
Jekk in-nuqqas ta’ puntwalità tagħmlek ministru allura l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Clyde Puli għandu wieħed mill-kriterji ġewwa.
Għall-ewwel ħsibt li ftehimna ħin jew ġurnata b’oħra imma wara 20 minuta Puli jitfaċċa kif miftiehem fi triq ewlenija f’Ħal Qormi.
Puli għandu dehra partikolari. Qatt ma tarah żmattat u għal din l-intervista jitfaċċa llamtat b’sidrija u bi ġlekk pulit.
Għal ħafna nies Clyde hu bniedem imqit. Imma wara dik il-qoxra hemm bniedem differenti? Jaf ikun sensittiv? X’ħass pereżempju meta ħarġet l-aħbar li Alfred Sant għandu kanċer?
Konxja li l-ewwel parti tas-sentenza tiegħi setgħet ħasditu, din hi l-uniku darba li nara wiċċu jieħu kulur ħamrani.
“Jien kont skomdu ħafna biha. Naħseb li xi darba jew oħra l-kwistjoni tal-kanċer laqtet lil kull familja. Tħoss emozzjonijiet kbar. Ir-rispett tiegħi lejh hu sħiħ. Għandi ammirazzjoni lejh fuq ċerti affarijiet u inqas ammirazzjoni f’affarijiet oħra,” iwieġeb Puli.
Nitolbu eżempji konkreti ta’ l-affarijiet pożittivi li jara f’Sant.
“Lil Alfred Sant narah bniedem kolt ħafna,” isostni Puli b’referenza għall-ammonti kbar ta’ kotba li jaqra l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni.
Inwaqqfu u ngħidlu li din hi cliché għax kull Nazzjonalist fervent normalment isemmi dan il-punt u jieqaf hemm.
“Le, bis-serjetà. Jien naqra ħafna. Qed tara l-ammonti kbar ta’ kotba? ” isostni waqt li jipponta subajh lejn librerija minn ħajt sa ħajt li hemm warajja.
“Imma jien monotonu għax dwar politika biss naqra. Alfred Sant jifrex ħafna fuq dak li jaqra. Sant hu kittieb ukoll. Għandi l-kotba tiegħu. Kont minn ta’ quddiem li xtrajt kotba li kiteb hu,” jargumenta.
U fuq tmexxija jara xi ħaġa tajba f’Alfred Sant?
Puli jgħid li hemm numru ta’ affarijiet fil-Partit Laburista li nbidlu imma “xorta waħda Alfred Sant irid jopera taħt dak li bena l-Partit Nazzjonalista.”
Jibda jsemmi lista ta’ affarijiet li twettqu mill-PN u issa l-MLP bilfors irid iħaddan. “Illum donnu l-Partit Laburista ikkonverta għat-twemmin tal-PN. Illum għandek l-MLP li aċċetta l-fatt li Malta fl-Unjoni Ewropea, il-liberalizazzjoni tal-kummerċ, it-trasparenza, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, Kunsilli Lokali…”
Fuq in-naħa l-oħra tal-miżien Puli jgħid li f’Alfred Sant idejqu “l-prammatiżmu kważi assolut tiegħu.”
Jiddeskrivi lil Sant bħala “bla boxxla politika ċara. Qisu skond x’jiġri jiddetta.”
U hawn nidħlu għall-argument ta’ kif dan il-Membru Parlamentari jħares lejn l-elezzjoni ġenerali li jmiss u kif jiddeskriviha.
“Din l-elezzjoni se tkun logħba ta’ persważjoni. Din l-elezzjoni ġenerali mhu se tkun rebħa faċli għal ħadd,” iwieġeb. Isostni li “jiltaqa’ ma’ floaters ġenwini li se jivvutaw lill-PN għax l-MLP għadu mhux alternattiva għalihom.”
“Hemm partitarji Nazzjonalisti li kienu akkaniti imma li ħassewhom individwalment imdarrsin mill-PN,” ikompli Puli.
Jgħid li dan il-fattur u oħrajn jagħmluha diffiċli wieħed jaqra r-riżultat sew. Iżda meta mistoqsi jekk jaħsibx li din l-elezzjoni se tintrebaħ bl-eluf hu jargumenta li le, anzi...
“Naħseb li għall-Partit Nazzjonalist din l-elezzjoni se tippreżentalu sfida kbira. Hemm il-perċezzjoni tan-nies li tiddetta. Hi elezzjoni li r-riżultat se jkun neck to neck,” iwieġeb b’ċertezza.
Fl-istess ħin jitfa’ ċerti dubji dwar rebħa għall-Partit Nazzjonalista.
“Il-Partit Nazzjonalista kien aktar attraenti meta kellu temi kbar fuq il-karta bħall-Unjoni Ewropea. Illum dik is-sitwazzjoni mhix hemm,” jispjega Puli.
Hawn il-kandidat Nazzjonlista jinfilsa għal darb’oħra l-kelma ‘perċezzjoni’ meta l-poplu jaħseb xi ħaġa li ma tkunx minnha. L-eżempju jaqa’ fuq l-għoli tal-ħajja u jsostni li din hi xi ħaġa minfuħa anke mill-Partit Laburista.
Fuq din nissikkah. Nistaqsieh jekk in-nies hux qed jitilqu minn moħħhom meta jgħidu li għoliet il-ħajja jew jekk hux għax veru għoliet il-ħajja.
“Le, mhix perċezzjoni li għoliet il-ħajja. Imma hi perċezzjoni meta jingħad li f’Malta l-ħajja għoliet aktar minn pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea.”
Infakkru li Malta hi waħda mill-aktar pajjiżi ntaxxati fl-Unjoni Ewropea. U b’ħeffa Puli jwieġeb li: “Trid tara l-baġits li għamel Gvern Nazzjonalista. Kellek tlieta mingħajr taxxi u f’wieħed tnaqqsu t-tax bands.”
Imma ma jaħsibx li ż-żminijiet inbidlu u li m’għadniex bħal 25 sena ilu meta n-nies kienet titkaħħal mat-televiżjoni u tistenna l-lista twila tal-bidliet. In-nies drat li l-miżuri jidħlu bejn baġit u ieħor.
Ir-risposta li jagħtini tkun dwar id-differenza li se jkollhom fil-but il-familji li se jgawdu miċ-children’s allowance u benefiċċji oħra.
“Għandek familji li se jkollhom żieda ta’ madwar Lm10 fil-ġimgħa,” ifisser Clyde Puli.
Imma jekk qed jgħid li teżisti problema bil-perċezzjoni allura qed jammetti li l-Partit Nazzjonalista falla fil-mod kif iwassal il-messaġġ tiegħu?
“Il-Partit Nazzjonalista jrid jindirizza l-problema billi jqabbel iż-żewġ sitwazzjonijiet,” iwieġeb.
Infakkru li fil-gazzetti bl-Ingliż il-Partit Nazzjonalista minn xhur ilu beda joħroġ reklami b’lista li tipprova toħroġ id-differenza bejn x’ġara taħt il-Gvern preżenti u taħt il-Gvern ta’ Sant ta’ l-1996.
“Il-votanti mhumiex dawk li jaqraw il-gazzetti bl-Ingliż biss imma trid tolqot lill-poplu kollu,” jispjega l-kandidat.
Imbagħad ifaqqa argument ġdid li l-mod kif jibnieh ifakkarni f’Alfred Sant fil-kampanja tar-referendum fl-2003.
“Aħna lin-nies irridu ngħidulhom dak li tassew nemmnu: il-verità mhux neċessarjament dak li jixtiequ jisimgħu. Jien nippreferi nitlef għax inkun għidt il-verità,” isostni Puli.
“Bħala Partit Nazzjonalista ma ħadniex ħsieb li nibagħtu messaġġ b’dawn ir-realtajiet, fosthom l-effetti tal-globalizazzjoni.
“Trid tinżel fl-aktar livelli baxxi biex twassal il-messaġġ. Din mhix kwistjoni ta’ nies li jkunu injoranti u jdumu biex jifhmu,” ikompli.
Jistqarr li l-ġiri tiegħu tad-door-to-door f’din il-kampanja elettorali ilu ħafna li beda.
“Fid-door-to-door hemm it-tħassib tan-nies li tilfu l-impjieg. Dawn jgħaddu minn perjodu transitorju. Il-fatt li n-nies qed ikollhom jitgħallmu ħiliet ġodda biex isibu xogħol joħloqlu stress lill-bniedem.”
Jargumenta li taħt il-Gvern preżenti nħolqu 6,100 impjieg u li x-xogħlijiet il-ġodda qed jitolbu li l-ħaddiema jitħarrġu f’oqsma li qatt ma kellhom għarfien dwarhom.
L-intervista ndawwarha fuq x’jaħseb dwar ix-xquq li qed ifeġġu fil-Partit Nazzjonalista b’numru ta’ nies li telquh fosthom Carmel Cacopardo, Josie Muscat u Ray Bondin fost oħrajn. Nistaqsih jekk il-partit ta’ Josie Muscat hux theddida għall-PN.
“Hi ċara li Josie Muscat se jieħu l-voti tal-Partit Nazzjonalista. Se jtellef aktar lill-Partit Nazzjonalista għax għadu jgawdi ċertu rispett mill-1987. Nemmen li se jtellef aktar lill-PN milli lill-MLP.”
Fuq livell personali nistaqsi lil Puli jekk l-assoluzzjoni li ta Gonzi lil John Dalli ikkumplikatlux il-pjanijiet fuq id-distrett. Dalli hu r-rival numru wieħed ta’ Clyde Puli fuq id-distrett ta’ Ħal Qormi.
“Ma naħsibx. Meta tlajt fil-Parlament John Dalli kien hemm u kien b’saħħa akbar minn ta’ llum. John Dalli tela’ tajjeb u jien tlajt tajjeb ukoll. F’dak il-perjodu John Dalli kien fit-tellieqa għall-Kap tal-Partit,” iwieġeb.
Għall-mistoqsija ta’ x’jaħseb dwar il-fatt li għad hemm Nazzjonalisti li jappoġġaw lil Dalli li tant għadhom maħruqin li xorta mhux se jivvutaw, Puli jwieġeb li “fuq bażi ta’ distrett ma tinħassx din il-problema.”
Imbagħad jargumenta li “min kellu problema fil-Partit Nazzjonalista, telaq u qiegħed ma’ partit ieħor.”
Iġib l-eżempju ta’ Mintoff u jgħid li hi ħrafa li Mintoff niżżel lill-partit tiegħu mill-Gvern. Għal Clyde Puli ma jreġix l-argument li gvern jintilef minħabba persuna waħda. Ikun hemm kwistjonijiet oħra li jniżżlu Gvern.
U x’jaħseb dwar il-fatt li fl-aħħar snin il-kelma korruzzjoni xirfet rasha għal aktar minn darba?
“Bilfors teżisti l-korruzzjoni. Kieku nabolixxu l-Pulizija. Kulmin jiċċappas għandu jitneħħa immedjatament. Ma neskludix li xi ħadd jista’ jkun korrott imma konvint li l-maġġoranza tan-nies fil-politika mhix korrotta.
“Meta l-kelma korruzzjoni tintuża minn partit politiku tkun qisek qed tuża boomerang u tkisser il-kreddibiltà ta’ sistema sħiħa.”
Iżda minn żmien għal żmien jemmen li għandu jkun hemm demm ġdid f’ċerti karigi biex tnaqqas il-problema ta’ korruzzjoni?
“Domanda li dejjem għamiltha lili nnifsi. F’amministrazzjoni iva għax mhemmx l-elettorat li qed jiġġudika. Imma hemm diffikultà jekk tistax tkun fattibbli għax tista’ ma ssibx nies. Imma naqbel li tkun assessjat fuq ix-xogħol li tkun qed tagħmel.”
U x’jaħseb dwar id-dikjarazzjoni li għamel Alfred Sant li Ministri u Segretarji Parlamentari għandhom jirriżenjaw mix-xogħol tagħhom biex jevitaw kunflitt ta’ interess.
Fuq din iwieġeb sparat. “Nista’ nkun aktar radikali aktar minn hekk? Jien ngħid li l-Membri Parlamentari kollha għandhom ikunu full time. Il-Membri Parlamentari għandhom jieqfu jipprattikaw għax xorta jkun hemm kunflitt.”
Imbagħad jagħmel l-argument li l-paga tal-Membri Parlamentari għandha tiżdied u miċ-ċifra ta’Lm6,400 li hi taxxabbli titla’ għal madwar Lm13,000 u wieħed jingħata assistenza ta’ ħaddiem biex jgħin fl-operat.
“Meta tara Chairman b’paga ta’ Lm35,000, Lm13,000 għal Membru Parlamentari mhix ħafna. Membru Parlamentari għandu jkollu paga diċenti imma xorta m’għandhiex tkun paga attraenti. Il-politika qiegħda hemm biex toffri servizz. Jekk għandek kumpanija li tagħmel profitti ta’ xi Lm100,000 allura ibqa’ hemm.”
Lejn il-kap tiegħu Lawrence Gonzi iħares b’ammirazzjoni kbira.
“Lawrence Gonzi hu ta’ valur għall-Partit Nazzjonalista. Jagħmel sew il-PN li jimbotta lill-Gonzi għar-riżultati li kiseb. Meta tara li minkejja li sploda l-prezz taż-żejt, għola bil-kbir il-prezz taċ-ċereali u r-ristrutturar u xorta Gonzi ġab l-investiment ta’ Smart City u l-Lufthansa Teknik żiedu l-investiment…”
X’jaħseb dwar il-fatt li l-Gvern Nazzjonalista neħħa l-ftehim tal-hedging?
“Ma naqbilx mal-hedging.”
Infakkru li l-Prim Ministru f’intervista lil din il-gazzetta qal li wara kulħadd għaref u li kieku jreġġa’ l-arloġġ lura kien jagħmel il-hedging fuq il-prezz taż-żejt.
Hawn Puli jbiddel il-verżjoni u jgħid li “kieku jidħol għal hedging jagħmlu f’perjodu iqsar.” Skond hu din it-tema taż-żejt saret kwistjoni partiġġana.
“Kull partit kellu jibla’ kliemu u jkollu jibla’ l-verità.”
Puli hu wieħed mill-persuni li flimkien ma’ Jeffrey Pullicino Orlando, Robert Musumeci, Chris Said u oħrajn intagħżel bħala wieħed mill-uċuh ‘ġodda’ tal-PN tul il-festi ta’ l-Indipendenza f’Settembru li għadda.
Din l-idea donnha sparixxiet ftit wara l-Indipendenza u Gonzi fuq il-billboards qed jidher waħdu. Hi daqshekk tal-mistħija li Gonzi jidher imdawwar bin-nies tiegħu?
“Fl-Indipendenza veru kien hemm enfasi. Ma naħsibx li sfumat. Fid-djalogi ta’ nhar ta’ Ħadd dejjem jidhru nies ġodda. Il-kampanja elettorali mhix biss il-billboard,” isostni.
Nistaqsieh jekk ħassux diżappuntat li Gonzi baqa’ ma għażlux għal xi kariga ministerjali. “Le. L-esperjenza li kelli kienet waħda pożittiva. F’din il-leġislazzjoni kont Chairman tal-Kumitat
għall-Affarijiet Soċjali u membru tal-Kumitat
għall-Affarijiet Barranin. Jekk inħares lejn fejn waslu minn kellu l-istess kariga allura jawgura tajjeb għalija.”
Imma x’jiġri jekk jerġa’ jitla l-PN fil-Gvern u jibqa’ fuq l-ixkaffa għax jerġa’ jibqa’ mingħajr dekasteru?
L-ewwel u l-uniku pawsa twila.
“Naħseb kulfejn servejt servejt tajjeb. Imma l-kowċ irid jirgħa lin-nies tiegħu fl-aktar postijiet li jħoss li huma tajbin. Kull kariga nilqagħha bl-akbar ħeġġa.” |
|
Julia Farrugia tintervista lil Clyde Puli, Kandidat tal-PN
Editorijal
Il Punt
Leo Brincat
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
Kien ssemma għalih il-cruise liner li nħataf fl-1985 fl-ibħra viċin l-Eġittu. L-Achille Lauro kien inħataf mit-terrorista Palestinjan Abu Abbas li spiċċa fiċ-ċentru ta' taqtigħa bejn Ronald Reagan u Bettino Craxi meta l-Amerikani sfurzaw l-inżul fil-bażi tagħhom f'Sigonella, Sqallija l-ajruplan li kien se jieħu lil Abbas lejn it-Tuneżija wara li kien inħeles mill-Eġittu. Dakinhar kienet għaddiet ta' Bettino Craxi li minkejja dak kollu li għadda minnu f'Tangentopoli ftit tas-snin wara, xorta waħda baqa' jitfaħħar għall-pożizzjoni soda li kien ħa fil-każ ta' l-Achille Lauro meta ma kienx ħalla l-prepotenza Amerikana tagħmel bih.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|