Aħbarijiet | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65
Kurt Sansone
Hemm stennija kbira għad-diskors ta’ Alfred Sant dalgħodu fl-għeluq tal-Konferenza Ġenerali Laburista, mhux biss għall-kontenut imma wkoll għall-mod kif se jġib ruħu l-mexxej tal-MLP.
Kull mossa, kull kelma u kull ħarsa se tkun taħt skrutinju mill-ġurnalisti u l-analisti politiċi, il-mijiet ta’ delegati miġbura quddiemu u partitarji oħra Laburisti li probabbilment joħonqu t-toroq biswit iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.
Iżda diskors Sant se jkun segwit ukoll mill-qrib minn Kastilja u d-Dar Ċentrali fil-Pietà.
Dak li se jgħid u jagħmel Sant se jkollu piż qawwi fuq id-deċiżjoni li jrid jieħu Lawrence Gonzi fil-jiem li ġejjin dwar id-data ta’ l-elezzjoni.
Mill-wirja li se jagħti Sant dalgħodu l-Prim Ministru jrid jikkonkludi jekk l-avversarju dirett tiegħu hux se jkun b’saħħtu biżżejjed biex jaffronta kampanja elettorali. Jekk Sant ikun f’burdata ‘ġellieda’ b’diskors għal kollox politiku u mingħajr kantunieri, allura Gonzi jkun jista’ jneħħi piż minn fuq il-kuxjenza għax saħħet Sant ma tkunx iktar fattur fil-miżien li bih irid jiddeċiedi meta se jsejjaħ l-elezzjoni.
Intant, il-Mexxej Laburista, fl-ewwel dehra pubblika politika tiegħu, se jkun irid juri li jinsab b’idejh fuq it-tmun tal-partit.
Sant irid juri li jinsab iffukat u kapaċi jmexxi lill-partit f’kampanja elettorali.
Iktar importanti minn hekk irid iserraħ ras in-nies li kemm-il darba jkun Prim Ministru wara l-elezzjoni li jmiss se jkun b’saħħtu biżżejjed biex imexxi u jwettaq il-programm elettorali Laburista. U dan jista’ jagħmlu mhux biss billi jindirizza l-kwistjoni b’mod dirett billi jitkellem fuqha imma wkoll bit-ton li se juża u l-enerġija li jirnexxielu jittrasmetti lin-nies ta’ quddiemu.
Bħalma ġara fi żmien il-baġit meta b’diskors meqjus u maħsub biex iwassal il-proposti Laburisti Sant irnexxielu jiġbed it-tapit minn taħt saqajn Gonzi u jiddetta l-aġenda pubblika fil-ġimgħat ta’ wara, l-istess jista’ jiġri llum.
M’hemmx dubju li fost il-Laburisti r-ritorn ta’ Sant fiċ-ċentru tal-ħajja politika se jqajjem fervur kbir. Għal dawn ‘ir-rebħa’ ta’ Sant fuq il-kanċer hi element b’saħħtu biżżejjed biex tikkonvinċihom li l-mexxej tagħhom lest biex jaffronta l-elezzjoni u iktar importanti, jirbaħha.
Iżda għal min mhux Laburist id-dehra ta’ Sant fil-pubbliku weħidha mhux biżżejjed biex tikkonvinċihom. Għal dawn l-iktar ħaġa importanti hi r-rieda u l-entużjażmu ta’ Sant biex imexxi u l-politika li se jkun qed jipproġetta. Filwaqt li se juru simpatija lil Sant għall-għawġ li nqalagħlu se jkunu qed iħarsu wkoll lejn kemm se jkun jiflaħ imexxi għat-tul.
Jekk il-wirja ta’ Sant dalgħodu tkun waħda tajba u ta’ serħan il-moħħ, kemm fid-dehra kif ukoll fil-kontenut tad-diskors, allura l-mexxej Laburista se jkun rebaħ mhux biss is-simpatija imma wkoll il-widna ta’ l-elettorat moderat li għadu indeċiż.
Sadanittant, f’Kastilja Gonzi se jkun qiegħed iqalleb il-kalendarju biex isib l-aħjar data għall-elezzjoni. Jekk il-PM jaddotta t-tradizzjoni ta’ Eddie Fenech Adami u jagħżel li jmur għal kampanja elettorali qasira allura t-8 ta’ Marzu jidher li hi l-iktar data probabbli.
Jekk l-elezzjoni se ssir fit-8 ta’ Marzu, Gonzi għandu sa l-4 ta’ Frar biex ixolji l-Parlament.
Jekk min-naħa l-oħra l-PM jiddeċiedi li jxolji l-Parlament għada l-elezzjoni tkun tista’ ssir nhar l-1 ta’ Marzu. Madankollu din il-possibbiltà tidher ftit ’il bogħod għax il-Parlament mistenni jirratifika t-Trattat ta’ Lisbona nhar l-Erbgħa li ġej u jista’ jagħti l-każ li Gonzi jkun irid li dan l-att leġislattiv jilħaq jgħaddi qabel ma tissejjaħ l-elezzjoni. |
|
Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|