Carmelo Mifsud Bonnici | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65 L-intolleranza intellettwali 1. Il-bniedem ma jistax jaħrab minn veritajiet li jinsabu ġewwa fih. Jista’ jipprova jnessihom jew jgħattihom, biss illum jew għada jerġgħu jiġu lura f’ħogru. Hemm din it-tendenza f’qalb u moħħ persuni li minn naħa eċċellew f’għelieqi varji ta’ l-istudju u l-akkademja pero’ mill-oħra daħlu lilhom infushom f’suppervja intelletwali. Dik is-suppervja li minnha wieħed isib ruħu magħluq f’isem formazzjoni kulturali li taċċetta mhux kull vuċi fis-soċjetà imma dik biss li jidhrilha hi. Is-sejħa għall-verità u lejha hi f’qalb u f’moħħ kull persuna però mhux kull waħda hi lesta li taċċettaha. Tagħraf li l-verità trid tfittixha u ma għandekx tibża’ terġa tistaqsi lilek innifsek anzi tikkonfronta ruħek ma’ ħsibijiet oħra dejjem sabiex tagħraf kemm dak li temmen fih hu verament tajjeb. 2. Kif inkiteb tajjeb reċentement f’diskors li ma ingħadx ‘Man wants to know – he wants truth. Truth is first of all a thing of seeing, of understanding, of “theoria” as it is called by the Greek tradition. But the truth is never only theoretic.’ Dawn il-kliem ħerġin mill-pinna ta’ persuna li għandha karriera twila fil-qari, l-kitba u l-akkademja. Josef Ratzinger, il-Papa Benedittu XVI preżenti hu dan l-awtur. Dan il-bniedem għandu warajh xmara twila ta’ paġni f’kitbiet varji u verament interessanti. Kull ktieb tiegħu fih x’tifhem u tifli. Trid taqrahom biċċa biċċa, għax tant kull sentenza hi mimlija sens u sustanza li trid hin sabiex tifhimhom u tapprezzahom. 3. Nammetti li qabel laħaq papa, għalkemm kont smajt u qrajt siltiet mid-diskorsi numerużi tiegħu però qatt ma kont dħalt fil-kotba. Imma hadt ħsieb nixtri numru sew minnhom u nista’ nixhed direttament fuq il-valur qawwi ta’ kliemu. Issa ma nafx imma f’din id-dinja tagħna ninnota li ħafna drabi hemm wisq preġudizzji. Ħafna minna ma jippruvawx jidħlu f’konfront ma’ ideat kompletament differenti minn tagħhom. Anzi żbaljatment li qed inaqqsu xi ħaġa mill-identità tagħhom għax jidħlu fil-proċess li jiżaminaw dak li jikkundannaw mill-bidu. Huma li suppost għandhom għal qalbhom l-imħabba għall-għerf jaqtgħu barra lilhom infushom milli jfittxuh. 4. Kienet verament stramba l-ġimgħa li għaddiet l-attitudni ta’ l-intelletwali u akkademiċi fl-Università ta’ Ruma magħrufa bħala La Sapienza. Kontra kull tradizzjoni universitarja, numru ta’ għalliema u studenti opponew għall-istedina li saret lill-Papa Ratzinger. Invit sabiex ikellem lill-korp akkademiku sħiħ sab rewwixta minn ċerti setturi li identifikaw irwieħhom bħala lajċi. Il-preżenza ta’ dan il-bniedem ta’ studju u ntellett sabet oġġezzjoni proprju minn dawk li wieħed ma jistennix li jkollhom ebda forma ta’ xkiel għall-ideat varji u differenti minn tagħhom. Aġġixxew kjarament b’mod intollerant fuq il-pretest li l-istudjuż Ratzinger kien kiteb sabiex jiddefendi l-knisja fuq il-każ ta’ Galileo Galilei. 5. Akkuża mill-iktar inkorretta għax dan fil-fatt ma sarx. Naħseb li f’dinja daqshekk miftuħa għall-informazzjoni u dibattitu hemm min jaqta’ lilu nnifsu b’preġudizzji strambi minn ideat li jiċħdu mingħajr ma jippruvaw jaqraw jew jagħarblu. L-intolleranza li ħakmithom takkrek f’aġir ta’ bnedmin li ħarsu biss lejn l-estremiżmu jew tax-xellug u tal-lemin bħala vuċijiet uniċi li ma għandhomx bżonn jiltaqgħu u jikkonfrontaw irwieħhom ma’ ħsibijiet differenti. Skantajt nara kemm u b’liema argumenti bniedem ta’ paċi, imħabba u ġustizzja bħal Papa Ġermaniż li għandna bħalissa ġie eskluż minn akkademiċi. Meta wieħed jara dan jifhem li għad għandna ħafna preġudizzji antiki li ma hemmx li jmutu. 6. Kien hemm biżgħat li jiġu proprju minn dawk li huma magħluqin f’maħħhom. Persuni li wara l-paraventu ta’ l-intellett tagħhom jixhdu minnflok injoranza. Għax meta tiddibatti u tiddiskut tfittex il-verità tkun qed tersaq iktar lejn is-sewwa. Tifhem iktar il-ħajja u l-bniedem. Ammirajt il-mod miftuħ u preparat li permezz tiegħu Benedittu XVI resaq lejn l-inċident li kellu. Mhux biss għażel li ma jkabbarx il-kwistjoni iżda talli kellu l-għaqal li jippubblika l-kontenut tad-diskors li kien sejjer jagħmel. Flok ħalla dan iżomm il-bidliet ta’ l-ideat, għamel użu tajjeb tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. Ma weġibx b’mezzi ta’ intolleranza kif kien suġġett imma b’atti ta’ mħabba u tolleranza. Dawk li jiftħu għall-ħsieb. Il-Papa jiġi drabi klassifikat bħala persuna b’moħħ magħluq u mingħajr ideat ġodda imma r-realtà hi preċiżament il-kontra. |
Intervista
|
|