MediaToday

X'kien Jgħid? | 20 ta’ Jannar 2008 Nr 64

Dalwaqt it-tisfira tar-referee!

Kien dak il-mingħul ta’ Domenico Mintoff li darba fettillu jxebbah il-mument meta tissejjaħ l-elezzjoni mal-mument meta r-referee jsaffar is-suffara biex tibda l-logħba. Forsi, kif jgħidu dawk li kienu jilagħbu l-boċċi miegħu, għax Domenico ma kien jistħi xejn jippretendiha ta’ l-arbitru f’taqtiegħa li fiha hu stess ikun kompetitur ewlieni!
Insomma fhimtuni, suffara u mhux suffara, nikkalkula li dalwaqt ikollna l-bidu ta’ l-aħħar ġirja fit-taqtiegħa elettorali: iż-żmien minn meta titħabbar id-data ta’ l-elezzjoni sal-ġurnata meta ssir il-votazzjoni.
Nistħajjel li Lorenzo ħa daqsxejn ir-ruħ wara li nhar it-Tnejn id-dottor Sant għamel waħda minn tiegħu: mar quddiem il-kameras ta’ l-Istampa jitkellem fuq l-operazzjoni li għamel u l-kura li għandu bżonn, meta kien evidenti li għadu magħdur wisq biex jidher quddiem in-nies.
Ma nafx jekk din kenitx sempliċi logħba biex lil Lou Bondì jitneħħielu t-tapit minn taħtu jew jekk il-logħba kellhiex motivazzjonijiet aktar sinistri. Hu x’inhu naħseb li fiċ-ċirkostanzi
tal-problemi ta’ saħħa li sab ma’ wiċċu dottor Sant il-Laburisti għaxxquha. L-ewwel b’ħafna ħabi li qajjem riefnu ta’ suspetti. Imbagħad b’konferenza stampa li fiha dottor Sant in persona spjega dak li messu kien spjegat mill-ispeċjalisti almenu ġimagħtejn qabel.
Sadanittant, il-programm ta’ Bondí sar xorta anki jekk l-argument dwar id-dritt tal-poplu li jkun jaf spiċċa kważi mwarrab fil-ġenb. Wara kollox l-editur żagħżugħ tal-gazzetta Stricklandjana li toħroġ nhar ta’ Ħadd spjega dan l-argument f’sentenza waħda: kienet ċirkostanza fejn id-dritt tal-poplu għall-informazzjoni kien aktar important mid-dritt ta’ dottor Sant għall-privatezza u dan ta’ l-aħħar kellu jkun sagrifikat għall-interess nazzjonali.
Għamel sew Joe Saliba li ma laqax l-istedina biex imur għal dak il-programm. U kieku mar, xi triduh jgħid? Mar il-prużuntuż Harry ta’ l-Alternattiva, li tant deher skomdu u ma jafx x’se jaqbad jgħid, li aħjar baqa’ d-dar jew jara kif se jikseb ftit voti. Jason Micallef ma tantx qata’ figura tajba, almenu għal dawk li ma jarawx l-affarijiet b’mod superfiċjali biss.
Madankollu, l-aktar ħaġa importanti kienet li dottor Sant ikkonferma li allavolja se jkollu jagħmel madwar sitt xhur ta’ kimoterapija, kellu l-parir mediku li matulhom jista’ jaqdi d-doveri tiegħu bħala mexxej ta’ partit waqt kampanja elettorali. Lorenzo naħseb li ħa r-ruħ.
Żgur li mhux se jistenna sitt xhur qabel isaffar is-suffara metaforika għax l-elezzjoni trid issir, kimoterapija u mhux kimoterapija.
Naqtagħha li Lorenzo mhux se jsejjaħ l-elezzjoni għal wara l-Għid u għalhekk din se tissejjaħ dalwaqt, għall-ewwel nofs ta’ Marzu. Naf li ftit ġranet qabel ma dottor Sant għamel dik
id-dikjarazzjoni pubblika kien hawn għidut li mbagħad sfumaw fix-xejn. Imma dik id-dikjarazzjoni pubblika fetħet il-possibbiltà ta’ elezzjoni f’Marzu.
Jibqa’ biss il-konsiderazzjoni importanti dwar kemm hu possibbli li l-Partit Nazzjonalista jirbaħ din l-elezzjoni. Ma nafx x’qed jgħidu s-sondaġġi li Joe Saliba qed jagħmel il-ħin kollu iżda jista’ jkun li t-tentazzjoni li għandu Lorenzo biex isejjaħ elezzjoni llum qabel għada tista’ twasslu għal telfa bid-dottor Sant jirkeb fuq mewġa ta’ simpatija.
Jekk hu hekk, allura Lorenzo u Joe Saliba tassew li jkunu daħlu f’nassa maħsuba bl-aktar mod Machiavellian.
Jekk is-sondaġġi juru li l-Partit Nazzjonalista għadu lura, il-parir ta’ Joe Saliba se jkun li jħallu l-elezzjoni għal wara l-Għid, bil-periklu li minflok timxi ’l quddiem, il-poplolarità tal-PN tmajna!
Imma il-kwistjoni mhix daqstant sempliċi.
Hemm il-konsiderazzjoni dwar x’inhu l-aħjar
għall-pajjiż li jgħid x’jgħid Lorenzo mhux bilfors hu l-aħjar għall-PN.
Il-pajjiż jista’ jgħaddi minn perjodu ta’ inċertezza, li, kif jaf kulħadd, jagħmel aktar deni milli ġid, speċjalment issa li qabad ċertu ritmu
fir-rimonta ekonomika.
Għalhekk naħseb li l-inċertezza meta se ssir l-elezzjoni flimkien ma’ l-inċertezza dwar it-tmexxija tal-Partit Laburista fil-futur se jaqilbu l-miżien favur elezzjoni f’Marzu.
Tkun elezzjoni li fiha l-PN jista’ jipproġetta lil Lorenzo bħala l-unika ħaġa ċerta f’baħar ta’ inċertezzi. Imbagħad ikun biss
ir-riżultat ta’ l-elezzjoni li juri jekk il-maġġoranza tal-poplu tkunx aċċettat dan it-tip ta’ messaġġ u qablet miegħu jew jekk tkunx kunsidratu bħala sempliċi skuża komda biex il-PN jibqa’ fil-Gvern.

Intervista
Għal darb'oħra… Mary

Julia Farrugia tintervista lil Mary Spiteri


Editorijal

Opportuniżmu ‘smart'


Il Punt
Id-dritt li tmur lura d-dar qawwi u sħiħ
Rebecca Gatt

TONI U PEPPI
It-tfal u d-dixxiplina


Emmanuel Micallef
Fejn hi d-differenza?


Carmelo Mifsud Bonnici

Demokrazija jew teknokrazija



X'kien Jgħid
Dalwaqt it-tisfira tar-referee!



Wenzu Mintoff

Mastella


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075