X’kien jgħid? | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65
Biex jasluli l-aħbarijiet minn Malta mhux sempliċi daqskemm wieħed jaħseb. Minsija l-Maltin ta’ l-Awstralja li jinsabu bil-mijiet ta’ l-eluf minn tagħhom, aħseb u ara aħna l-erba’ qtates Maltin ikkalzrati bħali fl-Egittu. Ma nistax nifhmu dan il-Gvern strumblat li għandkom, ħafna żjarat prim ministerjali spissi lejn l-Awstralja u ħaġa sempliċi bħal m’hi t-trasmissjoni ta’ l-aħbarijiet ta’ Malta fuq l-istazzjon etniku Awstraljan SBS issir bis-sulluzzu u mhux kapaċi jorganizzawha waħda u sew bis-satellita u x’naf jien. Imma issa daqt jitilgħu tal-Labour fil-Gvern u dawk qed jgħidu li kollox se jirrangaw, ma nafx hux għal frisk jew le, bil-pjan għall-bidu l-ġdid li għandhom.
Aħna hawnhekk fil-kamp ta’ detenzjoni f’Lixandra naraw kif niddubbaw mill-aħjar li nistgħu, anki fejn jidħlu aħbarijiet minn Malta. Il-gwardjani mhumiex daqshekk kattivi magħna l-priġunieri speċjalment magħna x-xjuħ li qbiżna l-mija.
Għax ngħiduha kif inhi bil-bażwa mdendla qajla nistgħu nheddu s-sigurtà tal-kamp, naqbżu ċnut u naqtgħu barbed wire biex naħarbulhom.
Bil-lejl meta l-gwardjani ikunu qed jogħnosu u għaddejjin bil-mija, nidħol inkiss inkiss fl-uffiċċju tal-maġġur Dick u nipprova naqra l-aħbarijiet ta’ Malta bis-serqa minn fuq il-kompjuter skadut li għandu.
Tista’ taħseb dal-kompjuter tant hu tal-qamel li saħansitra jikbru l-qamel fih u hu iktar tal-qamel minn dawk li qed iqassam il-ministru tagħkom Austin City Gatt biex jillixka għal xi vot jew tnejn.
Ma nistax nifhimhom dawk l-ingrati Laburisti li għandkom f’Malta joħorgu qatta’ bla ħabel kontra inizjattiva benevola bħal din tal-ministru City Gatt li qed iqassam bi prezzijiet popolari kompjuters li altrimenti kienu jispiċċaw il-Magħtab. Inizjattiva mill-iktar nobbli din li jiġi demokratizzat l-aċċess għad-dinja ta’ l-informatika.
Bix-xieraq wara kollox li skond il-filosofija prevalenti ta’ dan il-Gvern, il-fqir jagħmel festa mill-iskart tas-sinjur. U wara kollox il-15% ta’ dawk li qed joħorġu mill-iskejjel ta’ Malta ma jafux jaqraw u jiktbu, qajla jistgħu jagħmlu l-informatika bil-kompjuter imma dejjem jistgħu joqgħodu jitgħallmu s-sex education permezz tal-films tal-mickey mouse fuq l-internet ħajr għall-Ministru Austin City Gatt. Il-gvern ta’ Dott. Gonzi, bħal Mao Tse Tung, ma jagħtikx il-ħuta biex tixwiha imma l-qażba biex taqbadha… internet broadband bit-3 euro fix-xahar sa l-elezzjoni, imbagħad wara jieħu lura l-qażba u x-xlief imma jħallik bis-sunnara f’ħalqek li jkun qabadlek il-vot biha.
Hawnhekk tar-reġim ta’ Mubarak għandhom ħabta kif iqasqsu u jiċċensuraw l-aħbarijiet, l-aktar meta jkunu jirreferu għar-reġim dekadenti tiegħu.
Anki l-internet mhux l-ewwel darba li ġie ġġammjat meta xi waħda mill-agenziji ta’ l-aħbarijiet internazzjonali jkollha xi rappurtaġġ li jħammar wiċċ il-gvern ta’ hawnhekk. Għalkemm f’Malta m’għandkomx minn dawn il-vġejjel, milli nista’ nifhem il-manipulazzjonijiet fl-aħbarijiet xorta ma jonqsux.
Kien fiha ħafna x’tifhem ittra li dehret fil-gazzetti kollha bl-Ingliż miktubha minn Edward Fenech mhux Adami li qed isostni bħala wieħed minn dawk li kellhom il-privileġġ jattendu għall-kunċert operistiku impekkabbli tal-bravissimi Joseph Calleja u Miriam Gauci, li n-NET TV mmanipula l-filmati tas-serata b’mod tali li l-ovvazzjoni li qalgħu Calleja u Gauci mill-udjenza fuq dan l-istazzjon deher li qalagħha Dott. Gonzi għad-diskors tiegħu.
Bravu Ċirillu għalhekk jgħidulu hekk….
Imma apparti daċ-ċuċati li thedew bihom inthom, illum ninsab xi ftit jew wisq imberfel bl-aħbarijet li qed jaslu llum mill-istrippa ta’ Gaza, tefa’ ta’ ġebla ‘l bogħod minn fejn jinsab il-kamp tal-konfinament tagħna.
Il-Palestinjani f’Gaza jinsabu f’sitwazzjoni tal-biki, konsegwenza ta’ l-imblokk li impona fuqhom il-Gvern Iżraeljan. Dawn litteralment spiċċaw qed isofru l-ġuħ għax l-aċċess tagħhom għall-provvisti ta’ l-ikel jinsab imblukkat.
Kien għalhekk li fil-ġranet li għaddew il-Palestinjani ta’ Gaza spiċċaw iċarrtu l-fence li jimmarka l-fruntiera bejn l-istrippa ta’ Gaza u l-Egittu. Aħbarijiet li jsewdulek qalbek u li jikkuntrastaw b’mod qawwi ħafna mal-ħafna paroli vojt li ntqal waqt iż-żjara riċenti tal-President Giorgio Bush fil-Lvant Nofsani meta sostna li soluzzjoni dejjiema għall-kwistjoni Palestinjana mhix fil-bogħod.
Għalikom. Niltaqgħu ħmistax oħra jekk nibqgħu mal-ħajjin. |
|
Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|