MediaToday

Ittri | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65

Ingdimt darbtejn bl-ewro

Minn Eddy Privitera,
Mosta

Il-kumitat ta’ l-NECC u l-Ministri u Segretarji parlamentari qed jagħmlu minn kollox biex jagħtu l-impressjoni li d-dħul ta’ l-ewro ma ġabx għoli fil-prezzijiet ħlief għal xi ftit ewroċenteżmi u fi ftit okkażjonijiet biss.
Imbagħad jgħidulna wkoll li wara l-intervent ta’ l-uffiċjali ta’ l-NECC, tista’ tgħid li dawk kollha li kienu għollew il-prezzijiet reġgħu niżżluhom għal kif kienu qabel.
Mid-dehra dawn is-sinjuri kollha qed jaħsbu li l-maġġoranza kbira tal-poplu jistgħu jbellgħulhom kollox.
Din il-propaganda kollha hi bla bżonn u intiża biex jgħattu dak li qed jiġri dwar il-prezzijiet qabel ma’ daħlet l-ewro u issa li l-ewro saret il-munita tagħna bla ma kellna għażla niddeċiedu rriduhiex!
Ħafna nies diġà, jew inqarsu xi ftit jew ingidmu gidma sew bħalma ġrali jien bl-ewro!
Niskanta kif il-ġurnalisti aktar qed jintervistaw konsumaturi li xtraw xi prodott meta l-aktar żieda qed issir fuq is-servizzi. Jien s’issa kelli esperjenza ta’ żewġ servizzi u fiż-żewġ każi ngdimt. L-ewwel esperjenza ħadtha fit-2 ta’ Jannar.
Mort naqta’ xagħri u fejn ili snin inħallas Lm1.25 meta staqsejt lill-barbier x’kelli nagħtih issa bl-ewro qalli: “Tliet ewro u fifty.” Dawn iġibu Lm1.50 jew żieda ta’ 20 fil-mija.
It-tieni gidma li ngdimt kien jumejn wara. Mort għand it-tabib privat tiegħi fil-klinika tiegħu. Meta ili snin inħallas Lm3 din id-darba talabni €10 li jġibu Lm4.25, jew żieda ta’ 41 fil-mija.
M’għandi l-ebda dubju li l-istess qed jiġri f’ħafna każi oħra meta wieħed imur biex jingħata xi servizz bħal ngħidu aħna xi avukat, perit, dentist, mekkanik u ħafna u ħafna servizzi oħra. Ma nistax nifhem u nemmen li l-uffiċjali ta’ l-NECC jistgħu jagħmlu xi ħaġa fejn jidħlu s-servizzi fejn ma jeżistu l-ebda tabelli bi prezzijiet bil-Lira Maltija u bl-ewro.
La s-suq hu ‘ħieles’ – u dan hu l-ikbar kmandament ta’ l-Unjoni Ewropea – ħadd ma jista’ jġiegħel lil xi ħadd li jkun qed joffri servizz kemm għandu jitħallas tas-servizz.
Sa ċertu punt nifhem għaliex is-servizzi kellhom jogħlew bid-dħul ta’ l-ewro. Għax kif wieħed jista’ jippretendi, pereżempju, li tabib għandu jġorr miegħu borża mimlija ewroċenteżmi ħalli jkun jista’ jagħti l-bqija? Jekk kien jitolbok Lm2, xi ħadd jemmen li issa se jitolbok €4.66 u mhux €5 għad-dritt? Naturalment hemm imbagħad dawk li minflok jaqtgħu għad-dritt ’il fuq biċ-ċenteżmi jżidu ħafna aktar bħalma ġrali jien.
Hu għalhekk li d-dħul ta’ l-ewro kellu bilfors iġib għoli jew żieda fil-prezzijiet iżda l-aktar tas-servizzi.
Meta wara Ġunju li ġej anki l-prodotti kollha se jkollhom il-prezz bl-ewro biss, Alla biss jaf xi splużjoni fil-prezzijiet ġejja, speċjalment jekk ma jkollniex Gvern li verament jemmen
fil-protezzjoni tal-konsumaturi.

Intervista
Il-familja, iż-żwieġ u koppji gay

Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja


Editorijal

Fil-kju ħalli nistennew...


Il Punt
Lil min taqbad temmen?
Edward Fenech

TONI ABELA
Il-karru tal-Karnival tiegħi


Emmanuel Micallef
Il-biża' tal-Partiti


Carmelo Mifsud Bonnici

L-intolleranza intellettwali



X'kien Jgħid
Bravu Ċirillu



Wenzu Mintoff

Ex-voto
F'Għawdex għandi l-għeruq tiegħi. Għalhekk ukoll imma mhux biss lil Għawdex ma nistax ħlief infaħħru u bl-ebda mod ma nista' nmaqdru. Tista' taħseb kelli bużnannu kunjomu Mintoff ġej mill-Għasri , bużnannu ieħor kunjomu Refalo ġej mix-Xagħra u n-nannu Chetcuti ta' Ħaż-Żabbar li miet ix-Xewkija fi żmien il-gwerra.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075