Wenzu Mintoff | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65
F’Għawdex għandi l-għeruq tiegħi. Għalhekk ukoll imma mhux biss lil Għawdex ma nistax ħlief infaħħru u bl-ebda mod ma nista’ nmaqdru. Tista’ taħseb kelli bużnannu kunjomu Mintoff ġej mill-Għasri , bużnannu ieħor kunjomu Refalo ġej mix-Xagħra u n-nannu Chetcuti ta’ Ħaż-Żabbar li miet ix-Xewkija fi żmien il-gwerra.
Imma bl-għeruq b’kollox li suppost għandi fil-gżira tat-tlett għoljiet, għal parti sew minn tfuliti u żgħożiti, Għawdex kien ifisser biss mawra ta’ darba fis-sena għax-‘xalata’ mal-kappillan ta’ Wied il-Għajn Carabott li wara kien għamel żmien twil arċipriet tal-Mosta.
L-‘avventura tas-sena’ kienet issegwi ritwal li kien jirrepeti ruħu sena wara l-oħra. Kienet tibda billi nbakkru xi l-ħamsa u nofs ta’ filgħodu bil-private sal-Marfa, bl-Imperial Eagle sa l-Imġarr, dritt għal quddiesa f’Ta’ Pinu, tard filgħodu x-Xlendi għal qabża l-baħar u ikla ħobż biż-żejt kif imiss u wara nofsinhar għawma oħra f’Marsalforn.
Ma nafx għalfejn, illum il-ġurnata li sirt immur Għawdex ta’ spiss, Marsalforn u x-Xlendi huma l-postijiet li nfittixhom mill-inqas. Għawdex m’hemmx mogħdija, trejqa, kappella jew roqgħa fejn jagħmel in-narċis li ma nafx fejn hi.
Għawdex bħal daż-żmien tas-sena meta l-kampanja tkun qed tfawwar bil-ħajja u n-natura twarrad bl-isbuħija, għal xi raġuni oħra li ma nafx nispjega huwa ż-żmien fejn l-inqas li tkun imfittxija mill-Maltin u mit-turisti, u sa ċertu punt imnalla.
Ħofor
Premessa ftit twila biex nagħmilha ċara li dawn il-ftit ħsibijiet bl-ebda mod m’għandhom jirriflettu ħazin fuq Għawdex u l-Għawdxin, imma jekk xejn fuq minn qed imexxihom. Mawra s-Sibt li għadda ta’ ftit siegħat jiena u l-mara ħratnieh Għawdex bil-karozza minn ponta sa ponta f’kemm trodd salib.
Tneħħi t-triq prinċipali li mill-port ta’ l-Imġarr twassal sar-roundabout qabel ma tidħol għall-Għarb, it-toroq kollha ta’ Għawdex jinsabu fi stat tal-biki liema bħalu. U mhux qed nirreferi biss għat-toroq sekondarji u l-mogħdijiet fil-kampanja, imma anki t-toroq prinċipali li jgħaqqdu raħal ma’ ieħor.
Jekk tkun wieħed tibża’ għall-karozza tiegħek, għandek biċċa xogħol xejn faċli biex iddur żigużajg ma’ dawk il-ħofor kollha biex tipprova tevitahom. Li kellhom dawk kollha li ġarrbu ħsarat fil-karozza tagħhom ifittxu lill-ADT kif għandhom dritt li jagħmlu, l-ADT żgur tispiċċa ottu aktar milli diġà hija.
Bisibilju ta’ ħitan imġarrfa u bosta arbli tad-dawl imgħawġa li bħal donnhom qed jgħidulek biex tfittex tgħaddi malajr minn quddiemhom li ma jmorrux jaqgħu fuqhek.
Anton Tabone
Id-dehra ġenerali ta’ Għawdex għal dik li hi infrastruttura u toroq hi waħda ta’ telqa, żdingar u dekadenza, b’kuntrast ma’ kif it-toroq u d-dehra ġenerali ta’ Għawdex kienu jinżammu pupilla fi żmien li kien ministru għall-Għawdex Anton Tabone.
Ma rreferejtx ukoll għat-22 xahar li għamel bħala Segretarju Parlamentari Anton Refalo biex ma niġix akkużat li qed inkun partiġġan. Proprju f’dan il-kuntrast jinsab fil-fehma tiegħi l-qofol tal-problema kronika li teżisti llum fl-amministrazzjoni tal-gżira Għawdxija.
Fid-disa’ snin li kien għamel bħala Ministru għall-Għawdex Anton Tabone, mhemmx dubju li l-kwalità tas-servizzi, ta’ l-infrastruttura u t-toroq mogħtija mill-Gvern kienet bil-bosta aħjar milli hi llum.
Kien hemm iktar attenzjoni għad-dettall u ħeġġa fix-xogħol għal li dak li jikkonċerna lil Għawdex kollu kemm hu.
Fuq kollox ma kienx hemm din il-fissazzjoni li teżisti llum fil-Ministeru għal Għawdex biex isiru pjaċiri u favuri personali bl-addoċċ u bil-gzuz bħala lixka għall-voti anki jekk ikun a skapitu tal-ġid komuni ta’ Għawdex u l-Għawdxin.
Ikolli ngħid meta jirbaħ il-ġid komuni fid-deċiżjonijiet amministrattivi li jittieħdu, anki l-individwu jispiċċa rebbieħ. Mentri meta jirbaħ l-interess personali u egoist ta’ l-individwi, anki jekk ikunu fl-eluf minn tagħhom, ħafna drabi l-ġid komuni jispiċċa fuq in-naħa telliefa.
Dan hu li ġara f’Għawdex fis-snin li għaddew mindu dil-gżira saret fewdu tal-ministru Giovanna Debono. L-ironija hi li għalkemm bħala ministru Anton Tabone għamel biċċa xogħol tajba, qatt ma ġab valangi ta’ voti, ġieli tkaxkar biex tela’ u fl-1998 saħansitra baqa’ l-art. Filwaqt li taħt is-sinjura Giovanna Debono Għawdex mar lura minn kull aspett, proġetti kapitali bħat-terminal ta’ l-Imġarr li ma jispiċċaw qatt, proġetti oħra kapitali bħaċ-ċentru amministrattiv u bini ġdid għal Qorti baqgħu fuq il-karta, lukandi jagħlqu u minflokhom jinbnew appartamenti għall-ispekulazzjoni, in-nuqqas ta’ investiment privat għall-ħolqien ta’ impiegi ġodda biex jagħmlu tajjeb għall-impiegi li ntilfu, irnexxielha elezzjoni wara l-oħra tikser kull rekord f’dawk li huma voti personali. Imma l-voti personali ma jiġux mix-xejn u ma jaqgħux mis-sema avolja Giovanna għandha ħafna minn jitlob għaliha għall-grazzji li taqla’.
Żewġ eżempji biss ta’ dawn il-‘grazzji ex-voto’. Għawdex għandu bejn wieħed u ieħor wieħed minn tlettax tal-votanti Maltin u Għawdxin imma kawża ta’ fenomenu paranormali u inspjegabbli, biex inkompli fuq it-tema tal-grazzji milqugħa, l-istatistika uffiċjali tgħid li fil-gżira Għawdxija hemm wieħed minn disgħa tal-Maltin u l-Għawdxin kollha li jirtiraw mix-xogħol qabel iż-żmien għar-raġunijiet ta’ saħħa.
Issa l-Għawdxin nafhom bħala nies felħana u ħawtiela li ma jiddejqu xejn imeddu għonqhom għax-xogħol fil-ġebel u fir-raba’ li jeħtieġ ħafna enerġija fiżika.
Fit-Tieni Gwerra Dinjija imnalla kienet il-bżulija tal-Għawdxin u l-frott ta’ l-ħidma bieżla tagħhom u l-Isqof Mikiel Gonzi li eżerċita l-‘qawwa spiritwali’ tiegħu biex jipperswadihom joħorġu l-qamħ li kellhom maħżun, għax altrimenti l-Maltin kienu jispiċċaw mejtin bil-ġuħ.
Evidentement f’Għawdex teżisti sistema li għal xi raġuni jew oħra qed tmarrad lin-nies, hekk mhux fiżikament, moralment żgur. Sistema korrotta li ġġegħlek tħossok obbligat mhux lejn is-socjetà li twelidt, tlajt u kbirt fiha, imma li tagħmlek obbligat lejn il-persuna għal xi grazzja li tkun qalgħetlek biex tieħu dak li ħaqqek u xi kultant anki dak li ma ħaqqekx.
Santa Ċeċilja
Eżempju ieħor tal-korruzzjoni morali li qed jaħkem lil Għawdex, m’ilux rajt dibattitu televiżiv bejn Giovanna u Anton Refalo fejn dan ta’ l-aħħar għamel allegazzjoni serja f’wiċċ il-ministru, li fost dawk li jkunu qed jistennew li l-applikazzjoni tagħhom għall-permess tal-bini biex tiġi deċiża mill-MEPA, hemm minn qed jirċievi SMS li tgħidlu li l-Ministru Debono kienet qabżet għalih avolja ma jkunx talabha taqbeż għalih. Ir-ruħ tifhem għalfejn is-sinjura Giovanna bl-ebda mod ma wieġbet rigward dawn l-SMSs li semma l-avukat Refalo.
It-tiġrif reċenti tal-kapella medjevali f’Għajnsielem iddedikata lil Santa Ċeċilja hija sintomu ieħor ta’ l-irresponsabbiltà u l-inkompetenza li bih hu mmexxi Għawdex illum. Ma kien hemm l-ebda problema biex jintefqu l-miljuni kbar ta’ liri fit-tunnellati ta’ konkos ħalli tinbena dik il-kruha estetika ta’ terminal tal-passiġġieri li ma kienx hemm bżonnu. Imma biex tiġi salvata kappella li tmur lura xi erbgħa sekli s-sinjura Debono sabitha diffiċli! |
|
Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|