Aħbarijiet | 20 ta’ Jannar 2008 Nr 64
F’dawn l-aħħar sentejn fil-viċinanzi ta’ Birżebbuġa twieldet komunità ta’ immigranti li qed tgħix taħt it-tined. SABRINA AGIUS riedet tkun taf x’relazzjoni għandhom din il-komunità u dik ta’ Birżebbuġa
Birżebbuġa hi sinonima mal-Freeport, ma’ Borg in-Nadur u Għar Dalam. Iżda f’dawn l-aħħar sentejn il-post sar ħaġa waħda wkoll mal-fenomenu ta’ l-immigrazzjoni.
Ftit ’il bogħod mil-lokal f’Ħal Far twieldet komunità ta’ immigranti li fil-parti l-kbira tagħha tgħix taħt it-tined. Il-persuni li jgħixu f’dan iċ-ċentru miftuħ jaqdu l-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum mir-raħal ta’ Birżebbuġa.
Qattajt jumejn f’Birżebbuġa, indur
mal-lokalità f’ħinijiet differenti tal-ġurnata, nitkellem man-nies u ma’ tal-ħwienet. Minn dak li kont smajt ħsibtni li se nsib ‘invażjoni’ ta’ immigranti. Ma kienx il-każ. Iltqajt ma’ waħdiet ’l hemm u ’l hawn, l-istess bħalma ltqajt ma’ ħaddiema Ċiniżi u nies ta’ pajjiżi oħra.
L-immigranti jew ir-refuġjati li jgħixu f’Birżebbuġa u l-madwar jispikkaw l-iktar minħabba l-kulur skur tal-ġilda. Dan il-fatt għandu wkoll implikazzjonijiet fuq id-diskors ta’ wħud mill-Maltin li donnhom biex jenfasizzaw id-differenzi bejn ‘aħna’ u ‘huma’ jirreferu għall-immigranti bħala “blackies.”
Ma smajtx kummenti simili fuq ir-Russi, il-Bulgari jew nies oħra mil-Lvant ta’ l-Ewropa li jgħixu fostna. “Għax dawk bojod bħalna,” kien ir-raġunament ta’ raġel li tkellimt miegħu.
Iżda għan-nies, indipendentement mill-kulur tal-ġilda, immigrant li jkun ġie f’pajjiżna mingħajr permess u bla passaport jibqa’ immigrant. Dan kien punt li saħqu fuqu ħafna mir-residenti ta’ Birżebbuġa, forsi għax jinkwetahom il-fatt li barrani jista’ jeħdilhom xogħolhom għax jitħallas inqas u jaċċetta kundizzjonijiet li ħaddiem Malti żgur mhux se joqgħod għalihom.
Anki jekk ma’ kulmin tkellimt il-kulur
tal-ġilda mhux il-problema fiha nnifisha, kemm dan hu fattur kredibbli hi xi ħaġa oħra.
Sid ħanut tax-xagħar qal li kemm jista’ jkun ma jaċċettax immigranti “speċjalment dawk bil-velu.” Il-biża’ tiegħu hi li jitlef il-klijenti regolari. “Maħmuġin u jintnu u b’hekk
il-klijenti jiddejqu,” sostna l-parrukkier.
Dan kliem li ħasadni anki jekk enfasizza li kieku kienu ‘bojod’ “il-probabbiltà hi li kont nagħmel l-istess.”
Fis-Snin Disgħin Malta kienet esperjenzat ‘invażjoni’ simili min-nies ġejjin mill-eks Jugoslavja u l-Albanija. Meta qajjimt dan il-punt ma’ wħud min-nies l-iskuża tagħhom kienet: “dik kienet sitwazzjoni differenti.”
Jekk tagħsar il-kwistjonijiet, mhemmx differenza bejn il-problemi li kellhom il-‘bojod’ mill-Albanija u d-diffikultajiet li għandhom illum ħafna mis-‘suwed’ mill-Afrika. Skond kriterji internazzjonali kulmin qed jaħrab minn gwerra f’pajjiżu għandu jingħata kenn temporanju.
“Dawk integraw tajjeb mal-Maltin,” qalli sid ta’ ħanut b’referenza għall-immigranti
mill-Jugoslavja.
Spikkaw id-diverġenzi kulturali. Il-Maltin, fil-biċċa l-kbira tagħhom, b’ideat u sterjotipi fuq grupp ta’ nies li fir-realtà ma tantx jafu dwarhom.
“Maħmuġin,” qaltli mara li kienet qed tixtri meta staqsejtha x’idejjaqha l-aktar dwar l-immigranti. Dan hu ħsieb komuni fost in-nies ta’ Birżebbuġa li qajla jafu l-kundizzjonijiet xejn sbieħ li fihom jgħixu l-immigranti taħt it-tined.
Meta staqsejt jekk qattx kellhom l-opportunità li jżuru r-raħal tat-tined f’Ħal Far ħadd qatt ma mar jara b’għajnejh. Imma għal Josephine mhux sew li l-immigranti jgħixu f’dawk il-kundizzjonijiet. “Le, imsieken, ma jogħġobnix li jgħixu f’dawk il-kundizzjonijiet għax jekk jien qed ngħix komda rrid li anki ħaddieħor jgħix komdu,” tgħidli.
B’mod iktar spontanju Angie Zerafa, sid ħanut tal-ħaxix, tifhem li hemm bżonn naraw ukoll il-kundizzjonijiet tagħhom. “Ma naħsibx li għandhom ħafna faċilitajiet,” issostni.
It-taħlit kulturali u l-integrazzjoni bejn popli differenti mhux faċli għax in-nies iridu jaddattaw għall-ħtiġijiet ta’ xulxin. Dak li hu normali f’kultura jista’ ma jkunx aċċettat f’kultura oħra. U hawn jistgħu jinbtu l-problemi.
Negozjanti u nies tat-triq ikkummentaw miegħi dwar dak li ħassew hu nuqqas ta’ edukazzjoni u manjieri mill-immigranti. Fosthom Paul Galea, sid ta’ confectionary. “Hemm 10 fil-mija minnhom li ma tista’ tgħid xejn dwarhom għax tqatta’ u tiekol minnhom. Id-90 fil-mija l-oħra wiċċhom tost u pastażi. U dan jiddispjaċini ngħidu, imma dik hi l-verità.Ġieli nkun qed nagħlaq il-ħanut jew inkun qed naqdi lin-nies u jidħlu mill-bieb jgħajtu biex naqdihom filwaqt li nkun qed naqdi lil ħaddiehor. Hekk mhux sew,” sostna Galea.
M’għandna l-ebda statistika uffiċjali li tipprova dak li qal Galea dwar kemm hemm immigranti ‘mingħajr manjieri’. L-istess bħalma lanqas m’għandna statistika ta’ kemm hemm Maltin li ma jafux iġibu ruħhom sew.
Iżda persuni li spiċċaw fostna ħesrem, mingħajr ħjiel ta’ l-użanzi u l-aspettattivi tal-Maltin, mhux lakemm jintegraw fl-għaġna soċjali tal-pajjiż li qed jilqagħhom jekk ma jsibux lil min jiggwidahom.
Mal-għonq it-triq ltqajt ma’ xi immigranti. Il-kummenti tagħhom jikkuntrastaw
mal-ħsibijiet tal-Maltin.
Żewġ refuġjati li jgħixu f’Birżebbuġa saħansitra tkellmu dwar il-vjolenza hawn Malta li għaddew minnha wħud minn sħabhom.
“Hemm nies li jgħaddu bil-karozza u jgaraw il-ġebel. Darba minnhom kien hemm sieħbi li kien għaddej bir-rota. Għadda xi ħadd bil-karozza, tajru u baqa’ għaddej. Spiċċa kellu jqatta’ xi jiem l-isptar għax kien ferut. Imma min tajru ma tax kas,” qalli refuġjat
mil-Liberja b’ħarsa ta’ diżappunt u dispjaċir.
“Meta mmorru nixtru fil-ħwienet issib min iħarislek bl-ikrah. Imma qisu qed jidrawna bil-mod,” qalli donnu biex ma jpinġix kollox ikrah.
Jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom u forsi din l-attitudni ddarras lil xi Maltin li jippreferu jibqgħu jħarsu lejn l-immigranti bħala “imsieken.”
Angie Zerafa ikkonfermat dan il-ħsieb. “Mhumiex imbeżżgħa minna. Jafu d-drittijiet tagħhom. Jagħtuk dik il-ħarsa ta’ ‘mintiex ħa tgħaddini biż-żmien’,” tgħidli Zerafa filwaqt li ssostni li hekk għandu jkun.
Immigrant ieħor Niġerjan esprima d-diqa tiegħu b’mod mill-iktar profond.
“L-emozzjonijiet tan-nies f’dan il-pajjiż mhux f’wiċċhom qegħdin imma f’qalbhom. Jitbissmulek imma taf li ma togħġobhomx,” qal b’ħarsa li tixhed uġigħ.
Staqsejtu jekk hux ferħan hawn Malta u mingħajr ħsieb ta’ xejn qalli “biex jirnexxilek tissoppravivi f’dan il-pajjiż, Alla jrid iżomm idejh fuqek.”
Bi kliemu tani x’nifhem li aħjar qiegħed f’pajjiżu.
Spikkaw kummenti oħra negattivi, bin-nies ta’ Birżebbuġa jassoċjaw l-immigranti mal-vjolenza, ma’ l-abbuż sesswali u mas-serq.
Josephine, mara li għandha ’l fuq minn 50 sena, qalet li ma tħosshiex komda toħroġ kmieni filgħodu. “Jekk qabel kont noħroġ fil-5am nimxi issa m’għadnix. Naħseb, jew jagħmlu għalik għax ma jkollhomx flus jew inkella dak li ma jagħmlux mal-mara jagħmluh ma’ ħaddieħor.”
Iżda għal Josephine hemm ukoll inkwiet ieħor. “Dawn qed jagħmlu ħafna xogħol tat-tip manwali u b’hekk qed jieħdu post il-Maltin. Imbagħad it-tfal tagħna jispiċċaw bla xogħol u jintefgħu jmorru jieħdu d-droga.”
Ħdejn il-bandli Natasha u l-ħabiba tagħha wkoll kienu ta’ l-istess fehma. “Bilfors li qed jieħdu x-xogħol tal-Maltin għax iħallsuhom bil-ftit,” sostnew.
Il-ħabiba ta’ Natasha uriet ukoll il-biża’ għax skond hi fi żmien il-festa immigranti saħansitra kissru xi karozzi.
Għal Carmen, anzjana minn Birżebbuġa, l-immigranti jirrappreżentaw “invażjoni.”
“Safrattant qed isibu jaħdmu. Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. Qed jinvadu kullimkien. Ma tista’ tmur imkien.”
Persuna oħra wkoll esprimiet il-biża’ li l-immigranti jistgħu “jagħmlulek xi ħaġa.”
“Jien nimxi warajhom bil-mod meta nkun bit-tifla għax nibża’. Qatt ma tista’ tgħid jekk hux se jagħmlulek xi ħaġa.”
Ħafna minn dawn il-kummenti kienu mibnija fuq dak li ħasbu li seta’ ġara u mhux għax jafu lil xi ħadd li għadda minn esperjenzi simili. Forsi huma impressjonijiet frott
in-nuqqas ta’ informazzjoni u l-biża’ ta’ dak li ma tafx dwaru.
Iżda għal Josephine jurtaha l-fatt li l-immigranti huma stmati iktar mill-Gvern:
“Mela dawn jingħataw ċertu flus fil-ġimgħa u saħansitra jagħżlu l-ikel li jridu jieklu. Imbagħad ġuvni bla xogħol irid jiddependi fuq ommu u missieru għax il-Gvern ma jgħinhomx. Jien bħala ċittadina Maltija rrid inkun stmata f’pajjiżi. Dak kollox.”
Din hi r-realtà f’Birżebbuġa: żewġ komunitajiet li spiċċaw jgħixu maġenb xulxin iżda mingħajr ma jafu eżatt kif għandhom jinġiebu ma’ xulxin.
Din hi l-biża’ li twassal għal razziżmu, anki jekk ħadd ma jammetti li hu razzist. Biża’ mibnija fuq in-nuqqas ta’ għarfien, fuq informazzjoni żbaljata u mkebbsa minn xi wħud għal finijiet politiċi.
Iżda hemm oħrajn lesti li jmiddu idejhom biex jilqgħu lill-komunità l-ġdida. Nies li jiddispjaċihom li hemm bnedmin bħalhom jgħixu f’kundizzjonijiet mhux xierqa sempliċiment għax huma immigranti. Forsi l-leħen ta’ dawn hemm bżonn jinstema’ aktar.
X’jgħidu l-Kappillan u s-Sindku
Ħadna r-reazzjonijiet tal-kappillan u s-sindku ta’ Birżebbuġa li bħala mexxejja fil-komunitå huma persuni li jħossu l-polz tan-nies.
Dun Nicholas Pace
Il-Kappillan ta’ Birżebbuġa saħaq li t-tensjoni bejn iż-żewġ komunitajiet ma teżistix. B’riferenza għall-impatt li l-immigranti jistgħu jħallu fuq il-komunità ta’ Birżebbuġa l-kappillan wera l-fiduċja li l-immigranti jgħinu biex jagħmlu l-komunità iktar “sensittiva għall-affarijiet ta’ l-oħrajn.”
Iżda meta ikkonfrontat bir-reazzjonijiet negattivi li kienet ġabret din il-gazzetta minn diversi residenti l-kappillan baqa’ jiċħad li jista’ jkun hemm problema bejn iż-żewġ komunitajiet.
Forsi ftit iktar realistiku kien is-Sindku Joseph Farrugia li ammetta li għal bidu kien hemm tensjoni speċjalment minħabba atti ta’ vandaliżmu li kienu jsiru mill-immigranti.
“Kienu jwaddbu xi ġebla ġo xi razzett, iwaqqgħu xi ħajt tas-sejjiegħ jew ikissru xi twieqi. Kont nisma’ ħafna minn dawn l-ilmenti min-nies, imma issa m’għadnix,” stqarr Farrugia.
Jekk forsi fil-passat kien hemm biża’
mir-residenti ta’ Birżebbuġa li l-immigranti setgħu jkunu ta’ xkiel
għal-lokal issa qed ibiddlu l-fehma.
“Ma jirrizultalix li n-nies ta’ Birżebbuġa beżgħana minnhom,” sostna s-Sindku anki jekk il-biża’ kienet tema komuni għal ħafna min-nies li din il-gazzetta tkellmet magħhom.
Ta’ l-istess parir kien il-kappillan fejn qal li n-nies “mhux qed tarahom ta’ theddida.”
Is-Sindku jiddiskrivi lill-immigranti bħala nies “edukati” filwaqt li l-Kappillan jgħid li huma “friendly” u li jagħmlu dak kollu possibbli biex jintegraw.
Forsi l-ħsibijiet tas-Sindku u l-Kappillan huma pożittivi żżejjed għax ħadd ma jrid ipoġġi f’dawl ikrah lill-komunità li jirrappreżenta.
Iżda l-pożittiv jeżisti wkoll.
“Hemm ċerti familji li jieħdu t-tfal ta’ l-immigranti fi djarhom biex iduru bihom u jagħtuhom x’jieklu,” stqarr is-sindku.
Bla dubju dawn huma atti ta’ solidarjetà li ma joħorġux fil-pubbliku u forsi jeħtieġ jitperrċu iktar biex jikkuntrastaw ma’ l-attitudni negattiva ta’ xi wħud. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Mary Spiteri
Editorijal
Il Punt
Rebecca Gatt
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|