MediaToday

Il Punt - Edward Fenech| 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65

Lil min taqbad temmen?

F’dawn l-aħħar snin il-poplu dara jirċievi informazzjoni vasta fuq l-ekonomija f’diversi forom u minn diversi mezzi tal-media li zmien ilu ma kinux disponibbli. Ċertament dan l-iżvilupp hu pożittiv għax il-Maltin u l-Għawdxin saru ħafna iktar infurmati fuq l-ekonomija u l-politiċi iridu jagħmlu sforz ħafna iktar serju biex jirbħu l-appoġġ ta’ poplu li issa hu iktar sofistikat fil-ġudizzju u l-għarfien ekonomiku tiegħu.
Madankollu spiss in-nies iħossuhom konfużi għax l-informazzjoni fuq l-ekonomija tiġi interpretata, partikolarment mill-klassi politika, b’mod li iktar joħloq mistoqsijiet milli tweġibiet. In-Nazzjonalisti u l-Laburisti jispiċċaw ipinġu stampi polarizzati fuq l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna għal raġunijiet partiġġani u elettorali.
Il-poplu jispiċċa jitħawwad u ma’ jafx lil min jaqbad jemmen.
Alternattiva Demokratika f’dan ir-rigward tinsab f’pożizzjoni pjuttost privileġġata għax ma’ ninqabdux fin-nassa tal-partiġġaniżmu koċċut u opportunist.
Bħala kelliem tal-partit għall-ekonomija spiss nikkritika liż-żewġ partiti l-kbar imma xejn ma’ nsibha diffiċli nfaħħarhom meta naqbel mal-ħsieb jew il-proposti tagħhom.
Hemm bżonn li n-nies jkunu jistgħu jifhmu iktar l-andament ta’ l-ekonomija tagħna. Dan l-aħħar, ċifri ta’ l-Eurostat tefgħu dell twil u skur fuq stqarrija magħmulha mill-Prim Ministru li fl-2007 l-ekonomija tagħna kibret b’erbgħa fil-mija. Waqt li l-Eurostat ikkonfermat li fl-ewwel sitt xhur l-ekonomija kibret b’erbgħa fil mija stqarret li bejn Lulju u Settembru l-ekonomija kibret b’0.1% biss! Din l-istqarrija hi ta’ natura serja speċjalment meta wieħed iqis li dawn huma x-xhur tas-sajf fejn wieħed kien jistenna titjib fl-ekonomija biż-żieda li kellna fit-turiżmu.
Din il-ġimgħa stess il-Professur Joe Falzon ippreżenta rapport tekniku lill-GRTU li wkoll juri li l-ekonomija aktarx mhix tikber bir-ritmu li l-Gvern qed jiftaħar bih. Naturalment l-Oppożizzjoni Laburista għamlet festin minn dan id-dokument. Iktar moħħhom biex jattakkaw lill-Gvern milli jippruvaw jifhmu x’qed jiġri fl-ekonomija. L-interess tal-partit tiegħi hu li nifhmu eżattament x’qed jiġri biex imbagħad inkunu nistgħu nagħmlu kummenti u proposti b’responsabbiltà.
Hemm bżonn li l-Maltin u l-Għawdxin ikollhom sors ta’ min jafda fih minn fejn jistgħu jifhmu l-andament ta’ l-ekonomija. Ċertament il-klassi politika eletta mhix kapaċi għal dan – anzi falliet bil-kbir.
Ma’ nemminx li l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika jista’ jaqdi din il-funzjoni għax effetivament hu dipartiment tal-gvern u għalhekk ma’ jistax igawdi minn fiduċja wiesgħa tal-poplu.
Għaldaqstant AD qed tipproponi li l-Bank Ċentrali, li igawdi indipendenza istituzzjonali wiesgħa, jingħata rwol iktar pubbliku u li jkun hu li jinforma lill-poplu fuq l-andament ekonomiku. Fil-proċess ta’ l-adozzjoni ta’ l-ewro s-serjetà u l-indipendenza politika li wera l-Bank Ċentrali kienu eżemplari u llum il-Bank Ċentrali igawdi minn fiduċja qawwija.
Iktar minn hekk, issa li addottajna l-ewro l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali għandu post permanenti fuq il-bord tal-Bank Ċentrali Ewropew u se jkollu informazzjoni diretta dwar l-iżvilupp ekonomiku u jipparteċipa fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.
B’mod speċifiku qed nipproponu li l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ kull xahar jidher quddiem Kumitat Parlamentari u jagħti l-fehma tiegħu fuq l-ekonomija.
Qed nissuġerixxu wkoll li dawn is-seduti jkunu mxandra fuq il-mezzi tax-xandir biex min hu interessat jkun jista’ jisma’ l-opinjoni tal-Gvernatur.
Dak li qed nipproponu hu mibni fuq il-mudell Amerikan fejn il-gvernatur tal- Federal Reserve ta’ kull xhar jagħti xiehda quddiem kumitat tal-Kungress. Dawn is-sessjonijiet iservu wkoll biex il-Kumitat Parlamentari jkun jista’ jistaqsi mistoqsijiet lill-Gvernatur. Fl-opinjoni tagħna din il-prattika hi waħda li tlaqqa’ b’suċċess id-demokrazija parlamentari u t-teknokrazija affidabbli.
Jekk ma’ nersqux għal din il-prattika se nibqgħu nisimgħu ħrejjef u spin politiku mill-gvern Nazzjonalista u l-Oppożizzjoni Laburista li iktar iservu biex jippolarizzaw il-pajjiż milli jinfurmawh.
Bejn l-opinjoni ewforika ta’ NET TV u l-veduta ta’ katastrofu ta’ One TV, verament m’hemmx x’tagħżel. L-opinjoni tal-Gvernatur ta’ min joqgħod fuqha. Jekk l-Alternattiva Demokratika tkun parti mill-gvern li jmiss se naħdmu biex din il-proposta tintlaqa’ mhux biss mill-gvern ta’ koalizzjoni imma mill-parlament kollu.
Il-Maltin jixirqilhom aħjar.

Edward Fenech hu l-Kelliem dwar l-Ekonomija u l-Finanzi ta’ Alternattiva Demokratika

Intervista
Il-familja, iż-żwieġ u koppji gay

Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja


Editorijal

Fil-kju ħalli nistennew...


Il Punt
Lil min taqbad temmen?
Edward Fenech

TONI ABELA
Il-karru tal-Karnival tiegħi


Emmanuel Micallef
Il-biża' tal-Partiti


Carmelo Mifsud Bonnici

L-intolleranza intellettwali



X'kien Jgħid
Bravu Ċirillu



Wenzu Mintoff

Ex-voto
F'Għawdex għandi l-għeruq tiegħi. Għalhekk ukoll imma mhux biss lil Għawdex ma nistax ħlief infaħħru u bl-ebda mod ma nista' nmaqdru. Tista' taħseb kelli bużnannu kunjomu Mintoff ġej mill-Għasri , bużnannu ieħor kunjomu Refalo ġej mix-Xagħra u n-nannu Chetcuti ta' Ħaż-Żabbar li miet ix-Xewkija fi żmien il-gwerra.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075