Intervista | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65
Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja
Il-pass mgħaġġel tal-ħajja jista’ iwassal biex jaffettwa d-dinamika tar-relazzjonijiet f’koppja. Anki jekk f’Malta l-familja tradizzjonali ta’ bejn raġel u mara tibqa’ l-iktar punt ta’ referenza importanti, nibtu forom differenti ta’ familji.
Charlie Azzopardi hu terapista tal-koppji u l-familja u l-esperjenza tiegħu tlaqqgħu ma’ ħafna familji ‘mhux tradizzjonali’. Nistaqsih biex jagħtini definizzjoni tal-familja.
“Mistoqsija tqila biex tirrispondiha f’żewġ sentenzi. Il-familja hi kull tip ta’ unjoni, fiż-żmien li fil-psikoloġija tagħhom il-membri tagħha jemmnu li hemm relazzjoni ta’ valur importanti għalihom,” iwieġeb wara mument ta’ ħsieb.
Jagħtini x’nifhem li l-kunċett ta’ familja jiddependi fuq kif jaħsbuha fuqhom infushom il-membri individwali. Iżda Azzopardi jgħid ukoll li hemm definizzjonijiet soċjoloġiċi, ekonomiċi u politiċi.
“Imma jekk ikolli niddiskriviha mill-aspett uman nista’ ngħid li l-unjoni qiegħda f’moħħ in-nies,” jgħid Azzopardi.
F’soċjetà li qed tevolvi b’rata pjuttost mgħaġġla, Azzopardi jsostni li “il-familji mhux neċessarjament tikkonsisti f’mara u raġel u żewġt itfal.”
Jitkellem dwar l-ommijiet weħidhom (single mothers), persuni separati u relazzjonijiet oħra li jmorru lil hinn mit-tradizzjoni, “Illum il-familja nbidlet kompletament. Jekk għandek bint u omm, koppja miżżewġa mingħajr tfal, u koppji separati, dawn kollha jaqgħu taħt forom differenti ta’ familja,” jispjega.
Nistaqsih jekk koppja gay taqax taħt l-istess definizzjoni ta’ familja wkoll u jinsisti,“Jekk huma jħossuhom li huma koppja, għaliex le?”
Dan it-tibdil fil-familja tul is-snin ġab miegħu wkoll tibdil fil-leġislazzjoni. Filwaqt li l-liġi tal-familja nbiddlet ħafna, Azzopardi jgħid li la l-familja qed tinbidel, għandha tinbidel ukoll il-liġi biex tkun tista’ taġevola lil dawn it-tipi ta’ familji ġodda.
Azzopardi jitkellem dwar kif il-Knisja u l-Gvern qed ipinġu l-familja fil-propaganda tagħhom li qed iwassal biex in-nies jinqabdu bejn id-diskors politiku u dak tal-Knisja. Hu jsostni li dawn iż-żewġ istituzzjonijiet qed jieħdu żewġ direzzjonijiet opposti.
“Filwaqt li l-Knisja qed tippromwovi l-familja tradizzjonali, il-Gvern qed jippromwovi familja differenti. Allura dan qed joħloq taħwid kbir u l-konsegwenza hi li kulħadd jagħmel kif jaħseb li hu tajjeb għalih. F’kelma waħda qed nesperjenzaw is-sekularizzazzjoni fil-qasam tal-familja.
“Il-konsegwenza ta’ dan kollu huma n-nies li jiżżeffnu fin-nofs. Qisu għandek żewġ ġenituri separati u t-tfal jiżżeffnu bejniethom. Il-Knisja tgħidlek tisseparax, ibqa’ flimkien u tagħmilx sess qabel iż-żwieg, mentri l-Gvern jagħmel l-oppost. Qed jgħid lill-mara, mur oħroġ aħdem ħalli nlaħħqu ma’ l-istatistika Ewropea, kif ukoll jagħmel ir-riklami tal-kondoms.”
Itini x’nifhem li għalih din is-sitwazzjoni qed iġġib biss konfużjoni ta’ valuri f’moħħ in-nies.
Xogħol Azzopardi jlaqqgħu ma’ għadd kbir ta’ koppji li jkollhom il-problemi bejniethom. Inqajjem l-argument tas-separazzjoni u l-fatt li f’pajjiżna d-divorzju ma jeżistix.
“Żball komuni mill-massa hu li naraw id-divorzju mil-lat morali. Jekk tarah biss mil-lat morali d-divorzju jidher bħala xi ħaġa ħażina. Imma meta tarah mill-aspett soċjali, meta tara dan it-tgerfix kollu fis-soċjetà, tirrealizza li d-divorzju, mhux kelma daqshsekk ħazina.
“Nieħdu l-każ ta’ mara li żżewġet u wara ftit żmien tispiċċa vittma tas-swat tar-raġel. Tiddeċiedi li tissepara imma by definition ma jistax ikollha familja oħra għax legalment għadha marbuta ma’ żewġha anki jekk separata. Mhemmx sens ta’ ġustizzja.
“Il-bniedem hu annimal soċjali li jibni r-relazzjonijiet. Id-divorzju jippermettilek li terġa’ tiżżewweġ u tibni relazzjoni mill-ġdid,” jgħid Azzopardi.
Il-bdil fil-liġi jiddependi mill-politiċi li qajla jinteressahom iqajmu l-kwistjoni tad-divorzju.
“Il-politiċi normalment jinteressahom il-vot u jippruvaw jikkuntentaw l-opinjoni pubblika. Kemm jista’ jkun jaraw li ma jitilfux voti. Din bħal tad-drogi. Kulħadd jaf li għal raġunijiet varji l-aħjar jekk tillegalizzahom, imma l-fatti jibqgħu kif inhuma,” jgħidli b’ton assertiv.
Nistaqsih jekk wara każ ta’ separazzjoni n-nies ikunux iridu jerġgħu jidħlu għaż-żwieġ. “Tara ħafna nies li kieku jkollhom iċ-ċans jerġgħu jiżżewġu jagħmlu dak il-pass,” isostni Azzopardi.
“Relazzjoni ta’ mħabba hi fundamentali u essenzjali fil-ħajja tal-bniedem għax in-natura tal-bniedem hi li jrid iħobb u jkun maħbub.”
Ir-relazzjonijiet mhux dejjem jimxu ħarir. Hemm uħud li f’ċerti każijiet biex itaffu dik id-diqa jmorru jikkonsultaw ma’ qarrejja tax-xorti. L-opinjoni tiegħu hi pjuttost ċara fuq is-suġġett.
“Jagħmlu ħafna ħsara. Fil-psikoloġija hemm dik li tissejjaħ is-self fullfilling prophecy. Dak li jgħidulek imbagħad iseħħ vera. Imma dan jispiċċa jseħħ għax imbagħad int tibda tfittex dak li huma qalulek,” itenni b’mod skjett.
“Ġeneralment in-nies li jmorru għandhom ikunu nies vulnerabbli ħafna u dik tweġġani ħafna lili. Dawn il-qarrejja tax-xorti jieħdu flus kbar mingħajr ma jkunu ħadu taħriġ ta’ xejn, filwaqt li jkun hemm nies speċjalizzati bħali li jkunu għamlu snin jistudjaw f’dan il-qasam.”
Nistaqsih x’inhuma l-problemi komuni li jiltaqa’ magħhom u kif nibtu fil-koppja.
“L-ikbar problema hi li Malta f’dawn l-aħħar 15 jew 20 sena rat tibdiliet li fl-Ewropa seħħew fuq medda ta’ ’l fuq minn 50 sena. Ir-riżultat hu ċar. Diżorjentament. Il-valuri tagħna relattivament baqgħu l-istess imma kien hemm bidliet soċjali li għamlu pressjoni fuq il-valuri.
“Qabel il-valur għall-Maltin kien il-familja. Issa peress li l-ispejjeż tal-familja għolew u żdiedu ż-żewġ partners iridu joħorġu jaħdmu u t-tfal joqogħdu jew man-nanna jew fiċ-child centres. Jidher allura li x-xogħol u l-flus qed jieħdu l-ħin tal-familja.”
Minn diskorsu nieħdu li qed jirrelata l-problemi
tal-koppji man-nuqqas ta’ ħin.
F’dan il-kuntest nistaqsih dwar il-proposta tal-Partit Laburista li jneħħi t-taxxa minn fuq is-sahra, li hi ntiża biex in-nies jaħdmu iktar u l-miżura li kien ħa l-Gvern biex il-btajjel pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa ma jiżdidux mal-leave. Iż-żewġ proposti jfissru inqas ħin mal-familja u iktar xogħol.
Fuq l-aħħar punt l-opinjoni tiegħu hi pjuttost b’saħħitha. “Għandek Gvern jippromwovi l-familja mbagħad fl-istess ħin il-familja qed jaqtgħalha saqajha billi jisirqilha l-aktar ħaġa prezzjuża: il-ħin. Din hi kwistjoni ta’ valur nazzjonali.
“In-nuqqas ta’ ħin hu problema. Jien insejjaħlu time poverty. Il-problema tal-ħin iġġib magħha katina ta’ fatturi oħra li jaffettwaw il-koppja. Dan jaffettwa l-komunikazzjoni, ir-relazzjoni sesswali, is-sens ta’ mogħdrija (care) u taffettwa wkoll kif in-nies iqattgħu l-ħin flimkien. L-ikbar rigal li nistgħu nagħtu lil xulxin hu l-ħin. Il-ħin hu l-għerq tal-komunikazzjoni,” tenna Azzopardi.
Daqs kemm hu importanti li l-bniedem ikun annimal soċjali hu daqstant importanti li jkollu ftit ħin għalih. Nistaqsih kemm hu importanti l-kunċett ta’ ħin ħieles għall-individwu.
“Il-ħin flimkien hu importanti u l-ħin miegħi nnifsi hu importanti bl-istess mod,” jisħaq bla tlaqliq.
“Ħafna mis-separazzjonijiet huma minħabba n-nuqqas ta’ kuntatt intimu bejn il-partners. Nuqqas ta’ intimità li trid il-ħin biex tibniha. Passiġġati fejn il-baħar, fil-kampanja, diskorsi u diskussjonijiet, jiddependi kemm wieħed għandu ħin, huma kollha affarijiet importanti.”
Dak li forsi għal uħud tista’ tkun xi ħaġa ta’ kuljum it-terapista jagħtiha ħafna importanza. Jirreferi għall-ikla ta’ filgħaxija. “Li nieklu flimkien hu ritwal importanti,” jisħaq filwaqt li jsostni li dan jista’ jkun mezz ukoll ta’ kif iżżomm ’il bogħod ċertu mard.
Jirreferi għaċ-ċifri li ħarġu riċentement. “Riċerka friska li ħarġet mill-Ingilterra tgħid li l-ikel flimkien filgħaxija jgħin biex jipprevjeni l-anoressija fit-tfajliet addoloxxenti.”
Il-kelma għira tibda trembel f’moħħi. Meta tpoġġiha fuq il-miżien li jkejjel ir-relazzjoni ta’ koppja x’piż ghandha fir-relazzjoni?
Jibda biex jispjegali li din ġejja kollha minn nuqqas ta’ sigurtà li jkollu l-individwu. Iżda madankollu, xorta għandha rwol importanti.
“Meta jiġu koppji jgħiduli kont nafdaha mija fil-mija, inħares lejhom u ngħidilhom li dak ifisser li kienu qed jieħdu l-persuna l-oħra for granted. Fi żmien fejn in-nies saru joħorġu iktar u jiltaqgħu ma’ nies differenti hu aktar faċli li ssib lil xi ħadd aħjar u titlaq,” jgħidli b’ton sod.
Minħabba li l-istatistika turi li s-separazzjonijiet qed jiżdiedu nittanta nistaqsih x’jaħseb fuq il-korsijiet ta’ qabel iż-żwieġ. Mir-rispons li għandu bħala terapista n-nies jaħsbu li mhumiex effettivi. “L-ebda kors fis-suq ma jippreparak kif issuq il-karozza biżżejjed biex imbagħad tmur fir-realtà ta’ kuljum. Ħadd ma jista’ jgħidlek il-futur kif se jkun. Il-kors hu l-ħajja nnifisha. Trid tintefa’ fil-baħar u tgħum.
“Il-problema hi li matul iż-żwieġ ma teżistix edukazzjoni kontinwa dwar iż-żwieġ fuq livell nazzjonali,” jisħaq Azzopardi.
Imma jekk koppja tgħix flimkien qabel tiżżewweġ tgħin biex jonqsu l-problemi wara?
Ir-risposta tiegħu tissorprendini xi ftit. “Hi problema serja. Ir-riċerka tgħid li min jiżżewwġ wara li jkun ikkoabita għandu ċans akbar li jissepara. Imma din hi deċiżjoni personali ħafna.”
Qabel ma nitlaq nieħu spunt mid-deċiżjoni riċenti tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem li qalet li koppji gay ma jistgħux ikunu diskriminati kontra jekk ikunu jridu jaddottaw it-tfal. Nistaqsi lil Azzopardi jekk relazzjoni gay tistax taffettwa ħażin lit-tfal.
Jgħidli li każijiet bħal dawn jara bil-bosta u jammetti li r-reazzjonijiet tat-tfal jistgħu jkunu varji. Jagħmilha ċara li “t-tfal mhux se jsiru gay għax trabbew ma’ nies gay.”
Imma jgħid ukoll li xi wħud mit-tfal, għalkemm mal-genituri tagħhom li jkunu gay juru li m’għandhomx problema bir-relazzjoni tal-ġenituri, miegħu jqerru li xi kultant ikollhom ċertu diżgust.
It-terapista jippreċiża li għalkemm din ir-relazzjoni tista’ taffettwa lit-tfal ma jfissirx li se tħalli marki fuq ħajjithom li ma jmorrux.
“Imma mhemmx ċirkostanzi agħar fil-familja fejn wieħed ikun gay jew lesbjana u jibqa’ fil-familja bilfors minħabba pressjonijiet soċjali jew biża’. Għat-tfal din tkun iktar devastanti għax ħafna drabi jsiru jafu xorta waħda mingħand in-nies.” |
|
Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|