Sport | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65
Mitt sena ta’ storja! Dan hu dak li l-Federazzjoni Maltija ta’ l-Isparar se tgħaddi minnu fil-jiem li ġejjin. Il-Federazzjoni qed tħejji diversi avvenimenti biex jiġu ċċelebrati dawn il-100 sena. F’Malta se naraw anki personalitajiet kbar li se jinġiebu apposta għal dawn il-jiem.
F’din l-intervista mal-President tal-Federazzjoni, Saviour Portelli jispjegalna fid-dettal dak kollu li l-Assoċjazzjoni li hu jmexxi għandha lest mid-29 ta’ Jannar sa l-10 ta’ Frar li ġej.
Fis-siegħa li għamilt miegħu ħadt l-opportunità wkoll u staqsejtu fuq l-isport tagħhom inġenerali u sa tkellimna anki fuq l-aqwa tiraturi li qatt ħarġu mill-pajjiż. Tispikka fuq fommu t-talba lejn l-awtoritajiet biex jagħtihom biċċa art ġdida biex ikunu jistgħu jkabbru l-kwartieri tagħhom fil-Bidnija.
Dan kollu żamm milli din is-sena it-Tazza tad-Dinja ta’ l-isparar issir f’pajjiżna iżda hemm ċans li jekk il-federazzjoni tkabbar l-ispazju u l-art kif ilha titlob, fadal iċ-ċans biex f’pajjiżna ssir l-edizzjoni ta’ l-2010.
Iltqajt ma’ Saviour it-Tnejn li għadda fl-Ajruport Internazzjonali. Kif nidħol fil-kafetterija nsibu jistennieni. X’ifisser l-isparar għal Saviour Portelli?
“L-isparar twieled fih. Minn meta kont żgħir fis-Snin Sittin kont immur ma’ missieri narahom jisparaw. L-isport trabba miegħi. Jien ili membru fil-Bidnija mis-Snin Tmenin u dħalt fil-Kumitat fl-1993. L-ewwel kont Assistent Tezorieir imbghad Teżorier, Segretarju u fil-preżent President.
“L-isparar hu l-uniku sport li jagħtini passjoni. Kultant fil-weekend meta nkun id-dar nara xi logħba futbol tat-Taljani jew ta’ l-Ingliżi. Imma l-isparar jagħtini ċerti sfidi f’ħajti li jagħmilhieli qisha avventura.”
Saviour Portelli twieled fl-14 ta’ Jannar 1951 u ilu President tal-Federazzjoni Maltija ta’ l-Isparar mis-sena 2000. Minn Ħal Lija u joqgħod il-Qrendi. Miżżewweġ lil Maria Lourdes u missier ta’ Joanne ta’ 31 u Mario ta’ 29 sena.
“Inħossni diffiċli niddeskrievi lili nnifsi għax jien bniedem imrobbi fil-festi. Missieri kien jorganizza n-nar ta’ diversi festi u mrobbi f’ċerti volontarjat. Jien irtirat mid-dinja tax-xogħol u bħalissa qiegħed b’ruħi u ġismi fil-Federazzjoni Maltija ta’ l-Isparar.
“Kieku jkollu xi ħadd jgħidli nagħmilx dan ix-xogħol ta’ President bi ħlas ma naċċettax. Nixtieq nibqa’ nagħti s-servizzi tiegħi lill-Federazzjoni fuq bażi volontarja. Dan l-isport għal qalbi wisq.”
Saviour konvint li l-isport li hu jirrapreżenta hu l-aktar wieħed li ġab unuri lejn Malta fl-istorja tiegħu.
“Nemmen li l-isport tagħna hu l-iktar wieħed li għamel suċċessi għal pajjiż. Irbaħna l-midalji kullimkien u hu mill-isport tagħna li għandna ċans li xi darba nirbħu midalja Olimpika. Kif aħna bħalissa u bl-atleti żgħar li tilgħin nistgħu nġibu din il-ħolma realtà għal pajjiżna li nirbħu midalja Olimpika.
“Il-pożizzjoni li tinsab fiha l-federazzjoni llum hiwkoll il-frott ta’ ħidma li saret fil-passat minn dawk li ġew qabilna. Id-differenza hi li 10 snin ilu jew ftit aktar kienet l-ewwel darba li tiratur Malti daħal f’finali. Il-ħolma tiegħi dejjem kienet li nisma’ l-innu Malti jdoqq li jfisser li tiratur Malti jkun rebaħ l-ewwel post. Kienet ħolma li għalija saret realtà f’San Marino meta Philip Busuttil rebaħ id-deheb. Anki bħalissa nħossni emozzjonat.”
Jirrakkuntali kemm hi diffiċli t-triq f’Assoċjazzjoni żgħira u kemm żdiedu l-ispejjeż f’dawn l-aħħar snin li hu stess isejħilhom ta’ piż kbir fuq l-Assoċjazzjoni u l-atleti.
“F’Assoċjazzjoni daqshekk żgħira diffiċli ħafna biex issib l-isponsors imma għandna ċertu għajnuna mingħand il-KOM u mill-KMS.
Illum ngħid li kieku ma kinux huma għalina aħna wasalna biex nagħlqu l-bibien tagħna. Għandna kera għolja ħafna ta’ aktar minn Lm3000 fis-sena u l-elettriku rdoppja u kollox żdied. Kultant ma temminx kif jien u sħabi nissugraw nidħlu għal dan il-piż u jirnexxielna naslu. Ma rridux ninsew li aħna Federazzjoni li ma tħallix profitt u jekk jibqa’ xi ħaġa tal-flus żejda naraw kif nonfquhom f’investiment għar-ranges tagħna. Kulmin għandu l-liċenzja jista’ jiġi u jispara. Kulmin m’għandux irridu nagħmlulu kors u jekk jgħaddi toħroġlu l-liċenzja mill-pulizija.”
Il-qofol ta’ din il-Federazzjoni se jintlaħaq ftit jiem oħra meta minn barra se jiġu fost l-aqwa tiraturi biex jieħdu sehem fl-avveniment tal-100 sena tal-Federazzjoni Maltija ta’ l-Isparar.
“Se noħorġu pubblikazzjoni żgħira għal din l-okkażjoni li se jitqassam b’xejn u fih jinkludi l-istorja tal-Federazzjoni. Għandna programm intensiv kemm ta’ ċelebrazzjonijiet kif ukoll ta’ sparar.
“Ilna naħsbu għal dan kollu mis-sena 2001. Dak iż-żmien Jesmond Mugliett kien is-Segretarju Parlamentari għall-Isport u konna tajnieh il-pjanti tar-ranges il-ġodda li kienu għadhom kif għamlu San Marino. Konna applikajna biex norganizzaw it-Tazza tad-Dinja għal din is-sena. Gìt aċċettata imma sentejn ilu b’dispjaċir kellna ngħidulhom li r-ranges li ġejna mitlubin inlestu kienu għadhom ma sarux. Ktibnilhom għal estenzjoni għas-sena 2010. Għal din is-sena kien hemm talba oħra mill-Ingilterra imma l-kandidatura rbaħnihielhom aħna. Issa sta għall-awtoritajiet biex ikollna dawn ir-ranges lesti biex it-Tazza tad-Dinja ta’ sentejn oħra ssir Malta. Aħna kulma rridu hu l-art neċessarja biex inkunu nistgħu norganizzaw avveniment mondjali bħal dan.”
Għal din il-kompetizzjoni ġej ukoll Jeff Tonna it-tiratur Malti-Awstraljan. Il-programm jinkludi quddiesa ta’ ringrazzjament fl-1 ta’ Frar u festin żgħir għal nies distinti.
L-għada s-Sibt se ssir ukoll ikla ta’ ċelebrazzjoni fil-lukanda Suncrest f’Buġibba. F’Malta mistenni jkun hawn Horst Schreiber, is-Segretarju Ġenerali ta’ l-ISSF, u Luciano Rossi il-Membru Parlamentari Ewropej ta’ l-Italja. Qed jissemma wkoll li jista’ jkun hawn f’Malta l-President tal-Federazzjoni Russa ta’ l-Isparar Vladimir Lissen li fir-Russja hu kbir daqs Roman Abramovich.
Quddiem dan kollu, lil Saviour nistaqsih jekk dan l-avveniment hux l-ikbar wieħed ta’ kull żmien għall-Federazzjoni Maltija.
“Għamilna ħafna avvenimenti imma naħseb li dan se jkun l-ikbar wieħed. Biss l-ikbar ħolma tiegħi tibqa’ li jkollna dawn ir-ranges il-ġodda għax kulmeta nkunu msefrien ikollna talbiet minn tiraturi barranin li jkunu jixtiequ jiġu jitħarrġu Malta minħabba l-kesħa li tagħmel pajjiżhom u ma nkunux nistgħu naċċettawhom għax m’għandniex fejn. Dawn meta jsiefru jmorru kontinġent ta’ 20 tiratur f’kull dixxiplina li jagħmlu aktar minn 60 atleta. Magħhom trid iżżid il-kowċis u d-diriġenti. M’għandniex fejn nilqgħuhom. Jiġifieri ara x’inhi titlef Malta bħala turiżmu fl-isport.”
Il-mistoqsija tiegħi tiġi awtomatika. Insaqsih x’relazzjoni għandhom bħala assoċjazzjoni ma’ l-awtoritajiet konċernati.
“Ir-reazzjonijiet tagħna mal-Gvern u l-Oppożizzjoni huma tajbin ħafna u dejjem kienu tajbin. Imma għadu ma ġiex imwettaq dan il-proġett. Tkellimna ma’ l-ikbar żewġ partiti li hawn fil-pajjiż. Il-Gvern qalilna li se jgħinna biex nagħmlu dawn ir-ranges u l-Oppożizzjoni qaltilna li jekk inkun hemm jien se ngħinkom biex nagħmluhom. Jien nispera biss li jsir dan il-proġett, ikun hemm min ikun hemm fil-Gvern u fl-Oppożizzjoni. F’Malta hawn għatx kbir biex ikun hawn aktar kumdità f’dan l-isport.”
Nitkellem ma’ Saviour fuq il-passat u nistaqsif l-opinjoni ta’ min jaħseb li kienu l-aqwa tiraturi li qatt ħarġu mill-pajjiż.
“Jien minn tfuliti niftakar lil Wenzu ta’ Bormla u lil Peppi Grech. Imbagħad warajhom kien hemm Larry Vella. Matul iż-żminijiet kellna tiraturi oħra bħal Raphael Toledo, Norbert Attard, Frans Chetcuti, Horace Micallef u Frans Pace. Niftakar ukoll lil Freddie Farrugia ta’ l-Invicta u lil Michael Gauci.
“Aktar riċenti imbagħad ġew Leli Abela, Philip Busuttil, Pawlu Vella u Noel Scicluna. Fl-2002 ġiet l-ewwel midalja fil-Commenwelth mirbuħa minn William Chetcuti. Kien għadu naqra ta’ tifel u jien emmint fih mill-ewwel. Qabel tlajna konna f’laqgħa ma’ Mugliett u għidtlu li se nġibu midalja lura żgur. Sħabi qaluli li bdejt nara kbir. William kien rebaħ il-bronz anki jekk bħala nazzjon il-fortuna qatt ma għenitna fl-isport ta’ l-isparar. Minn hemm William urieni li kien l-istilla l-ġdida ta’ l-isport Malti.”
Iżda ħafna jsostnu li William Chetcuti m’għadux dak li kien u tilef ħafna mill-forma tiegħu li tagħmlu l-aqwa tiratur li qatt ħareġ minn Malta. Nistaqsi lil Saviour x’seta’ ġaralu l-isportiv li hu l-uniku possibiltà għal Malta ta’ midalja fl-Olimpjadi.
“Taqta’ s-sena l-oħra William dejjem baqa’ jżid fil-livell tiegħu. Sas-sena 2005 kienu jiġu tiraturi kull nhar ta’ Ħadd u anki fost il-ġimgħa biex jisparaw miegħu. Kien ikollu spiss ġo fih taħriġ bħal tal-kompetizzjoni. Minn dik is-sena ’l hawn ma baqgħux jiġu jisparaw miegħu atleti oħra. Għaliex ma nafx. Jista’ jkun li ndunaw li ma jistgħux jirbħulu aktar u għalhekk ma kienx konvenjenti li jonfqu dawk l-ispejjeż kbar għalxejn. Allura issa spiċċa jagħmel biss il-kompetizzjonijiet meta jmur barra. Għalhekk dik il-competition edge tilifha. Kull atleta fl-isparar jgħaddi mill-perjodi ħżiena tiegħu.”
Saviour jgħidli li għadu ddispjaċut għad-deċiżjoni li kien ħa f’Linato fir-rigward ta’ William Chetcuti, tant li jammetti li kien telliflu midalja hu.
“Lil William f’Linato konna lgħabnieh mal-kbar għax rajna li kellu ċans li jekk toħroġlu sparatuta tajba jkollu passaġġ lest għall-Olimpjadi. Kieku lgħabnieh maż-żgħar bl-iskor li għamel kien isir Champion tad-Dinja tal-Juniors. Nammetti li dik il-midalja telliftielu jien sforz tal-fiduċja li kelli fih. Mal-kbar spiċċa fit-12-il post.
“Tiratur tajjeb irid ikollu talent u dan William twieled bih.Apparti li hu preċiż u ssibu dejjem konċentrat u jaf x’inhu jagħmel il-ħin kollu. Kull tiratur hu differenti minn ieħor f’dik li teknika u tattika.”
Saviour bħala President għandu tim ta’ nies ħabrieka li jaħdmu bla waqfien għall-ġid ta’ dan l-isport u l-Federazzjoni. L-ismijiet l-oħra li jmexxu miegħu huma Jimmy Bugeja, Rennie Grech, George Micallef, Edwin Vella, Grezzju Agius, Nicky Carabott, John Jon Cassar, Emanuel Scerri u Carmel Grech. Nistaqsih kemm huma rikonoxxuti ma’ barra ma’ l-International Sport Shooting Federation. Saviour jagħtini eżempju klassiku fuq wieħed mill-uffiċjali li għandu miegħu.
“Rennie Grech hu membru f’Kumitat Ewropej li jissejjaħ Economics Committee. Membri f’dan il-Kumitat hemm hu, Lissen u ieħor Spanjol. Fuq bażi internazzjonali għandna kuntatti tajbin ħafna u għandna żewġ voti bħal kull federazzjoni oħra Ewropea. Li għandna nies f’kumitati ta’ dan il-livell hu unur kbir għalina.”
Imma l-Federazzjoni Maltija ta’ l-isparar għandha b’xi mod x’taqsam mal-kaċċaturi u nassaba Maltin.
“Le. Anqas xejn. Dik xi ħaġa separata u differenti. Aħna sport tat-target shooting. Affilljati ma’ l-ISSF u ma’ l-ESF u mal-Commonwealth Shooting Federation. M’għandna x’naqsmu xejn mal-kaċċa u l-insib. Barra minn Malta ż-żewġ naħat jaħdmu aktar viċin u qrib xulxin imma hawn Malta differenti. M’għandna x’naqsmu xejn ma’ xulxin.”
Saviour Portelli jirringrazzja lil dawk speċjali qabel ma nqumu u nibdew mexjin lejn il-parkeġġ ta’ l-ajruport.
“Uġigħ ta’ ras kbira biex tipprova ma tħalli lil ħadd barra. Ma ninsewx li l-Federazzjoni tagħna tissellef il-flus mingħand il-membri meta tkun se ssir xi ħaġa kapitali. Jitħallsu kollha pero’ ftit ftit skond kif jitilgħu bl-ordni tal-polza. Suppost li din hil-aħħar sena biex inkunu qtajna lill-krediturti kollha. Għalhekk ma nistax ma nirringrazzjax lil dawk li kienu sellfu l-flus lill-Federazzjoni.
“Ma nista’ tinsa qatt lil dawk li servew fil-Kumitati u lil dawk li minn dejjem kienu minn ta’ quddiem biex jagħtu xi sponsor u lill-politiċi miż-żewġ naħat tal-Kamra. Magħhom jingħaqad il-Kunsill Malti għall-Isport, lill-Kumitat Olimpiku Malti u lill-Għaqda Kittieba Sports.
“L-aħħar appell tiegħi hu għad-29 ta’ Jannar sa l-10 ta’ Frar. Fil-Bidnija se jkun hemm x’tara. Sejjaħna dan l-avveniment The 100th Anniversary Event. Nirringrazzja lil kulmin għeni.” |
|
Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|