Ittri | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65
Minn Stephen Abela,
Segretarju Onorarju,
Hibernians FC,
Raħal Ġdid
Nirreferi għall-intervista mal-plejer Andrè Schembri li dehret fl-Illum ta’ nhar il-Ħadd 30 ta’ Diċembru 2007, partikolarment għal dik il-parti ta’ l-intervista fejn jissemma’ l-klabb ta’ Hibernians.
Schembri akkuża bl-aktar mod inġust lil Hibernians li tellfulu ċans kbir li jilgħab fl-Ingilterra. Madankollu l-fatti kif verament ġraw juru mod ieħor.
Lejn l-aħħar tas-sena 2003, Julian Holland, l-aġent internazzjonali tal-UEFA, kien informa lil Hibernians dwar il-possibbiltà li Schembri jmur l-Ingilterra għal prova ta’ ġimgħa ma’ Aston Villa u staqsa jekk kienx hemm xi oġġezzjoni biex dan iseħħ.
It-tweġiba ta’ Hibernians kienet ċara u mingħajr tidwir. Il-klabb Pawlist ma kellu l-ebda diffikultà jħalli lill-plejer imur għal din il-prova.
Tant hu hekk li appena ġew finalizzati l-arranġamenti biex Schembri jsiefer Hibernians tawh ammont ta’ flus bħala pocket money biex ikollu x’jonfoq kif jasal l-Ingilterra.
Waqt din il-ġimgħa prova d-diriġenti ta’ Hibernians kienu f’kuntatt kontinwu mal-plejer u ma nħolqu l-ebda problemi. Lejn tmiem il-ġimgħa prova, iżda, Aston Villa talbu lill-plejer biex jibqa’ ġimgħa oħra. Il-plejer minnufih informa lil Hibernians b’din il-proposta u l-klabb Pawlist għal darb’oħra reġa’ ddikjara li ma kienx hemm oġġezzjoni minkejja l-fatt li din id-darba Schembri kien se jitlef xi logħob mal-klabb.
Ta’ min jgħid li l-klabb Ingliż kien dejjem jitkellem jew mal-plejer jew ma’ Julian Holland u fl-ebda mument ma sar kuntatt dirett ma’ Hibernians.
Irriżulta li r-raġuni li Aston Villa riedu estensjoni ta’ ġimgħa oħra prova kienet biex Schembri jilgħab f’partita mill-kampjonat tar-reserves kontra Chelsea. Ovvjament dan ma setax isir mingħajr ma jkun inħareġ l-International Transfer Certificate u għalhekk Aston Villa b’nuqqas kbir ta’ etika sportiva qabbdu l-FA Ingliża biex titlob lill-MFA toħroġ l-ITC favur il-plejer Malti.
Kif irċeviet din it-talba mill-FA Ingliża, l-MFA mill-ewwel infurmat lil Hibernians. Uffiċjal ta’ Hibernians ċempel immedjatament lil missier Andrè u dawn flimkien marru l-MFA biex tiġi ċċarata s-sitwazzjoni.
Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA spjega lil missier Andrè li biex jinħareġ ir-release ried ikun hemm ftehim bejn il-Hibernians u Aston Villa inkella ma kienx se jinħareġ l-Internationl Transfer Certificate.
Missier Andrè deher li aċċetta din l-ispjegazzjoni u xi jumejn wara l-plejer kien lest biex jiġi lura Malta iżda peress li ma kellux biljett ta’ l-ajru validu Hibernians bagħtulu biljett imħallas għas-spejjeż tal-klabb. Dan seħħ minkejja l-fatt li l-ispejjes kollha ta’ l-ivvjaġġar ma kellhomx jitħallsu mill-Hibernians.
Wara dan kollu Aston Villa qatt m’għamlu xi kuntatt ma’ Hibernians jew ma’ l-aġent tal-plejer u safejn nafu aħna l-istorja waqfet hemmhekk.
Inħallu lill-qarrejja jiġġudikaw jekk l-atteġġament ta’ Hibernians f’din il-kwistjoni kienx wieħed korrett għall-aħħar bħalma jistgħu jiġġudikaw kemm mhux grat Andrè Schembri tant li f’kull opportunità li jkollu jispiċċa jakkuża lill-klabb Pawlist li telliflu ċ-ċans li jilgħab
fl-Ingilterra.
Andrè Schembri hu prodott tal-Hibernians Football Nursery li għenietu fil-bidunett tal-karriera tiegħu billi tagħtu ċ-ċans kollu jiżviluppa t-talenti tiegħu fit-timijiet ta’ taħt l-14-il sena, taħt is-16-il sena u fl-aħħar f’dak ta’ taħt it-18-il sena qabel ma’ ngħaqad mat-tim tal-kbar.
Qatt ma kienet l-intenzjoni ta’ Hibernians li jtellef iċ-ċans lil Schembri li jkompli l-karriera tiegħu barra minn Malta iżda l-klabb ried iħares ukoll l-interessi tiegħu u ta’ l-investiment li kien għamel fil-plejer.
Ma’ min mexa sew u kif titlob l-etika u l-proċedura, f’sitwazzjonijiet bħal dawn, Hibernians imxew ta’ rġiel. Bħalma jista’ jixhed dan l-aħħar Udo Nwoko li llum qed jagħmel isem fil-Portugall.
Fl-aħħarnett inwissi lil Andrè Schembri li jekk ikompli jgħawweġ il-fatti f’din il-kwistjoni se nieħdu l-passi kollha meħtieġa biex inħarsu l-isem ta’ Hibernians.
Il-klabb tagħna matul is-snin dejjem gawda stima u rispett mill-isportivi kollha Maltin anki mill-avversarji tiegħu u għalhekk aħna mhux se nippermettu lil xi ħadd jitfa’ dell ikrah fuqu. |
|
Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|