MediaToday

Toni u Peppi| 20 ta’ Jannar 2008 Nr 64

It-tfal u d-dixxiplina

TONI

Waqt li kont ġej lura mix-xogħol bdejt insegwi aħbar interessanti fuq il-BBC. Grupp ta’ ġenituri fl-Istati Uniti għamlu kawża kontra istituzzjoni ta’ l-Istat fejn jinżammu tfal problematiċi u li l-għemil tagħhom hu anti-soċjali.
Lil dawn it-tfal iwaħħlulhom magħhom apparat imsejjaħ back pack li jagħti xokk mal-ġisem kollu hekk kif tifel jew tifla ma jġibx ruħu sew. L-għalliema qalu li x-xokk kien wieħed żgħir, mhux aktar qawwi minn tingiża ta’ naħla.
Il-ġenituri li għamlu din il-kawża argumentaw li dan it-trattament kien wieħed li joqrob lejn it-tortura. Iżda kien hemm ukoll ġenituri oħrajn li jsostnu li t-tfal tagħhom tjiebu bl-imġiba kemm kienu ilhom jattendu din l-istituzzjoni. Fi ftit kliem l-opinjoni hi maqsuma.
In-nuqqas ta’ dixxiplina billi t-tfal jieħdu dak li jridu meta jridu jew jagħmlu li jridu u kif iridu, żgur li hi ħaġa ħażina. Min-naħa l-oħra li nużaw id-dixxiplina biex nieħdu dak li rridu jew inwasslu fejn irridu lit-tfal hi wkoll ħaġa ħażina.
Fi żminijiet meta d-dinja saret ħafna aktar liberali u ħafna aktar sensittiva għad-dinjità tal-bniedem id-dixxiplina fiżika u korporali fuq it-tfal kif konna nafuha sa ftit żmien ilu għamlet żmienha. Iżda mingħajr tlaqliq ma niddejjaqx ngħid li għandu jkun hemm sistema li mingħajr ma nidhru dgħajfa rridu fl-istess ħin inkunu sodi mal-ġenerazzjoni ta’ għada.
Ngħid għalija ninkwieta ħafna meta nisma’ stqarrijiet tal-MUT dwar x’qiegħed jiġri fl-iskejjel tagħna. Ċifri dwar kemm għalliema qegħdin jispiċċaw mill-impjieg tagħhom għax taqbadhom dipressjoni peress li ma jistgħux, lanqas kieku jridu, iżommu d-dixxiplina fil-klassi tagħhom.
Taqbadni diqa meta nisma’ li għalliem qala’ xebgħa papali mingħand xi ġenitur għax skond dan ta’ l-aħħar, l-għalliem refa’ jdejh fuq ibnu. Il-fatt li llum hemm nuqqas kbir ta’ għalliema rgiel hemm xi ħaġa ħażina li qiegħda tbiegħed lil dawn mill-iskejjel tagħna.
Minbarra dan, is-sensazzjoni li llum bilkemm tista’ tħares bl-ikreh lejn student qiegħda twassal ukoll għal ħafna bullying fl-iskejjel tagħna, fejn dawk it-tfal l-aktar timidi qegħdin jispiċċaw vittmi ta’ dawk it-tfal l-aktar arroganti.
Kull argument li jaħraq għandu żewġ skejjel kbar ta’ ħsieb. Hemm dawk li sa llum għadhom jemmnu li dixxiplina assoluta hi l-aħħar mediċina biex tipproduċi ġenerazzjoni b’saħħitha.
Hemm oħrajn li jemmnu, li dixxiplina assoluta, speċjalment dik korporali, mhux biss hi inumana iżda toħloq effett il-kuntrarju għax tipproduċi ġenerazzjoni li tirribella kontra s-sistema. Din il-qasma tirrifletti ruħha anke fil-politika ġenerali ta’ pajjiż. Fit-Tuneżija 70 fil-mija ta’ l-iskejjel jippermettu dixxiplina stretta u anke korporali filwaqt li fil-Kanada 70 fil-mija ta’ l-iskejjel ma jippermettuhiex.
Jien nemmen li tibqa’ d-deċiżjoni finali tal-ġenituri li jiddeċiedu x’tip ta’ dixxiplina għandu jkun hemm fuq it-tfal tagħhom, mhux biss meta jkunu fil-preżenza tagħhom iżda anke meta ma jkunux, bħal pereżempju meta jkunu fl-iskola.
Fi ftit kliem l-awtorità tal-mod kif għandhom jiġu ddixxiplinati uliedhom fl-assenza tagħhom, għandha tingħata minnhom. Bħalmeta nitolbu l-kunsens tal-ġenituri biex jidhru uliedhom f’xi stampat jew filmat, għandu jkun hemm ukoll il-kunsens tagħhom bil-miktub dwar il-mod kif jiġu dixxiplinati fl-iskejjel. L-għażla tkun tal-ġenitur, li jrid iżomm f’moħħu li flimkien mat-tfal tagħhom hemm tfal oħrajn li wkoll għandhom id-dritt li jitgħallmu fis-serenità u li ma jiġux ittrattati ħażin minn tfal oħrajn.
Minkejja l-ħafna riżoluzzjonijiet, aġenziji kontra aġenziji u fora li jsiru fuq dan is-suġġett, ma nħossx li f’pajjiżna għamilna dak il-progress li ħafna drabi nagħtu l-impressjoni li għamilna. Dan qiegħed ngħidu għax mhux biżżejjed li niddiskutu. Irridu qabel kollox nipprovdu l-għodda li tixraq lil min irid jishar fuq uliedna. Dan rajnieh dan l-aħħar meta tifla ta’ 13-il sena spiċċat b’kundanna ta’ sebat ijiem ħabs proprju għax il-Maġistrat ma kellux l-għodda meħtieġa biex jipprovdi għal kastig aktar uman. Din ix-xorta ta’ frustrazzjoni istituzzjonali ħassitha wkoll l-eks Kummissarju tat-Tfal Sonia Camilleri meta spiċċat minn din il-kariga.
Bħalma jiġri dejjem f’pajjiżna nibdew nagħtu kas il-pazjent meta kmieni fil-għodu l-infermier isibu mejjet fis-sodda. Hekk ġara fil-kas ta’ din it-tifla ta’ 13-il sena. Jien ngħid li l-liġijiet jipprovdu alternattivi oħrajn ta’ kastigi iżda li rridu naraw hu jekk tassew dawn jistgħux jingħataw.
L-Att dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ jipprovdi li meta piena karċerarja ma tkunx xierqa fiċ-ċirkustanzi l-Qorti tista’ tagħti ordni li bih tifel jitqiegħed taħt il-ħarsien tal-Ministru anke sa żmien ħames snin. Dan jitqiegħed f’dak li jissejjaħ alloġġ. Iżda l-istat għadu sa llum ma pprovdiex b’mod omoġeneju għal din ix-xorta ta’ alloġġ.
Fl-2003 daħħalna l-Att Dwar il-Kummissarju tat-Tfal, li fost affarijiet oħra jelenka bħala wieħed mid-dmirijiet tal-Kummissarju ‘li t-tfal għandhom jiġu trattati b’dinjità, rispett u sens ta’ ġustizzja’. Imbagħad insibu li l-Gvern juri ċerta xeħħa ta’ nfiq mal-Kummissarju u ma jipprovdix l-għodda meħtieġa biex dan l-għan jintlaħaq. Kultant naħseb li ċerti liġijiet isiru biss għad-dehra u biex nidhru aktar moderni u sbieħ.
Għad m’għamilniex liġijiet serji biex jiddistingwu b’mod ċar bejn aġir u aġir ta’ tfal. Sa llum qisna m’għarafniex li hemm diżordni fit-tfal li kawża tagħhom tkun soċjali u ġieli anke ekonomika filwaqt li f’oħrajn tkun waħda dipressiva u anke konġenitali.
Fil-mument tad-deċizjoni nittrattawhom bl-istess mod bħal li kieku l-effett kien imnissel mill-istess kawża. Biex nagħmlu dan irridu nagħmlu anqas enfasi fuq il-forma u nimpenjaw lilna nfusna aktar fuq is-sustanza ta’ kif se nimplimentaw l-aħjar soluzzjonijiet.
Ir-riżors uman ta’ nies kwalifikati f’dan il-qasam illum jeżisti. Li għandu jkun hemm hu, il-priorità li jrid jagħti l-politiku lil din il-problema, li ħlief għal pompi u ċerimonji, illum din ma teżistix. Flusna rridu npoġġuhom fejn tassew hemm bżonnhom.
Fl-aħħarnett hemm punt li dejjem weġġagħni daqslikieku għandi żrara f’għajnejja. Xi kultant ninsew li hemm anke ommijiet il-ħabs. L-akbar kastig għal kull omm u tfal hu dak li jkunu mifrudin minn xulxin. Ta’ spiss nisimgħu bi proposti bħal day care centres u kindergartens fuq il-post tax-xogħol fejn jaħdmu ħafna ommijiet.
L-argument li jidher hu biex l-omm u t-tfal ma jinfirdux. L-argument veru u li ma jidhirx hu biex in-nisa joħorġu jaħdmu u ma tintilifx il-produttività. Għaliex nistaqsi jiena, m’għandniex naħsbu f’sistema li ma jiġux ikkastigati t-tfal meta tiġi kkastigata l-omm? Għaliex m’għandux ikun hemm faċilità korrettiva ħafna aktar umana mhux biss għal tfal li jkunu taħt kundanna iżda anke għall-ommijiet? Dan biex ikunu jistgħu flimkien ma’ uliedhom jgħixu ħajja kemm jista’ jkun aktar dinjituża. It-telfien tal-ħelsien ma jġibx miegħu it-telfien tad-dinjità umana.
Iżda bħas-soltu, it-tweġiba dejjem tkun, li mhemmx flus biżżejjed!

PEPPI

Tifla ta’ 13-il sena tintbagħat il-ħabs. Xokk. Erġajt qrajtha għax ma ridtx nemmen. Staqsejt lil xi ħadd li beda jiskanta ħdejja għalfejn sfart kif qrajtha. Staqsejtu‘Għidli, għaliex marret il-ħabs?”
Kien se jibda jispjegali x’għamlet. Waqqaftu. Ftehimna ħażin. Għaliex spiċċat il-ħabs? X’se tieħu din it-tifla issa li spiċċat il-ħabs? X’se tieħu s-soċjetà?
Għax għalija din mistoqsija importanti. Għala bagħatna lil din it-tifla l-ħabs? Hawn xi ħadd se jgħidli li bagħtniha l-ħabs biex tirriforma? Nidħaq jew nibki?
Tifla ta’ 13-il sena biex tirriforma. Bgħatnieha l-ħabs bħala kastig. Biex tpatti għal dak li tkun għamlet. Biex inwaqqgħuha għaċ-ċajt ħalli tifhem kemm dak li għamlet, aħna l-verġni u l-puri, inqisuh ħażin. Biex titgħallem. Biex tieħu lezzjoni. Bgħatnieha l-ħabs biex ma terġax.
Il-kastig. Konvint li l-kastig ma jwassalx għad-dixxiplina. Il-kastig inissel biża’. Aħna nibżgħu mill-kastig. Nevitaw li nagħmlu xi ħaġa għax nibżgħu li ninqabdu u nieħdu l-kastig. Ifisser li jekk naħsbu li ma ninqabdux il-kastig ma jkollu l-ebda effett. Ħafna li pereżempju jisirqu jkunu konvinti li mhux se jinqabdu. Għax kieku ma jagħmilx sens li tisraq. Għax jekk tinqabad tiġik iz-zalza ogħla mill-ħuta. Il-kastig jieħu post ir-raġuni.
Minn ċkunithom it-tfal jibżgħu ma jobdux minħabba l-kastig. Jagħmlu l-homework għax iżommuhom wara l-iskola, imorru bl-uniformi għax inkella jinżammu ġewwa fil-break. Il-kastig hu t-triq il-qasira li permezz tagħha mingħalina qed inpoġġu lil uliedna f’posthom. M’għadx għandna l-ħin inpoġġu ma’ uliedna u nfehmuhom li l-uniformi teżisti mqar għax mhux kulħadd jista’ jkollu ħwejjeġ tad-ditta u allura l-iskola jkollna lil kulħadd indaqs. M’għandniex ċans nispjegaw. Obdi għax jekk le tieħu kastig.
Ara ma nidħqux bina nfusna u naħsbu li t-tfal saru anqas dixxiplinati. Jew li t-tfal jagħmlu li jridu għax ma nagħtuhomx biżżejjed kastigi. M’għandhomx dixxiplina għax m’għandniex ċans magħhom. Għax ma nitkellmux biżżejjed magħhom. Għax ma nuruhomx għaliex dik aħjar tagħmilha hekk jew mhux hekk. Għax tlifna l-paċenzja li forsi qatt ma kellna.
Lanqas irrid nirromantiċizza x’kien jiġri fi żmieni għax konna ħafna agħar. Niftakarni ma nlissinx kelma għax ‘mhux suppost nitkellem meta qed jitkellmu l-kbar’. Meta nisma’ min jgħid ‘jiena għadni sa llum nitwerwer minn missieri jew b’ħarsa wkoll nitwerwer’, ma nifhimx. Dik dixxiplina? U meta missierek ma jkunx hemm biex iħares bl-ikrah taqleb id-dinja?
Hawn min saħansitra jgħid li lit-tfal fissidnihom wisq u jekk ifettillek tfajjar xi daqqa lit-tifel f’wiċċu malajr jheddek li se jċempel 179. Għaliex? Sewwa jagħmel. Dik dixxiplina jew taħriġ ta’ kif għandhom iġibu ruħhom ma’ sħabhom li jqabbżuhilhom? Mhux hekk se jagħmel meta jikber u tqabbiżhielu l-mara?
Hawn uħud mill-għalliema li jinsistu li l-iskejjel għandhom iżidu l-kastigi mingħajr ma jindunaw li t-tfal jiddejqu waqt il-lezzjoni għax huma boring u ma jissaportuhomx. Uħud mill-għalliema ma jippreparaw xejn u jaħsbu li t-tfal twieldu biex joqogħdu ċassi jisimgħuhom jirrepetu dak li jkunu ilhom jirrepetu għal ħafna snin. Meta l-għalliema jgergru li t-tfal ‘ma jridux joqogħdu’, huma bla dixxiplina, għandhom imqar jistaqsu jekk għandhomx ibiddlu b’mod radikali l-mod kif jippruvaw jgħallmu.
U meta tfajna lit-tifla ta’ 13-il sena fil-ħabs forsi insejna li din it-tifla hi prodott tagħna. Forsi bgħatnieha l-ħabs biex ma tibqax quddiemna tfakkarna xi stajna għamilna biex it-tfal ikunu iżjed kuntenti bogħod minn kull kastig.

Intervista
Għal darb'oħra… Mary

Julia Farrugia tintervista lil Mary Spiteri


Editorijal

Opportuniżmu ‘smart'


Il Punt
Id-dritt li tmur lura d-dar qawwi u sħiħ
Rebecca Gatt

TONI U PEPPI
It-tfal u d-dixxiplina


Emmanuel Micallef
Fejn hi d-differenza?


Carmelo Mifsud Bonnici

Demokrazija jew teknokrazija



X'kien Jgħid
Dalwaqt it-tisfira tar-referee!



Wenzu Mintoff

Mastella


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075