MediaToday

Aħbarijiet | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65

Il-Qorti Ewropea taqtagħha favur l-addozzjoni tat-tfal minn persuni gay

Sabrina Agius
sagius@mediatoday.com.mt

Fil-ġranet li għaddew il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem sostniet li individwi lesbjani, gay u bisesswali huma eliġibbli biex jaddottaw it-tfal.
Il-Qorti Ewropea qatgħet sentenza favur mara Franċiża lesbjana li fetħet kawża kontra l-Istat Franċiż meta din ġiet iddiskriminata waqt il-proċess ta’ applikazzjoni biex taddotta t-tfal.
Is-sentenza hi ċara: “L-esklużjoni ta’ individwi waqt proċess ta’ applikazzjoni għall-addozzjoni tat-tfal minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom hi diskriminatorja u tmur kontra l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.”
Malta hi firmatarja tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u kull deċiżjoni li tieħu l-Qorti għad-Drittijiet tal-Bniedem hi wkoll applikabbli għal Malta.
Madankollu l-liġi li tirregola l-addozzjoni f’Malta ma tiddiskriminax kontra nies gay. Lanqas ma tiddiskrimina kontra persuni waħedhom (single). Kriterju li tistabbilixxi l-liġi hu li f’każ li jkun hemm koppja li tixtieq taddotta din trid tkun ilha miżżewġa mill-inqas ħames snin. Il-liġi li se tiġi emendata fil-ġranet li ġejjin se tirregola d-diskriminazzjoni li kien hemm kontra l-irġiel li ma setgħux jaddottaw tfal bniet.
Mhux magħruf jekk f’Malta qattx kien hemm talbiet minn persuni individwali gay jew koppji gay li applikaw għall-addozzjoni. Mhux magħruf lanqas x’politika jħaddan il-Unit ta’ l-Addozzjoni f’dawn il-każijiet. Mistoqsijiet li din il-gazzetta bagħtet lill-Unit ta’ l-Addozzjoni ma twiġbux sakemm morna għall-istampa.
Skond il-Ministru tal-Familja Dolores Cristina “kull applikazzjon għall-addozzjoni għandha tiġi ikkunsidrata u evalwata b’reqqa biex wieħed jiddetermina jekk persuna għandhiex tidħol għal pass hekk importanti li taddotta t-tfal.”
Mingħajr ma daħlet fil-mertu jekk taqbilx jew le mad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea li persuni gay jistgħu jaddottaw it-tfal, Cristina sostniet li “fuq kollox l-iktar ħaga importanti f’kull addozzjoni hija li jiġu mħarsa d-drittijiet u l-aħjar interessi tat-tfal li se jiġu addottati.”Marie-Louise Coleiro Preca, il-Kelliema Ewlenija Laburista għas-Sigurtà Soċjali, tenniet li “il-prinċipju fundamentali hu li t-tfal għandhom dritt għall-familja.”
“L-addozzjoni għandha tiġi mħarsa b’dan il-mod. L-addozzjoni ma ssirx biex tpaxxi xi koppja li m’għandhomx tfal imma din qiegħdha hemm għall-interess tat-tfal. M’hemm xejn speċifiku fil-leġislazzjoni kontra lesbjani jew gays,” qalet Coleiro Preca.
Min-naħa tiegħu, Victor Galea, is-Segretarju Ġenerali ta’ l-Alternattiva Demokratika, anki jekk qabel li din is-sentenza tista’ taġevola b’mod iktar konkret persuni gay, sostna li diskussjoni fuq dan l-aspett hi prematura meta wieħed iqis li hemm kwistjonijiet oħra fundamentali li għadhom mhux indirizzati. “Pajjizna għadu lanqas biss jirrikonoxxi koppji li jikkoabitaw jew nies li jiġu minn xulxin u jgħixu flimkien bħala familja. L-ewwel hemm bżonn diskussjoni fuq dawn il-kwistjonijiet u mhux il-partiti l-oħra jibżgħu jindirizzaw dawn ir-realtajiet minħabba l-voti. Fuq suġġetti delikati għandha ssir diskussjoni wiesgħa mingħajr aġendi politiċi moħbija ma’ kull settur tas-soċjetà u bl-input u l-kontribut ta’ nies professjonali flimkien ma’ nies konċernati. Huma n-nies professjonali bħal counsellors u social workers li għandhom jeżaminaw il-każ fid-dettall ta’ kull addozzjoni,” sostna Galea.
Ir-reazzjoni ta’ Charles Attard, President Eżekuttiv ta’ Azzjoni Nazzjonali, kienet kompletament kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea.
“Konna xxukkjati. Ħadna culture shock. Ma konniex qed nistennew dak it-tip ta’ verdett għax il-kultura Ewropea mhix ippreparata. Fl-istess ħin ngħidu li għal kollox hemm l-ewwel darba. Inħossu li kemm Malta u kemm l-Ewropa għadhom mhumiex ippreparati. Il-prinċipji fundamentali tal-partit Azzjoni Nazzjonali huma deskritti ċari fil-manifest elettorali bħala ‘le, mà, bla pà’. Ma nistgħux nifhmu kif tarbija tista’ titrabba mingħajr il-kwalitajiet materni u paterni. Il-kwalitajiet materni u paterni fihom infushom huma kumplimentari u naturali għat-trobbija tal-bniedem. Nitħassru u nempatizzaw ma’ dawk li ċ-ċirkustanzi ma ippermettewlhomx li ma jkollhomx jew missier jew omm jew it-tnejn. Imma din m’għandhiex tagħmel ir-regola. Bl-istess argument nemmnu fil-libertà ta’ l-omosesswali li jgħixu kif jixtiequ u jħobbu lil min jixtiequ. Però nemmnu li t-trobbija ta’ l-ulied għandha ġġorr magħha missier u omm.”
Min-naħa l-oħra, il-Moviment għad-Drittijiet ta’ Persuni Gay f’Malta (MGRM) kellu reazzjoni pożittiva ħafna għad-deċiżjoni fil-Qorti Ewropea.
Gaby Calleja, il-koordinatriċi ta’ l-MGRM, saħqet li “din is-sentenza tagħmilha iktar fattibbli u possibbli li persuni li huma out u gay ma jiġux diskriminati fil-proċess ta’ applikazzjoni u evalwazzjoni.”

Intervista
Il-familja, iż-żwieġ u koppji gay

Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja


Editorijal

Fil-kju ħalli nistennew...


Il Punt
Lil min taqbad temmen?
Edward Fenech

TONI ABELA
Il-karru tal-Karnival tiegħi


Emmanuel Micallef
Il-biża' tal-Partiti


Carmelo Mifsud Bonnici

L-intolleranza intellettwali



X'kien Jgħid
Bravu Ċirillu



Wenzu Mintoff

Ex-voto
F'Għawdex għandi l-għeruq tiegħi. Għalhekk ukoll imma mhux biss lil Għawdex ma nistax ħlief infaħħru u bl-ebda mod ma nista' nmaqdru. Tista' taħseb kelli bużnannu kunjomu Mintoff ġej mill-Għasri , bużnannu ieħor kunjomu Refalo ġej mix-Xagħra u n-nannu Chetcuti ta' Ħaż-Żabbar li miet ix-Xewkija fi żmien il-gwerra.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075