Editorjal | 27 ta’ Jannar 2008 Nr 65
‘Fil-kju, ħalli ninqdew, l-onorevoli nistennew, fil-kju.’
Din hi strofa mid-diska Fil-Kju, li kienet instemgħet għall-ewwel darba fil-programm satiriku Aħna Aħna jew m’Aħniex li kien ixxandar fuq TVM fl-aħħar tat-Tmeninijiet.
B’mod satiriku d-diska kienet ritratt ta’ kif kienu jiġru l-affarijiet fit-Tmeninijiet fejn in-nies kienet tistenna fil-kju għand il-Ministru biex tingħata linja tat-telefon, takkwista televixin tal-kulur u permessi oħra.
Iż-żminijiet inbidlu u m’għadx hawn sitwazzjoni redikola fejn kull permess jew servizz bażiku jiddependi mill-Ministru.
Madankollu x-xeni li rajna l-bieraħ fil-Belt tan-nies jistennew għal sigħat sħaħ biex jingħataw l-internet bil-prezz ta’ €3 fix-xahar qanqlu tbissima fuq fomm dawk li jiftakru l-kjuwijiet tat-Tmeninijiet.
Nibqgħu nsostnu li l-politika li addotta l-Gvern biex iżid l-użu tal-broadband internet fost il-familji mhix imsejsa fuq prinċipji sodi ta’ governanza tajba u ġustizzja soċjali.
Flus pubbliċi se jintefqu fuq eżerċizzju ta’ sena waħda biss li mhux bilfors se jilħaq lil min vera hu żvantaġġat.
Jekk l-intenzjoni tal-Gvern kienet dik li jżid l-użu tal-broadband għax Malta ma titqabbilx tajjeb ma’ pajjiżi oħra Ewropej allura seta’ jagħmel pressjoni fuq l-operaturi privati biex iraħħsu l-prezzijiet ħalli jintlaħqu minn fierxa iktar wiesa’ tas-soċjetà. Wara kollox ir-regolatur ilu jisħaq li l-prezz għall-konsumatur għadu għoli wisq.
Jekk il-Gvern ħass li kellu jissussidja l-internet għal xi ħadd, allura dan is-sussidju missu kien indirizzat lejn kategoriji speċifiċi ta’ nies li ma jifilħux iħallsu.
Żgur li l-prinċipju ta’ min jilħaq l-ewwel (first come first served) mhuwiex l-aħjar mod kif titħaddem il-ġustizzja soċjali. F’att ta’ ġenerożità elettorali, probabbilment il-Gvern jiddeċiedi li jissusidja lil kulmin ilbieraħ mar fil-kju anki jekk l-ammont ta’ nies jaqbeż il-mira ta’ 5,000.
Dan mhux mod ġdid ta’ kif issir il-politika imma mod antik ħafna fejn il-politiku juża flus pubbliċi bħala karrotta elettorali.
Sadanittant nistennew li wara jintemm l-eżerċizzju l-Gvern jippubblika lista awditjata ta’ ismijiet ta’ dawk kollha li se jibbenefikaw mis-servizz u fejn joqogħdu.
L-imblokk tal-fruntieri li qed jagħmel Iżrael kontra l-istrixxa ta’ Gaza u l-qtugħ fl-elettriku biex jipprova jżomm lill-Palestinjani li jgħixu hemm f’iżolament sħiħ huma inġusti għall-aħħar. Din il-politika qed issawwat komunità sħiħa minħabba l-aġir ta’ ftit terroristi.
Iżrael qed jaġixxi bħal dak l-għalliem li għax ma jafx liema student għamel il-ħażin iwaħħal lill-klassi kollha wara l-ħin ta’ l-iskola. Dan il-kastig kollettiv mingħajr ġustifikazzjoni mhuwiex aċcettabbli fl-iskola aħseb u ara fil-konfront ta’ poplu sħiħ.
Il-politika Iżraeljani saħansitra tfalli fil-prinċipju fundamentali tagħha li tiżgura sigurtà ikbar għall-Israeliti li jgħixu viċin il-fruntiera ta’ Gaza. Imblokk krudili bħal dan iwassal biss għal disprament u tbatija bla bżonn u jkompli jħarrax il-mibegħda bejn iż-żewġ popli.
Nikkundannaw bil-qawwa kollha l-attakki bil-missili li qed jagħmlu l-militanti Palestinjani kontra rħula Lhud tul il-fruntiera ta’ Gaza u li minħabba fihom qed ibatu nies innoċenti. Dawn it-terroristi lanqas m’għandhom għal qalbhom il-kawża tal-poplu Palestinjan li jkollu l-istat indipendenti tiegħu.
Iżda fl-istess ħin l-aġir ta’ Iżrael mhux qed jgħin biex is-sitwazzjoni tmur għall-aħjar u minflok qed jikkastiga l-poplu kollu Palestinjan li jgħix f’Gaza.
|
|
Sabrina Agius tintervista lil Charlie Azzopardi, terapista tal-familja
Editorijal
Il Punt
Edward Fenech
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|