MediaToday

Wenzu Mintoff | 20 ta’ Jannar 2008 Nr 64

Mastella

Matul il-ġimgħa li għaddiet fl-Italja seħħ terremot politiku bir-riżenja tal-Ministru tal-Ġustizzja Clemente Mastella li hu l-mexxej ta’ wieħed mill-partiti ż-żgħar (l-Udeur) li jiffurmaw il-koalizzjoni li tinsab fil-Gvern immexxi minn Romano Prodi.
Mastella rriżenja minn ministru hekk kif sar magħruf li l-mara tiegħu Sandra, li hi wkoll attiva fil-politika Taljana fuq livell reġjonali, inżammet arrestata fid-dar tagħha mill-maġistratura Taljana fuq akkużi ta’ estorsjoni.
Ftit sigħat wara din l-aħbar sar magħruf li anki Clemente Mastella kien qed jiġi indagat mill-maġistratura dwar seba’ reati kriminali in konnessjoni ma’ sistema ta’ pjaċiri, għoti ta’ kuntratti u ħatriet lil ċirku ta’ ħbieb tal-ħbieb li kienu jiffinanzjaw lill-partit tiegħu.
Mastella jallega li l-maġistratura Taljana qed tipprova tkisser lilu u lill-familja tiegħu wara li xi ftit tax-xhur ilu ried jittrasferixxi lill-maġistrat Luigi de Magistris li kien qed jimbarazzah mhux ftit bl-inkjesta li kien qed jagħmel dwar il-mod kif kien iffinanzjat il-partit tal-Udeur.
Mastella għandu passat politiku mill-iktar ikkulurit u varjat. Tant hu hekk li għal bidu kien diriġent tal-Partit Demokristjan Taljan qabel ma sfaxxa f’nofs is-Snin Disgħin.
Kien ukoll ministru fit-tieni gvern taċ-ċentru lemin ta’ Berlusconi u sa ftit tal-ġranet ilu kien ministru tal-gvern ċentru xellugi ta’ Romano Prodi.
Filwaqt li għalissa qed jgħid li se jagħti appoġġ estern mill-Parlament lill-Gvern ta’ Prodi avolja ma jiffurmax parti minnu, Prodi u l-bqija tal-gvern tiegħu se jkunu mdendlin b’xagħra iktar minn qatt qabel.
Fil-fatt hekk kif faqqa’ dan it-terremot, Berlusconi diġà kien f’kuntatt ma’ Mastella bit-telefon u kien solidali miegħu, mhux biss għax anki l-Kavallier Berlusconi jgħid li hu vittma tal-maġistratura Taljana, imma għax sintendi Mastella faċilment jista’ jerġa’ jaqsam ix-xmara politika mix-xellug għal-lemin u jipprovoka elezzjonijiet qabel iż-żmien.
Fl-isfond ta’ dan kollu hemm diversi punti li jistgħu jitqanqlu b’riflessjoni diretta għall-politika f’pajjiżna. Il-maġistratura Taljana hi tabilħaqq istituzzjoni b’saħħitha li tista’ tgħid l-ebda gvern ma jista’ għaliha. Kien bil-ħila tal-kinsa li għamlet il-maġistratura li fl-Italja feġġew fil-beraħ l-iskandli ta’ Tangentopoli u sfaxxat l-ewwel repubblika. Il-maġistratura hi l-uniku istituzzjoni fl-Italja li tiggarantixxi li l-partiti ewlenin ma joqogħdux jiftehmu informalment f’dawk li jissejħu ‘incuci’ u jgħattu l-borom ta’ xulxin minn wara dahar il-poplu.
Filwaqt li jeżisti l-periklu li jitfaċċaw elementi fi ħdan il-maġistratura li jabbużaw mill-poteri kbar li għandhom, f’pajjiż li sa inqas minn 70 sena ilu kien maħkum minn dittatura faxxista, kien inevitabbli li fis-sistema istituzzjonali jkun hemm kontro-bilanċi għall-poteri eżekuttivi tal-Gvern.
Li kieku f’Malta għandna liġijiet u maġistratura b’saħħitha kif hemm fl-Italja, minn jaf kemm–il ministru kien ikollu għalfejn jirriżenja bħal Mastella. Imma li kieku waqa’ u kiser siequ.
Liġijiet u kodiċijiet fuq il-karta dwar
it-trasparenza u l-kontabbiltà fl-amministrazzjoni pubblika għandna kemm trid u saru bir-rimi. Imma meta niġu biex mill-paroli tal-Liġi fuq il-karta ngħaddu għall-fatti konkreti ħalli jkun hawn xi forma ta’ deterrent u kastig effettiv għal min jitħajjar jabbuża, iktar ma jgħaddi ż-żmien, minflok ’il quddiem qed nispiċċaw immorru lura.
Il-maġistratura ta’ pajjiżna minflok issaħħet spiċċat iddgħajfet meta l-maġistrat inkwirenti tneħħilu l-poter li jinvestiga motu proprju mingħajr ma jkun hemm għalfejn ikun rappurtat lilu l-każ mill-Pulizija.
Meta tikkunsidra l-indħil politiku li għadu jeżisti fit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija, hu ferm iktar diffiċli li jiġu investigati kif imiss każijiet ta’ korruzzjoni li jistgħu jimbarazzaw politikament lill-Gvern tal-ġurnata, milli kieku l-maġistrat inkwirenti jaqbad u jinvestiga b’mod indipendenti mill-Korp tal-Pulizija.
Anki l-mod kif f’dawn l-aħħar xhur l-Awditur Intern tal-MEPA tħalla qisu vuċi fid-deżert, mingħajr ma jkollu l-għajnuna li għandu bżonn biex l-Uffiċċju tiegħu jkun tassew effettiv, jindika kemm f’dan il-pajjiż l-affarijiet ħafna drabi jsiru biss għall-parenza u mhux għas-sustanza.
Kellna mbagħad il-gażiba li rnexxilu jidħol fiha Joe Saliba fiż-żmien Santa Marija fis-sajf li għadda. Biex mingħalih joħloq diversiv minn fuq il-kwistjoni imbarazzanti għalih tal-ġita fuq il-jott ta’ Zaren Vassallo, Saliba kien ħareġ għan-nofs jisfida li għandha ssir liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti bi qbil mal-MLP.
Imma ġaladarba l-memorja tiegħu ma tagħtihx daqstant, Saliba malajr tfakkar fil-figura ħażina li kien qata’ l-PN fil-Kummissjoni Galdes. Kien proprju minħabba t-tnikkir tan-Nazzjonalisti li baqa’ ma ntlaħaqx ftehim bejn il-partiti. U għalkemm l-MLP mill-ewwel iddikjara li kien jaqbel li kellhom jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-maġġoranza tal-membri fil-Kummissjoni Galdes, is-Sur Popeye Saliba beda jdoqq l-irtirata.
L-anarkija u l-free for all li jeżistu f’Malta f’dak li għandu x’jaqsam mal-finanzjament tal-partiti joħolqu theddida kbira għad-demokrazija għax kull deċiżjoni misterjuża jew diskutibbli li ttieħdet fis-snin li għaddew, mill-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mlaħħmin u mimlijin gravy sat-traqqigħ u t-tbażwir li sar bl-estensjonjiet taż-żoni għall-iżvilupp tal-bini, sa llum ħadd għadu ma jista’ jivverifika jew jeskludi jekk l-għerq ta’ dan kollu jinsabx proprju fis-sistema korrotta li tippermetti lill-partiti jiġbru kemm jifilħu mingħand il-kuntratturi, anki meta jkun ovvju mill-ammont tal-flus mogħtija li fuq tixħim qed nitħaddtu u mhux donazzjoni bona fede.
Forsi għad ikun il-maġistrat inkwirenti li qed jipproponi l-Partit Laburista li jħoll dawn il-kobob u jsus wara l-Mastelliet ta’ Malta u jġegħilhom jirrispondu ta’ kulma għamlu!
Min m’għandux x’jagħmel jipprova jdaħħal il-flieles f’moħħ in-nies li m’hemmx x’jiddistingwi wisq bejn partit u ieħor f’dawk li huma ideat u politika u għalhekk l-għażla li rridu nagħmlu fl-elezzjoni li jmiss hi kważi kważi kwistjoni ta’ personalitajiet u xejn iktar.
Il-proposti li saru mill-MLP rigward standards ta’ etika fl-amministrazzjoni pubblika, fil-fehma tiegħi, jippruvaw kemm dan mhux minnu. L-għajta Laburista ta’ ‘zero tolerance’ mhix biss slogan elettorali li jista’ jmut fuq ommu f’kemm ili ngħidlek bħalma kien indifen malajr wieħed mill-famużi 20 punt ta’ Eddie, ‘neqirdu l-korruzzjoni bl-għeruq u x-xniexel’.
Maġistrat inkwirenti kontra l-korruzzjoni fuq il-mudell kontinentali, l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Galdes u t-tneħħija tal-preskrizzjoni għal reati li għandhom x’jaqsmu ma’ l-amministrazzjoni pubbliku, altru milli jagħmlu differenza bejn partit u ieħor. Iktar u iktar meta tqis li dawn il-miżuri l-ewwel m’huma se jolqtu u jservu ta’ deterrent proprju fuq min ikun għamilhom għax it-tneħħija tal-preskrizzjoni jew l-estensjoni tagħha ma tistax tkun retroattiva.

Intervista
Għal darb'oħra… Mary

Julia Farrugia tintervista lil Mary Spiteri


Editorijal

Opportuniżmu ‘smart'


Il Punt
Id-dritt li tmur lura d-dar qawwi u sħiħ
Rebecca Gatt

TONI U PEPPI
It-tfal u d-dixxiplina


Emmanuel Micallef
Fejn hi d-differenza?


Carmelo Mifsud Bonnici

Demokrazija jew teknokrazija



X'kien Jgħid
Dalwaqt it-tisfira tar-referee!



Wenzu Mintoff

Mastella


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075