Aħbarijiet | 20 ta’ Jannar 2008 Nr 64
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
Madwar 40 xufier li bħal bieraħ ġimgħa kienu assenjati ma’ dinjitarji differenti bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali tad-dħul ta’ Malta fil-munita ewro lmentaw ma’ din il-gazzetta dwar il-mod ħażin li kienu trattati bih mill-awtoritajiet.
Filwaqt li kmieni wara nofsinhar il-ħaddiema kollha kienu ipprovduti b’ikel b’xejn taħt tinda għal ta’ l-apposta fil-Palazz Verdala, għal xi raġuni xi ħadd ħa deċiżjoni biex ix-xufiera ma jkunux stmati bl-istess mod.
Numru ta’ ħaddiema li tkellmu magħna ikkonfermaw li meta marru fil-kju għall-ikel il-ħaddiema tal-catering infurmawhom li ma kinux awtorizzati jagħtuhom ikel.
Meta baqgħu jaraw li qed jirrifjutaw li jagħtuhom ikel bħal ħaddieħor numru ta’ xufiera ddeċidew li joħorġu mill-Palazz Verdala u jmorru jixtru xi ħaġa ta’ l-ikel minn x’imkien. Madankollu malli saret magħrufa din ix-xewqa tax-xufiera xi ħadd ħa azzjoni u mblokka l-ħruġ tal-ħaddiema.
“F’ħin minnhom għalqulna l-gate bis-suldati u ma tħallejniex noħorġu nixtru,” sostna xufier minnhom.
“Aħna ma nistgħux nifhmu għal liema raġun konna trattati daqslikieku ħaddiema tat-tielet klassi. Wara kollox ma jagħmilx sens li tħalli xufier għal numru twil ta’ sigħat bla ikel. X’jiġri li kieku xufier iħossu ħażin waqt is-sewqan meta fil-karozzi tagħna kellna r-responsabbiltà li nġorru nies oħra, fosthom dinjitarji?” argumenta ma’ din il-gazzetta xufier ieħor.
Wieħed mix-xufiera sostna li ċertu Ray Baldacchino qalilhom li “l-ordni ġiet minn Alan Camilleri.”
Camilleri, li hu d-Direttur Eżekuttiv tal-Kumitat Nazzjonali għal-Bidla għall-Ewro, ammetta ma’ Illum li bħal bieraħ ġimgħa hu sema’ wkoll b’din il-problema.
“Dakinhar x’ħin irċevejt telefonata u qaluli bil-problema għidtilhom biex ix-xufiera jitħallew jieklu fit-tinda wkoll bħall-ħaddiema l-oħra. Safejn naf jien tħallew jieklu hemm.
Ix-xufier li kelli jien tħalla jiekol,” kompla Camilleri.
Madankollu Illum tista’ tikkonferma li fir-realtà x-xufiera li kienu bl-uniformi xorta waħda tħallew mingħajr ikel.
X’ħin il-ħaddiema heddew li bi protesta ma kinux se jsuqu l-vetturi tagħhom ingħataw permess biex xi ħadd
mill-kumpanija li tħaddimhom imur il-Palazz tal-Verdala u joħdilhom l-ikel fuq il-post.
“Aħna kilna għax ġabulna l-ikel ta’ Meli Garage u ta’ John’s Garage,” ikkonfermaw il-ħaddiema.
Uffiċjali miż-żewġ kumpaniji li ma xtaqux li isimhom jixxandar ikkonfermaw li ħadu ikel huma fuq il-post. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Mary Spiteri
Editorijal
Il Punt
Rebecca Gatt
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|