Aħbarijiet | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
Il-Ministru għall-Ambjent Ġorġ Pullicino sa minn Novembru li għadda kien infurmat dwar każ ieħor li jikkonċerna direttament l-aġir tal-Perit Catherine Galea, sa ftit ilu Deputat Chairperson tal-Bord tal-Mepa u eks Chairperson ta’ wieħed mill-bordijiet tad-DCC.
Il-każ ġdid hu dwar kif art fi Triq l-Imdina f’Ħaż-Żebbug bil-valur ta’ €1,048,288 (Lm450,000), iddaħħlet fiż-żona ta’ l-iżvilupp b’deċiżjoni tal-Bord tal-Mepa. Qed ikun allegat li l-Perit Catherine Galea ma ddikjaratx l-interessi tagħha quddiem l-Awtorità anke jekk hi kienet il-perit tal-klijenta li gawdiet b’din id-deċiżjoni.
Dawn il-fatti joħorġu minn każ li kien ippreżentat ġimgħa ilu quddiem il-Qorti kontra l-Mepa u Galea.
Galea hi l-istess perit li fil-11 ta’ Jannar li għadda ntalbet tirriżenja mill-Ministru Pullicino wara storja żvelata fil-gazzetta MaltaToday. L-istorja kixfet numru ta’ irregolarijiet fil-wied ta’ Santa Maria Estate fil-Mellieħa bi żvilupp li Galea kienet il-perit tiegħu.
Madankollu jirriżulta li qabel dan il-każ il-Ministru kien diġà imwissi dwar l-istess perit din id-darba b’allegat kunflitt ta’ interess dwar l-art f’Ħaż-Żebbuġ.
Jidher li Catherine Galea fit-18 ta’ Lulju 2006 lanqas biss ħarġet minn laqgħa partikolari tal-Bord tal-Mepa, laqgħa li kienet indirizzat il-kwistjoni taż-żoni ta’ żvilupp.
B’ittra datata 28 ta’ Novembru, 2007 Ġorġ Pullicino kien infurmat b’dan l-allegat taħwid fil-Mepa. Iżda minn tweġibiet mogħtija lil din il-gazzetta jirriżulta li minkejja dan qatt ma ngħata bidu għal investigazzjoni uffiċjali. Il-Ministru iżda ikkonferma ma’ din il-gazzetta li xahar u nofs wara “staqsa numru ta’ mistoqsijiet lill-Mepa”.
“Fis-17 ta’ Jannar il-Ministru kiteb lill-Mepa u staqsa numru ta’ mistoqsijiet,” kienet ir-risposta tal-Ministeru għall-Ambjent. “It-tweġibiet għand il-Ministru waslu nhar il-Ġimgħa.”
Sensiela ta’ mistoqsijiet li għamlet Illum baqgħu s’issa mhux imwieġba bir-raġuni mogħtija tkun li wieħed għandu jistenna t-tweġiba tal-Mepa għall-protest ġudizzjarju li kien preżentat il-Qorti l-ġimgħa li għaddiet.
Fost l-oħrajn Illum staqsiet lill-Ministru Ġorġ Pullicino jekk fuq dawn il-punti, bħala Ministru, iħossx li kien hemm ksur ta’ regolamenti u allura l-proċess f’din id-deċizjoni kienx ivvizzjat.
Staqsejna lill-Ministru Pullicino jekk iħossx li kienx hemm lok li jinvestiga lil Catherine Galea u jekk iva għal liema raġuni din l-investigazzjoni qatt ma saret.
Il-Ministru Pullicino kien mistoqsi wkoll jekk fid-dawl tal-fatt li Catherine Galea issa irriżenjat mill-kariga tagħha bħala Ministru hux se jitlob xorta waħda li ssir investigazzjoni.
Sorsi qrib il-Mepa ikkonfermaw ma’ din il-gazzetta li nhar it-Tnejn il-Mepa se twieġeb il-protest ġudizzjarju mressaq il-Qorti minn Ray Avallone f’isem il-kumpanija tiegħu.
“Iddispjaċut li weġġajt b’dan l-iskandlu taħt il-Gvern tiegħi stess”
Julia Farrugia
F’intervista ma’ Illum Ray Avallone, il-bniedem milqut b’dan il-każ, jesprimi l-weġgħat tiegħu għall-fatt li l-Gvern tiegħu stess ippermetta li jsir dak li hu qed isejjaħ “skandlu”.
“Jien imdejjaq u ddispjaċut ħafna b’dan l-iskandlu,” jisħaq Ray Avallone.
“Pubblikament kulħadd jaf l-għeruq tiegħi, kulħadd jaf li jien Nazzjonalist. Nista’ ngħid bla tlaqliq li ddispjaċut li weġġajt taħt il-Gvern tiegħi stess b’dan l-iskandlu li tħalla jseħħ,” saħaq Avallone.
Fi protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra ċ-Chairman ta’ l-Awtorità ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar u kontra l-Perit Catherine Galea, ir-raġel tefa’ dawl fuq dan il-każ u talab “biex fi żmien ġimgħa jingħata l-minuti tal-laqgħa tal-Bord ta’ l-istess Awtorità tat-18 ta’ Lulju 2006 u jpoġġi lill-Mepa u lill-Perit Catherine Galea responsabbli għad-danni kollha li sofra hu u dawk li jista’ jsofri fil-futur.”
Fost l-oħrajn f’dan il-protest jissemma l-fatt li Avallone kien mitlub biex jirtira aktar minn tliet metri mill-ġenb tal-binja tiegħu li tinsab fi Triq l-Imdina Ħaż-Żebbuġ.
Lura fiż-żmien il-Mepa kienet qaltlu li din il-kundizzjoni qed timponihielu għaliex xtaqet li l-iżvilupp taż-żona jispiċċa eżatt mal-binja tiegħu b’mod viżwalment aċċettabbli.
Fir-realtà iżda jirriżulta li l-Mepa f’daqqa waħda, f’laqgħa fil-magħluq f’Lulju ta’ sentejn ilu, inkludiet biċċa art kbira biswit l-iżvilupp ta’ Ray Avallone bħala ‘area of containment’ fil-Pjan Lokali għan-Naħa t’isfel ta’ Malta b’tali mod li ġiet tagħmel parti miż-żona ta’ l-iżvilupp.
Avallone ilmenta dwar dan u jsejjaħlu “irregolarità”. Hu jsostni li l-Perit Catherine Galea kellha kunflitt ta’ interess f’dan il-każ. Fosthom għaliex minkejja li kienet il-perit tal-klijenta li gawdiet mid-deċiżjoni xorta ma ddikjaratax l-interessi tagħha.
Fil-protest ġudizzjarju jissemma l-fatt li fl-2001 il-klijenti tal-Perit Galea applikaw biex jinħarġilhom permess għal żvilupp. L-applikazzjoni kienet miċħuda fl-2002 “għaliex l-art in kwistjoni kienet tinsab barra miż-żona ta’ żvilupp.” Din id-deċiżjoni kienet ġiet appellata fil-25 ta’ Marzu 2002.
Fil-protest ġudizzjarju jissemma l-fatt li “nonostante t-trapassaġġ ta’ ’l fuq minn ħames snin u nofs l-appell jinsab differit għal deċiżjoni.”
Ir-raġel jispjega li fit-28 ta’ Novembru li għadda permezz ta’ l-avukat tiegħu kiteb ittra lill-Mepa u fost l-oħrajn talab li jingħata kopja tal-minuti tal-laqgħa jew laqgħat tal-Bord fejn ittieħdet id-deċiżjoni dwar l-art f’Ħaż Żebbuġ.
Kopja ta’ din l-ittra ntbagħtet ukoll lill-Ġorġ Pullicino, il-Ministru responsabbli mill-Mepa. Fis-17 ta’ Diċembru 2007, permezz ta’ l-istess avukat, ir-raġel reġa’ fakkar lill-Mepa u lill-Ministru li għadu mingħajr tweġiba.
Ftit wara l-Mepa fost l-oħrajn weġbitu li “il-minuti tal-laqgħat li ma jinżammux fil-pubbliku jinżammu imma sfortunatament mhux aċċessibbli għall-pubbliku.”
Minn naħa l-oħra sa llum il-Ministru Ġorġ Pullicino kitiblu biss ittra waħda datata 20 ta’ Diċembru 2007. Fiha l-Ministru qallu: “irċevejna l-ittra tiegħek u ttieħdet nota tal-kontenut.”
Din it-tweġiba kompliet tirrita lil Ray Avvalone li mhux sodisfatt bil-mod kif ittrattawh l-Awtoritajiet sostna hekk: “Jien inħoss li l-fatti li tajt jien messhom skattaw investigazzjoni interna immedjatament. U jekk din l-investigazzjoni saret, għandi dritt inkun naf x’konklużjoni waslu għaliha kemm il-Ministru Ġorġ Pullicino kif ukoll il-Mepa.
“Jien irrid inkun naf jekk wara l-kunflitt ta’ interess ta’ Catherine Galea d-deċiżjoni li dik l-art iddaħħlet fiż-żona ta’ żvilupp hux se tiġi rtirata lura.” |
|
Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|