Aħbarijiet | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65
Sabrina Agius
sagius@mediatoday.com.mt
L-inċertezza dwar id-data ta’ l-elezzjoni qed twassal għal ċaqliq fil-pjanijiet tas-safar tan-nies skond l-andament li qed jaraw numru ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar.
Hu fatt ikkonfermat mill-istorja elettorali li fis-sena ta’ l-elezzjoni l-ekonomija tistagħġna. Anki jekk din id-darba m’hemmx xi differenzi kbar fil-politika ekonomika u fiskali taż-żewġ partiti l-kbar u għalhekk l-inċertezza mhux se toħloq l-istagħġnar li rajna fl-2003, xorta mistenni li r-rota ekonomika tmajna xi ftit.
L-aġenziji ta’ l-ivjaġġar huma fost l-ewwel kumpaniji li jintlaqtu mill-inċertezza. Noel Farrugia, Kap Eżekuttiv ta’ Britannia Tours sostna li “l-ikbar impatt hu fuq l-operaturi u l-aġenti ta’ l-ivjaġġar.
“Aħna nkunu qed nistudjaw il-programmi tagħna għax-xhur li ġejjin u naraw fejn ikun hemm lok li niċċarterjaw ajruplani jew inħalsu pagamenti bil-quddiem lil-lukandi. Il-fatt li hawn din l-inċertezza dwar id-data ta’ l-elezzjoni qed toħloq uġigħ ta’ ras kbir għax ma nkunux nafu eżatt x’se jsir,” qal Farrugia.
L-istess jaħsibha Norman Hamilton, Direttur ta’ Hamilton Travel, “L-inċertezza ta’ l-elezzjoni qed toħloq hardship kbira. In-nies iridu jsiefru imma min-naħa l-oħra qed joqogħdu lura,” sostna Hamilton ma’ din il-gazzetta.
Paul Pizzuto, Maniġer ta’ l-Ivvjaġġar ta’ SMS Travel, qabel li l-ispekulazzjoni fuq id-data ta’ l-elezzjoni taffettwa lin-nies għax iħallu għal iktar tard biex jibbukkjaw il-vaganza tagħhom.
It-tliet operaturi spjegaw li hu diffiċli tippjana ċerti tours minħabba li jkollhom bżonn ħafna investiment minn qabel u jekk issir l-elezzjoni f’dak il-perjodu l-operaturi jispiċċaw jitilfu l-flus.
Madankollu, għal Michael Mercieca, id-Direttur Maniġerjali ta’ Bon Voyage donnha li x-xorti tbissmet mod ieħor. “Sejrin tajjeb iktar mis-soltu,” sostna ma’ din il-gazzetta.
Skond Mercieca l-ikbar impatt għall-kumpanija tiegħu nħass f’Diċembru “għax in-nies kienu qed jibżgħu jibbukkjaw.”
Jidher li mal-qalba tas-sena l-affarijiet għal Mercieca qelbu għall-aħħjar.
Mistoqsija regolari li jagħmlu l-klijenti hi dwar x’jiġri minn flushom f’każ li l-vjaġġ tagħhom jaħbat ma’ l-elezzjoni ġenerali u jiddeċiedu li ma jiħdux il-btala.
L-operaturi li tkellmu ma’ Illum ikkonfermaw li f’dan il-każ huma jagħtu l-flus lura. Fl-istess ħin l-operaturi jippruvaw ukoll iċaqilqu l-vjaġġ biex jevitaw iż-żmien ta’ l-elezzjoni. |
|
Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|