Aħbarijiet | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65
FRANICA PULIS tittratta l-kwistjoni tas-satira politika fil-Karnival minn żmien Lascaris sa llum u ssib li l-affarijiet ma nbidlux kważi xejn
Mill-klassi politika li Illum intervistat, 12 minn 12 qablu li għandha tidħol is-satira politika fil-Karnival. Iżda minkejja li Mario Galea, il-Whip tan-Nazzjonalisti, qajjem il-kwistjoni fil-Parlament biex jieħu passi kontra “r-regolamenti redikoli li jeżistu li ma tistax tagħmel wiċċ il-Prim Ministru”, xorta ma sar xejn.
Galea żied jgħid, “Din li aħna baqar sagri u ta’ l-onorevoli għadda żmienu. Naħseb li l-karnival ikun aktar interessanti bis-satira. In-nies togħġobhom jekk din tidħol fil-Karnival. Aħna qegħdin ngħixu gidba għax in-nies fil-privat tiċċajta bil-politiċi u tidħaq bl-emails li tirċievi dwarhom ukoll.”
Din il-ġimgħa l-Kumitat Organizzattiv fil-Kumissjoni Nazzjonali Folklor ħabbar li l-karru tar-Re tal-Karnival se jkollu miegħu erba’ personalitajiet tat-telviżjoni Maltin miegħu: Hector Bruno, Eileen Montesin, Peppi Azzopardi u Alfred Zammit.
Iċ-chairperson tal-kumitat, George Zahra, sostna li kien hu stess li ċemplilhom u li huma aċċettaw qabel ma saru l-karikaturi tal-personalitajiet.
Mistoqsi jekk kwalunkwe persuna s-sena d-dieħla tistax tagħmel karikatura fuq karru ta’ personalità, Zahra wieġeb li għal bidu aħjar jingħataw l-abbozzi tal-karrijiet lill-kumitat qabel ma jsiru l-karrijiet ħalli jkunu ċerti li dawn ma joffendu lil ħadd.
“Kif inhuma r-regolamenti tal-Pulizija, persuna ma tistax tilbes uniformi tal-forzi ta’ l-ordni, ta’ reliġjużi jew ta’ politiċi Maltin u barranin. Aħna rajna kif induru mar-regoli u nagħmlu personalitajiet famużi minflok. Iżda jaqbel li fl-ewwel żminijiet inħalluha fil-kontroll tagħna,” qal Zahra.
Din it-tip ta’ biża’ jew prekawzjoni tirrifletti l-opinjoni ta’ tlieta biss mill-Membri Parlamentari - Charles Mangion, Carmelo Abela u Francis Zammit Dimech - li jaħsbu s-satira m’għandhiex tidħol fis-sena ta’ l-elezzjoni.
Charles Mangion, li sa lbieraħ kien għadu l-Aġent Kap ta’ l-MLP, sostna li “is-satira hu mezz artistiku sofistikat u diffiċli. Mhux kulħadd kapaċi jwasslu. Hu mezz tajjeb ta’ kritika iżda m’għandux ikun mezz ta’ tagħjir u insulti. Wieħed irid joqgħod attent ukoll li ma jwassalx biex in-nies ikunu aktar konfrontali ma’ xulxin.
“Trid tkun għaqli. Ma naħsibx li s-satira politika għandha tidħol fis-sena ta’ l-elezzjoni bin-nies li jridu jassorbu xi ħaġa ġdida fl-eqqel ta’ kampanja elettorali. Dan bħal futbol u t-Tazza tad-Dinja. Tagħjira fl-ewwel logħba ma jagħtux kasha. Tagħjira fil-final jistgħu jinqalgħu l-problemi għax ikun hemm ħafna rjus sħan.”
Miegħu qabel ukoll Carmelo Abela li jaħseb li bħalissa jista’ jkun li mhuwiex iż-żmien ideali li tiddaħħal satira politika iżda m’għandux problema biha.
“Tajjeb li l-politka ma tibqax xi ħaġa hemm fuq li ma tistax tiċċajta biha sakemm ma jkunx hemm offiża personali. Tajjeb ukoll li l-persuna tkun avżata.”
Marie-Louise Coleiro Preca taqbel li tidħol is-satira. L-uniku nkwiet tagħha hu “jekk allaħares qatt ikun hemm xi karru bis-satira politika u jkun hemm iż-żewġ partitarji li jkunu passjonali u jinqala’ l-inkwiet.”
Fuq fehma qrib tagħhom hemm il-Ministru tal-Kultura Francis Zammit Dimech li qal, “Ma jkolli l-ebda problema li terġa’ tidħol is-satira politika għalkemm naħseb li jkun prudenti li dan isir wara u mhux qabel elezzjoni.”
Mentri l-Prim Ministru Lawrence Gonzi jemmen “li satira tajba, anke fil-Karnival, hi xi ħaġa li għandha tkun imħeġġa. Ovvjament minix inħallat is-satira mat-tagħjir u ma’ l-insulti. Dawn huma differenti. Nixtieq nara karru dwari ħalli nara kif jagħmluni! Sakemm ma jkunx hemm insulti naħseb li napprezzah.”
Il-Kap ta’ l-Alternattiva Demokratika, Harry Vassallo, minkejja li jara l-karikaturi bħala divertiment, jifhem li l-politiċi bħalissa jista’ jkollhom pressjoni minħabba li l-Elezzjoni Ġenerali hi qrib.
“Naħseb li kienet tagħmel pressjoni fuq il-klassi politika biex ma jsaħħnux l-irjus bla bżonn. Forsi kienet tinfluwenza l-kwalità tal-kampanja elettorali. Kienu joħorġu wkoll ħafna aspetti kemm serji kemm umoristiċi li ma jissemmewx fil-kampanji elettorali għax ma jaqbilx lil min jagħmilhom. Forsi nitgħallmu li t-tolleranza hi valur komuni u ogħla minn kull fehma politika,” qal Vassallo.
Kien hemm politiċi oħrajn li, li kien għalihom is-satira politika setgħet iddaħħlet minn issa minkejja l-elezzjoni hi fil-qrib.
Il-Whip tal-Laburisti Joe Mizzi jgħid li hi “irrilevanti hix ġejja l-elezzjoni jew le. Jien neħodha wkoll mil-lat li b’karru tista’ tinġibed l-attenzjoni dwar nuqqas u dak li jkun jidħol f’qoxortu u jiċċekkja dwarha. Anki jekk din ma tkunx vera.”
Fuq l-istess nota, Evarist Bartolo qal li “mhemmx għalfejn nistennew li tinbidel id-dinja biex nagħmlu xi ħaġa. Nagħmlu għaġeb mix-xejn. Din ħaġa normali. Nagħmlu satira kullimkien: fil-gazzetta u fit-televixin. Se jiġri xi ħaġa jekk nagħmluha fil-Karnival?”
Josie Muscat, il-Kap ta’ l-Alleanza Nazzjonali, ma jaħsibx li jkun hemm problema jekk terġa’ tiddaħħal is-satira politika fil-Karnival għax “il-politika fiha satira l-ħin kollu. Il-Karnival mhux għalhekk qiegħed, biex tgħaddi ż-żmien bin-nies? Għalija l-ikbar satira ta’ dan il-pajjiż hi l-gazzetti li jġibu nofs veritajiet. Billi l-karrijiet iżidu mad-doża li għandna mhu se jiġri xejn.”
Michael Axiaq ma jaħsibx li għadhom dawk iż-żminijiet fejn karru b’satira politika se joħloq xi kontroversja anzi jaħseb li “jibdew jiġġieldu l-kandidati bejniethom biex ikollhom satira fuqhom infushom għax hu reklam għalihom. Bħalma jgħidu: ‘There’s nothing better than bad press’.”
Franco Galea min-naħa tiegħu iktar jinkwieta li tkun imżebilħha xi reliġjon partikulari milli l-politiċi. Anzi jaħseb li bis-satira politika n-nies jerġgħu jibdew jattendu n-nies bi ħġarhom għall-Karnival.
Illum ħadet l-opinjoni ta’ Joe Micallef Stafrace, l-eks editur ta’ Is-Sebħ, qal: “Ma nafx il-għala fl-imgħoddi kienet permessa mbagħad waqfet.”
Isaqsi jekk qabel konniex aktar tolleranti minn issa u semma wkoll li kienet issir satira politika fil-Karnival tal-Maltin fl-Empire Stadium tal-Gżira.
“Anki fil-karrijiet ta’ l-Ewwel ta’ Mejju jkun hemm element ta’ satira għalkemm mhix daqshekk qawwija u ċara. Il-karikatura ta’ gazzetta billi tagħtiha l-ħajja b’karru tal-Karnival u tidher isbaħ ma nara li fiha xejn ħazin. Jista’ jkun li jibżgħu li jkun hemm xi nkwiet ta’ massa.”
Joe Micallef Stafrace kien wieħed minn dawk li laqqatha qares minħabba s-satira politika fl-1959 fiż-żmien meta kien l-Editur tal-gazzetta Laburista Is-Sebħ. Dik is-sena hu kien ippubblika karikatura bil-Gvernatur Sir Robert Leycock fuq l-idejn jixrob il-ġin. Fl-isfond tiegħu kien hemm banda ddoqq u kliem jgħidu: ‘Kemm għandu qalbu tajba’.
F’dak iż-żmien il-Gvernatur kien neħħa l-marċi tal-baned bil-biża’ li jinqala’ l-inkwiet. Wara ħafna talbiet reġa’ daħħal il-marċi fil-festa ta’ San Duminku u Micallef Stafrace kellu aptit jieħu bid-dgħajsa din is-sitwazzjoni. Iżda d-dgħajsa ħaditu sal-ħabs u żammitu hemm għal erbat ijiem wara li l-Qorti ddikjarat li żeblaħ il-Gvernatur b’dik il-karikatura.
Illum Micallef Stafrace jaħseb li “mxejna ’l quddiem ħafna. Kieku dik il-karikatura dehret illum kienet tittieħed b’umoriżmu. Għallinqas hekk naħseb. Is-sitwazzjoni nbidlet ħafna minn dak iż-żmien ’l hawn. Biss biss fl-1996 bl-emenda li saret fil-Liġi li ġurnalist ma jistax jintalab jikxef ir-risorsi u jintalbu biss f’każi eċċezzjonali.
“Anki l-fatt li s-sentenzi tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani huma applikabbli għalina. Fejn ma tasalx bil-Qorti Maltija llum tista’ tasal bil-Qorti Ewropea minbarra li l-Qorti Maltija hi dejjem għassa għal x’inhu jiġri f’dik Ewropea.
L-ewwel ċensura fis-satira politika li saret fil-Karnival kienet fl-1639, seklu wara li nbeda l-Karnival f’Malta mill-Kavallieri ta’ San Ġwann. Kavallier Taljan liebes ta’ Ġiżwita qagħad jippassiġġa fit-toroq tal-Belt b’kartellun f’idejh b’xi kliem kontra l-ġiżwiti wara li l-Granmastru Lascaris naqqsilhom il-libertà fil-Karnival u ma ħalliex aktar lin-nisa jieħdu sehem fih.
Il-Kavallieri kienu waħħlu fil-konfessur tal-Granmastru li kien Ġiżwita u fir-Rettur. Il-Kavallier Taljan intbagħat ikkalzrat fil-Forti Sant’Iermu iżda nħeles ftit wara minn sħabu kavallieri li wara attakkaw il-knisja u l-Kulleġġ tal-Ġiżwiti fil-Belt.
It-tieni ċensura, jekk tista’ ssejħilha hekk, kienet meta l-Gvernatur militari Sir Patrick Stuart ipprojbixxa li jintlibsu maskri fil-Ħadd tal-Karnival tat-22 ta’ Frar ta’ l-1846. Ir-reazzjoni tal-Maltin kienet li xi rġiel libsu lbis stil Ingliż bil-kpiepel tawwalin ta’ dak iż-żmien rekbin fuq ħmir.
Iktar tard reġiment Skoċċiż kien għaddej jimmarċja l-Belt. Meta daqq l-irtirata quddiem il-Pjazza tal-Palazz marret għalihom folla mgħaddba. Ħadd ma kien weġġa’ ħlief li tkissru xi strumenti. Sir Patrick li kien qed jara kollox mit-tieqa tal-Palazz ordna lill-Pulizija biex tieħu ħsieb ‘l-irvell’ u dawn mid-dehra kienu sawtu lill-folla bi bsaten twal minkejja li l-Gvernatura qatt ma ammetta li ġrat din il-biċċa. Iżda din il-ġrajja mhux talli tpinġiet talli sar anki tqabbil dwarha mill-għannejja.
It-tielet waħda, li kienet dik definittiva li qatgħet tista’ tgħid għal kollox is-satira politika mill-karrijiet, kienet fit-Tletinijiet ftit qabel ma faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija. Sa dak iż-żmien kienu jsiru karrijiet anki bl-uċuh tal-Prim Ministri. Iżda f’dawk iż-żminijiet, Malta kienet maqsuma nofsha mat-Taljani u nofsha ma’ l-Ingliżi u kien diġà qed iberraq in-Nażizmu.
Fil-Karnival in-nies kienu wkoll jissuttaw il-karrijiet.
B’dawn l-affarijiet kollha għaddejjin l-Ingliżi qabdu u ħaduha f’idejhom li jaqtgħu s-satira politika fil-Karnival darba għal dejjem. Minn dak iż-żmien ’l hawn persuna ma tistax tilbes uniformi tal-forzi ta’ l-ordni (pulizija/ suldat), ilbies reliġjuż (qassis/ soru) u ta’ politiku.
L-informazzjoni storika ttieħdet mill-ktieb ta’ Vincent Zammit, Il-Granmastri Vol 1 u mir-riċerka ta’ John J. Cremona, The Carnival of Malta. |
|
Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|