MediaToday

Toni Abela | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65

Il-karru tal-Karnival tiegħi

Fil-ħajja ħafna aktar faċli tnikket milli tbikki.Għalhekk jiena għandi ammirazzjoni għal dawk il-kittieba ta’ kummiedji, kummidjanti, buffi, dawk kollha fil-Karnival u kulmin għandu x’jaqsam ma’ l-industrija tal-għors u ferħ. Għalhekk se nipprova nagħmel biċċa xogħol diffiċli ħafna: dik li nibni l-karru trijonfali tal-Karnival.
Naħseb li kont nagħmel bħal torri spirali, bħal dak li ta’ spiss naraw f’ħafna inċiżjonijiet Bibbliċi tat-Torri ta’ Babel. Dan ikun jirrappreżenta t-taħwid li għandna fil-pajjiż, kemm minn aspett politiku kif ukoll soċjali. Fil-vena tal-Karnival tan-Nadur, fi klima Danteska, nagħmel ħafna figuri minuri qishom qegħdin jiġru wara xulxin.
Qassis b’xagħru mħarbat, b’kużakk miftuħ, mitluf f’delirju jiġri wara mara jgħajjat: “Anke jiena għandi dritt niżżewweġ!” Mara nofsha mneżżgħa ma’ mara oħra f’sodda u raġel f’rokna jintrass ma’ raġel ieħor bi plakka fuq rashom bil-kliem: “Anke aħna għandna dritt ninħabbu!”.
Raġel u mara b’żewġ avukati jidħku ħdejhom bil-boroż tal-flus f’idejhom, iġebbdu f’tarbija qisha biċċa ħabel, twerżaq u tgħajjat u ħdejhom il-Kodici Civili miftuħ fuq il-kliem “Drittijiet indaqs!”.
Tifel ta’ sitt snin ma jridx imur l-iskola jekk ommu ‘single mother’ ma tgħidlux min hu missieru għax it-tfal l-iskola qegħdin jidħku bih.
Raġel kollu suf, b’sidru imqabbeż b’wiċċu kollu make-up u liebes parrokka jismu Claudia, u mara liebsa ta’ raġel u ċatta minn rasha sa saqajha jisimha Victor.
Tabib liebes il-ġagaga bajda mċappsa bid-demm qisu ħiereġ minn biċċerija b’fetu żviluppat f’idejh iżommu minn saqajh rasu ’l isfel u omm imwerwra b’pulizija liebes bħal tal-Keystone Cops jiġri warajha b’lembuba.
Fl-aħħar, wieħed żagħżugħ qiegħed ifaqqagħha f’idejh wara bieb ta’ lukanda bl-isem ta’ Estasi.
Fuq dawn il-figuri minuri b’ilbies għal kollox Biżantin jiġi l-kleru. L-ewwel ma nagħmel qassis b’xagħru midluk bil-ġel, liebes ta’ playboy, jismu Kolin, jippoża quddiem kamera tat-TV u jinsisti li hu Star.
Ieħor jismu Mark liebes ta’ wieħed mit-tliet muskettieri, bi ktieb f’id waħda fuq Marx u bix-xabla fl-oħra jiddwella mal-Kanċillier tal-Kurja.
Ftit ’il fuq minn dawn kollha żewġ isqfijiet, it-tnejn b’mitra grotteskament kbira. Wieħed jismu Paulus, bi tbissima minn widna sa widna u snien kbar esaġerati, liebes fardal fuq mejda tal-qubbajd bil-kliem tad-ditta fuqu: “Paulus tal-Belt. Għall-aqwa qubbajd mingħajr lewż”. L-isqof l-ieħor jismu Maurus bilqiegħda fuq tliet għoljiet żgħar, xagħru manifestament miżbugħ, jiddibatti max-xitan dwar min minnhom jagħmel l-aqwa ġbejniet.
Ftit ’il fuq mill-kleru tiltaqa’ ma’ uffiċjal tal-GRTU jismu Vincent liebes ta’ raddiena, b’sieq waħda fuq cash register u jżomm f’idejh strixxa, li fuqha jkollha l-kliem: “Tilef il-memorja!”.
Eżatt ħdejh wieħed jismu Gejtu u l-ieħor jismu Tony, it-tnejn lebsin il-boiler suit, jagħtu bil-ponn fejn laqat laqat, b’żewġ ħaddiema kokka taħthom bin-notice f’idejhom, wieħed baħri tas-SeaMalta u ieħor tal-Maltacom, imbikkma ma’ jafux x’se jaqbdu jagħmlu.
Ftit ’il bogħod minnhom, wieħed jismu Richard liebes vavalor u bl-ittri stampati fuqu VOM, b’tazza tax-xampanja f’idejh qiegħed jibbrinda: “Ċin Ċin!”. Serbut nies lebsin ta’ priġunieri b’balla tal-ħadid ma’ saqajhom b’ħafna kontijiet f’idejhom deħlin minn bieb li fuqu jkun hemm miktub “Għall-qatla!” u fuq in-naħa l-oħra serbut nies b’bagalja tas-safar f’idejhom fuq kull waħda l-kelma ‘Bażużlu’, deħlin minn bieb li fuqu jkun hemm miktub ‘Għal divertità.’ Tilqa’ lil dawn ta’ l-aħħar, hostess liebsa ta’ bunny girl jisimha Becky, li fuq sidirha ma jispicca qatt ikollha stampat: “I love PN” u fuq il-warrani, ukoll ma jispiċċa qatt, il-kliem: “And I loved MLP!”.
Fuq dawn kollha jiġu l-politiċi. Alfred, b’ilbies Vittorjan u bil-ħarsa ta’ Dante fl-infern qiegħed jaqra ktieb li jismu The Doomsday Book. Iħarsu lejh, fuq naħa, wieħed jismu Jason, liebes qisu Superman, imlaqqam il-“Wonderboy”, fuq in-naħa l-oħra saħħar imlaqqam “The Great Dom”, b’pupa tal-vodoo f’idejh.
Faċċata ta’ Alfred, Prim Ministru jismu Lorry liebes ta’ regettier, qiegħed isuq Lorry bil-kliem imberfel “Tal-PN hawn!” Dan ikun trakk li qiegħed jaqa’ biċċiet u bil-kaxxa mimlija deputati jimbuttaw lil xulxin.
Ċertu Austin liebes ta’ Rambo ibus ritratt ta’ Marlene Mizzi. Ieħor ħdejh jismu Jesmond iħokk rasu filwaqt li jaqra manwal bl-isem The ABC of Bridge Building!
Waħda ċerta Giovanna liebsa ta’ Joan of Arc bi stampa f’idejha ta’ Għawdex qiegħed jinħaraq. Wieħed ismar mill-Ewropa jismu David, li tant jaf jiċċajta li ħdejh ikollu kaxxa kondoms biex jitfagħhom mat-triq flok perlini.
Fuq dan kollu, proprju fuq il-quċċata: ir-Re tal-Karnival jismu Eddie. Ikollu kuruna magħmula mill-bottijiet tal-preserve bil-kliem miktubin fuqha: “Ħalluhom ħa jgħollu l-prezzijiet”.
Bil-qiegħda fuq tron, magħmul minn ħafna ‘white goods’ u taħt saqajh flok banketta, airconditioner bil-kliem fuqu ‘Poġġiena fil-frisk!’.
Idejh jistrieħu fuq kull naħa fuq żewġ boroż flus u fuqhom ittimbrat il-kliem ‘Money no problem!’ u eżatt taħt saqajh dud kbir idur inaqqar il-kliem ‘Valuri Insara’!
Eżatt fuq rasu arma kbira bl-arma ta’ Malta iżda minflok il-kliem ‘Repubblika ta’ Malta’, il-kliem ‘Partit Nazzjonalista’ u mad-dawra l-kliem ‘Fejnhom il-Laburisti!’
Fuq naħa tat-tron Richard Cachia Caruana liebes ta’ Kardinal Richelieu, u fuq in-naħa l-oħra Joe Saliba liebes ta’ Falstaff.
Quddiem dan kollu, proprju fil-ponta ta’ dan il-karru trijonfali, mara jisimha Malta, mixħuta fuq blata, liebsa qisha fl-Ort tal-Getsemane tokrob: “X’għamilt ħażin biex jistħoqqli dan kollu!”.

N. B. Dan l-artiklu kien ispirat mill-pitturi fantasmagoriċi ta’ Hieronymus Bosch.

Intervista
Il-familja, iż-żwieġ u koppji gay

Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja


Editorijal

Fil-kju ħalli nistennew...


Il Punt
Lil min taqbad temmen?
Edward Fenech

TONI ABELA
Il-karru tal-Karnival tiegħi


Emmanuel Micallef
Il-biża' tal-Partiti


Carmelo Mifsud Bonnici

L-intolleranza intellettwali



X'kien Jgħid
Bravu Ċirillu



Wenzu Mintoff

Ex-voto
F'Għawdex għandi l-għeruq tiegħi. Għalhekk ukoll imma mhux biss lil Għawdex ma nistax ħlief infaħħru u bl-ebda mod ma nista' nmaqdru. Tista' taħseb kelli bużnannu kunjomu Mintoff ġej mill-Għasri , bużnannu ieħor kunjomu Refalo ġej mix-Xagħra u n-nannu Chetcuti ta' Ħaż-Żabbar li miet ix-Xewkija fi żmien il-gwerra.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075