Emmanuel Micallef | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65
Matul il-kampanja elettorali l-ebda Partit mhu se jammetti li jista’ jispiċċa tellief. Il-kelma “rebħa” tingħad mitt elf darba waqt
id-diskorsi tal-politiċi fl-attivitajiet kollha li jorganizzaw matul il-kampanja.
L-istrateġija tal-partiti hi mibnija fuq il-kisba tas-suċċess. B’hekk jitqajjem il-moral tal-partitarji, jintbagħat messaġġ ta’ kuraġġ, fiduċja u determinazzjoni għat-tmexxija tal-pajjiż u l-elettorat ikun iktar dispost li jisimgħek u jagħti kasek.
Mhux darba u tnejn li mexxejja ta’ partiti kienu jafu li se jitilfu l-elezzjoni u baqgħu ma jammettux it-telfa sa l-aħħar. Niftakar fl-entużjazmu fost
il-folla meta kienet tisma’ li gejja r-raba’ rebħa;
iċ-ċelebrazzjonijiet fit-toroq miż-żewġ partiti wara li t-tnejn iddikjaraw li rebħu r-referendum dwar l-UE u mhux lanqas id-dikjarazzjoni solenni
tal-kap tal-partit li qed jara t-telfa f’wiċċu u jgħid li r-riżultat hu photo-finish!
U wara dawn l-esperjenzi xorta waħda jibqa’ jkun hemm min jemmen dawn l-istqarrijiet b’għajnejh magħluqa! Qisna ma nitgħallmu qatt. Għax ngħiduha kif inhi, liema partit se jmur jgħid lill-partitarji li “għamilna dak kollu li stajna iżda l-poplu għazel lil ħaddieħor?”. Ikun att umiljanti iktar u iktar jekk dikjarazzjoni bħal din issir f’xi ħin qabel ma joħroġ ir-riżultat uffiċjali ta’ l-elezzjoni. Iżda nafu li fl-aħħar mill-aħħar ir-riżultat se juri min hu r-rebbieħ u min hu t-tellief!
U min jaħseb li l-istrateġisti tal-kampanja elettorali tal-partiti jaħsbu biss fir-rebħa sejjer imqarraq. Aħseb il-ħazin biex it-tajjeb ma jonqosx, jgħidu! Iridu jikkunsidraw ukoll kif se jikkonvinċu lill-poplu li jekk jitilfu jibqgħu b’rashom fuq għonqhom u ma jħallux li l-partit jiżżarma anke jekk ir-riżultat ikollu l-effett li jinstiga taqliba ta’ taħt fuq fl-amministrazzjoni tal-partit. Dawn il-ħsibijiet iġibu l-biża’.
Il-partiti waqt li jkunu għaddejjin bil-kampanja tagħhom, f’vena li tipproġettahom qishom diġà rebħu,taħkimhom din il-biża’. Hi xi ħaġa naturali wara kollox għax f’każ ta’ telfa wara l-ħasda jibdew jaraw li minkejja l-isforzi kollha li saru kollox isir suf.
In-nazzjonalisti qegħdin jibżgħu minn din l-elezzjoni. Qed jaraw li din id-darba hu iktar faċli li jistgħu jitilfu l-Gvern. Il-fattur li ilhom żmien twil fil-poter m’għandhomx biex jirribattuh ħlief li l-esperjenza għandha tgħin u mhux tfixkel lil min ikun fil-Gvern! Iżda jafu li dan l-argument ma jikkonvinċix biżżejjed!
Jibżgħu ukoll li dak li bena Lawrence Gonzi fil-partit, wara l-era glorjuża ta’ Fenech Adami,jisfuma fix-xejn u taħt Gonzi l-PN ikun kiseb l-ikbar numru ta’ telfiet elettorali (fuq bażi lokali u nazzjonali) minn mindu nħatar Kap. Jibżgħu wkoll għax skond huma jekk jitilfu ħoll xagħrek u ġib iż-żejt jekk il-Labour jerġa’ jkun fil-gvern.
Il-Laburisti wkoll jaqbadhom il-bard tat-telfa. Jafu li din id-darba hu iktar possibli li jitilgħu fil-Gvern iżda jibżgħu li bejn it-tattika tan-naħa l-oħra u bejn l-esperjenzi ta’ l-imgħoddi l-“poplu ma teħodlux kopja”! Jibżgħu li jistgħu jispiċċaw partit li jikser ir-rekord ta’ kemm dam fl-Oppożizzjoni. Ma jistgħux iniżżluha li jekk jitilfu l-elezzjoni li ġejja jkunu prattikament ilhom kważi kwart ta’ seklu fuq il-bankijiet ta’ l-Oppożizzjoni. Mela meta se jitla’ l-partit jekk mhux din id-darba? Jiddarsu wkoll meta jġibu quddiem għajnejhom “x’arja jagħmlu n-Nazzjonalisti” jekk għal darb’oħra jirbħu l-gvern huma!
L-Alternattiva Demokratika fit-18-il sena ma rnexxielhomx itellgħu Membru fil-Parlament b’riħithom. Għandhom il-biża’ li jekk din id-darba mhux se jtellgħu mqar wieħed se jispiċċaw partit kannoll bla krema. Jibżgħu li wara l-elezzjoni jnaqqsu mir-relevanza tagħhom u dawk li sa llum appoġġawhom jibdew jinjorawhom.
L-Azzjoni Nazzjonali trid tagħmel ħoss f’din l-elezzjoni. Ma jaffordjawx jaqgħu għaċ-ċajt fl-ewwel eżami tagħhom. Jafu li fil-politika wkoll “ħu l-fama u mur orqod”.
Jafu li b’damdima mal-ewwel ħarġa jistgħu jisfaxxaw u mall-ewwel jieħdu t-tagħlima li min jidħol fil-politika hu għasfur tal-passa. Dan kollu inissel fihom biża’u frustrazzjoni.
X’ma jibżgħux? Faċli tgħid li trid tagħraf taċċetta t-telfa. X’jibqa’ ġo fik meta tkun iddedikajt ħajtek, ħinek, l-enerġija tiegħek, biex ma ngħidx flusek ukoll, imbagħad il-poplu jobżoqlok mis-sunnara!
Il-biżà tal-partiti żgur li mhux se titla’ fil-wiċċ matul il-kampanja elettorali. Iżda hemm tkun. Għalhekk id-demm jitla’ fir-ras hekk kif joqrob il-mument tar-riżultat finali. L-eċċitament mal-perspeks fis-sala tal-għadd tal-voti ma jiżdiedx biss sforz il-kurżità ta’ min se jirbaħ iżda x’aktarx iktar jinħass sforz il-biża’ ta’ min se jitlef! |
|
Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|