Editorjal | 03 ta’ Frar 2008 Nr 66
Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Michael Falzon jokkupa kariga importanti ħafna fil-partit u potenzjalment se jkun ukoll Ministru fil-Kabinett li jrid jaħtar Alfred Sant jekk l-MLP jirbaħ l-elezzjoni.
Il-poter politiku li għandu llum Falzon, u li probabbli jiżdiedlu fil-futur qarib, mhux privileġġ imma piż qawwi li jrid jinġarr b’responsabbiltà.
Hu f’dan il-kuntest li ma nifhmux u ma naqblux mat-tattika perikoluża li qed juża Falzon fil-konfront tal-media meta jkun hemm xi kritika jew rappurtaġġ li ma jdoqqlux għal widnejh.
Din il-ġimgħa Falzon reġa’ fetaħ żewġ kawżi oħra ta’ libell kontra l-gazzetta oħt, MaltaToday. Dawn iż-żewġ libelli jiżdiedu ma’ ħamsa oħra li għamel l-istess Falzon is-sena li għaddiet.
L-aħħar libelli li fetaħ Falzon kienu jirrigwardaw storja fejn ingħad li Falzon kien tela’ ma’ grupp ta’ kaċċaturi r-Rumanija. Ingħad ukoll li meta l-grupp ġie lura Malta l-bagalji li kien fihom il-karkassi tal-għasafar kienu konfiskati mid-Dwana biex isiru t-testijiet għall-influwenza tal-għasafar. Kien preċiżat ukoll li l-bagalja ta’ Falzon ma kenitx ma’ dawk konfiskati għax ma kienx fiha karkassi.
Ir-rapport dwar il-ġita ta’ Falzon ma’ kaċċaturi oħra kien fattwali.
Jekk Falzon ħassu offiż għax il-gazzetta xandret din iż-żjara privata tiegħu fir-Rumanija allura d-Deputat Mexxej ma fehemx x’inhu r-rwol tal-media f’soċjetà demokratika fejn il-libertà ta’ l-Istampa hi prinċipju sagrosant.
Fil-kuntest Malti fejn il-kaċċa hi kwistjoni politika li tqum kull darba toqrob l-elezzjoni, Falzon, bħala persuna pubblika b’responsabbiltajiet politiċi kbar, imissu kien jaf li l-aġir tiegħu se jaqa’ taħt l-iskrutinju tal-media.
In-nies għandha dritt tkun taf jekk il-politiċi fil-ħajja privata tagħhom humiex qed jitħalltu ma’ persuni jew gruppi li għandhom, jew jippretendu li għandhom, influwenza kbira fuq il-partiti. Min-naħa l-oħra l-media għandha d-dmir li twassal dik l-informazzjoni lin-nies.
Il-fatt li Falzon jirrikorri għall-kenn tal-qrati b’tant ħeffa u mingħajr apprezzament għar-rwol li tilgħab il-media f’soċjetà moderna ma jawgurax tajjeb la għalih u lanqas għad-demokrazija.
Filwaqt li l-liġi tal-libell qegħdha hemm biex tipproteġi lil individwu komuni minn attakki insensati u inġurjużi, m’għandhiex tintuża mill-politiku bħala għodda ta’ trażżin fil-konfront tal-media.
L-id goffa li qed juri Falzon fil-konfront tal-gazzetta MaltaToday mhu xejn għajr attentat biex jipprova jrażżan il-libertà ta’ l-Istampa. Dan mhux aġir dehen ta’ politiku li għada pitgħada jista’ jkun M1inistru fejn l-iskrutinju mill-media se jkun ħafna iktar fil-fond.
Fiċ-ċirkostanzi globali li ninsabu fihom bl-inċertezza li qed tolqot is-swieq, pajjiżna ma jiflaħx kampanja elettorali twila ħafna. Żmien l-elezzjonijiet dejjem ġab miegħu nixfa fin-negozju.
Nittamaw li għada l-Prim Ministru jsejjaħ l-elezzjoni biex issir fil-bidu ta’ Marzu ħalli nnaqqsu l-perjodu ta’ inċertezza.
Nistennew ukoll li l-Gvern jieqaf milli jibqa’ juża fondi pubbliċi biex imexxi ’l quddiem propaganda dwar x’sar u x’se jsir, li fihom infushom m’għandhom l-ebda valur ta’ informazzjoni lill-pubbliku.
Nemmnu li l-kampanja elettorali għandha tiffoka fuq il-kwistjonijiet u s-soluzzjonijiet li qed joffru l-partiti politiċi. Madankollu nemmnu wkoll li l-kwalitajiet tal-mexxejja u n-nies ta’ madwarhom jeħtieġ ikunu analizzati għax l-amministrazzjoni pubblika daqskemm tiddependi fuq il-politika mħaddma tiddependi wkoll fuq min iħaddimha.
Inħeġġu wkoll lill-partiti politiċi jagħtu iktar spazju lin-nisa għax tassew nemmnu li hemm bżonn Parlament iktar femminili. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Clyde Puli, Kandidat tal-PN
Editorijal
Il Punt
Leo Brincat
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
Kien ssemma għalih il-cruise liner li nħataf fl-1985 fl-ibħra viċin l-Eġittu. L-Achille Lauro kien inħataf mit-terrorista Palestinjan Abu Abbas li spiċċa fiċ-ċentru ta' taqtigħa bejn Ronald Reagan u Bettino Craxi meta l-Amerikani sfurzaw l-inżul fil-bażi tagħhom f'Sigonella, Sqallija l-ajruplan li kien se jieħu lil Abbas lejn it-Tuneżija wara li kien inħeles mill-Eġittu. Dakinhar kienet għaddiet ta' Bettino Craxi li minkejja dak kollu li għadda minnu f'Tangentopoli ftit tas-snin wara, xorta waħda baqa' jitfaħħar għall-pożizzjoni soda li kien ħa fil-każ ta' l-Achille Lauro meta ma kienx ħalla l-prepotenza Amerikana tagħmel bih.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|