Aħbarijiet | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65
Julia Farrugia
Familja f’Santa Venera qed titlob lill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà biex tintervjeni u tneħħi periklu kbir li ilu quddiem id-dar tagħha għal dawn l-aħħar sentejn. Dan wara li ħofra b’għoli ta’ madwar żewġ sulari ilha mingħajr ilqugħ għal dawn l-aħħar sentejn.
John Zammit missier ta’ tifel ta’ seba’ snin, jispjega lil Illum li f’Diċembru 2005, quddiem id-dar tiegħu fi Triq Abela f’Santa Venera, feġġ żvilupp li fost l-oħrajn jinkludi tħaffir ta’ ħofra fonda madwar żewġ sulari.
Sa llum din il-ħofra għadha mingħajr ilqugħ u l-familja kuljum ikollha toqgħod b’seba’ mitt għajn biex fost l-oħrajn it-tifel ma jispiċċax jaqa’ għal isfel.
Minkejja numru ta’ lmenti li għamlet din il-familja l-problema għadha hemm bil-konsegwenza li l-membri kollha tal-familja għadhom qed isofru minn dan l-inkonvenjent.
“X’qed jistennew l-awtoritajiet li ssir xi traġedja biex xi ħadd jieħu azzjoni?” staqsa l-missier.
“Meta nqalgħet din il-problema t-tifel kellu biss ħames snin. Kellna nieħdu deċiżjoni li ma nibqgħux nużaw il-bieb ta’ barra. Dan għaliex kull darba li niftħu l-bieb konna f’sogru li jew it-tifel jew marti u jien nispiċċaw naqgħu għal isfel,” saħaq Zammit.
Quddiem din is-sitwazzjoni l-familja kellha tipprova ssib soluzzjoni temporanja anke jekk din għaliha fissret aktar inkonvenjent.
“Teknikament spiċċajna priġunieri f’darna. Wasalna f’sitwazzjoni fejn la ma stajniex nużaw il-bieb ta’ barra ma stajniex nidħlu ġo darna. Aħna ngħixu f’maisonette u l-bieb ta’ barra kien l-uniku aċċess għat-taraġ li jwassal għal fuq.
“Biex solvejna din il-problema kellna nħaffru wieħed mill-ħitan tal-garaxx biex noħolqu speċi ta’ bieb li jiżbokka fit-taraġ,” spjega r-raġel.
Il-familja tirrimarka li x-xogħlijiet fuq dan il-proġett mhux talli ma tlestewx talli ilhom wieqfa għal numru ta’ xhur u l-ħofra kbira tħalliet bl-istess periklu ta’ dawn l-aħħar sentejn.
Quddiem din is-sitwazzjoni l-familja Zammit qed tappella lill-Awtoritajiet biex jieħdu azzjoni mingħajr dewmien.
“Qed nitolbu li dan l-appell ma jaqax f’widnejn torox u li jittella’ ħajt madwar il-ħofra biex aħna nkunu nistgħu nużaw il-bieb ta’ barra bħal familji normali,” qal John Zammit.
Din mhix l-unika problema f’din it-triq. Illum tista’ tiżvela ittra ta’ twissija li l-iżviluppatur tal-proġett irċieva mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera.
F’ittra datata 12 ta’ Diċembru li għadda l-avukat Veronique Dalli twissi lill-iżviluppatur li “għandu jkompli bix-xogħlijiet u jaderixxi ma’ Enforecement Notice maħruġ mill-Mepa u sussegwentement jirrimedja x-xogħlijiet kif hu obbliga ruħu li jagħmel a termini ta’ dikjarazzjoni datata 8 ta’ Frar 2007.”
L-ittra tiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li x-xogħlijiet ta’ l-iżviluppatur ilhom wieqfa għal xhur sħaħ. Konsegwenza ta’ hekk il-Kunsill Lokali u r-residenti qed ibatu minn inkonvenjent kbir.
Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera jwissi lill-iżviluppatur li l-kumpanija ta’ l-iżviluppatur “ikkawżat ħsarat kbar fil-parti ta’ fuq tat-triq bl-inġenji li kienu qed jgħaddu regolarment sabiex sar x-xogħol ta’ skavar u ta’ tħammil. U li kkawża wkoll ħsarat fil-bankina viċin is-sit.” |
|
Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|