Aħbarijiet | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
L-Isqof Mario Grech jirrikonoxxi l-fatt li jista’ jkun hemm żbalji fil-ħidma ta’ saċerdoti li jagħmlu xogħol favur il-bniedem fil-bżonn. Iżda dwar il-każ ta’ l-addozzjoni żvelat minn Illum ġimagħtejn ilu, l-Isqof jgħid li għandu l-kelma ta’ saċerdot li l-addozzjoni tat-tarbija Maria Scerri madwar 34 sena ilu saru skond il-Liġijiet ta’ Malta ta’ dak iż-żmien.
L-Isqof Grech għamel din id-dikjarazzjoni waqt li kien qed ikun intervistat fil-programm ‘Dissett’, imtella’ minn tliet ġurnalisti tal-kamra ta’ l-aħbarijiet ta’ TVM.
L-Isqof Mario Grech qal li kellem lis-saċerdot involut f’din l-addozzjoni u dan assigurah li l-proċess sar skond kif kienet titlob il-Liġi f’dak iż-żmien.
“Aktar minn hekk x’nista’ nagħmel? Għandi l-kelma tiegħu,” argumenta l-Isqof Grech.
Fl-istess ħin l-Isqof ta’ Għawdex isostni li hu “mhu se jwaqqaf lil ħadd milli jinvestiga dan il-każ u mhux se jwaqqaf lil omm milli tfittex lil binha.”
L-omm Għawdxija, Maria Scerri, li llum tgħix l-Ingilterra qanqlet numru ta’ mistoqsijiet fosthom dwar il-mod kif saret l-addozzjoni fis-Snin Sebgħin.
Filwaqt li l-qassis involut f’dan il-każ jgħid li kull ftehim ta’ addozzjoni kien isir quddiem nutar, l-omm għadha qed tinsisti li l-qassis Għawdxi kien ġegħilha tiffirma dokumenti meta kienet waħedha fil-preżenza tiegħu u ħadd ma spjegalha x’kienet qed tiffirma. Il-mara għadha sal-ġurnata ta’ llum ma tafx tikteb u taqra.
Fil-programm Dissett il-ġurnalist veteran Reno Bugeja ‘niggeż’ lill-Isqof b’numru ta’ mistoqsijiet fosthom x’inhi r-raġuni l-għala Dar għall-Anzjani f’San Lawrenz li nbniet 12-il sena ilu għadha s’issa ma nftetħitx u ma laqgħetx anzjan wieħed fiha.
Għall-ewwel l-Isqof Mario Grech qal li jkun imprudenti li jagħmel ġudizzju dwar dan il-każ imma ippressat b’aktar mistoqsijiet l-Isqof ammetta li “din id-Dar ta’ l-Anzjani hi ta’ piż fuq il-parroċċa ta’ San Lawrenz.”
L-Isqof qal li donnu li l-anzjani jsibuha bi tqila biex jitilqu minn raħal biex imorru jgħixu f’dar f’raħal ieħor.
Kien f’dan il-punt li l-Isqof anke jekk indirettament ammetta li seta’ kien hemm dgħjufija u nuqqas ta’ ippjanar f’dan l-iżvilupp.
Grech minn rajh ikkummenta: “il-għala l-istudju ma sarx qabel ma nafx inwieġeb.”
Fil-programm ‘Dissett’ l-Isqof kien mistoqsi dwar il-fatt li minkejja li hawn dawn it-tip ta’ djar li mhux qed jintużaw xorta waħda d-Djoċesi ta’ Għawdex qed timbotta l-idea li tinbena dar oħra, din id-darba dik li qed tissejjaħ ‘Dar
tal-Kontemplazzjoni.”
L-Isqof Mario Grech baqa’ jsostni fuq il-punt li hu mportanti li jkun hemm din id-dar tat-talb għaliex fiha wieħed ikun jista’ jsib oasi ta’ l-ispiritwalità. |
|
Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|