Aħbarijiet | 20 ta’ Jannar 2008 Nr 64
Sabrina Agius
sagius@mediatoday.com.mt
Il-każ tat-tifla ta’ 13-il sena li spiċċat il-ħabs fuq ordni tal-qorti għadu jidwi bl-ogħla awtoritajiet fil-qasam soċjali jisħqu ma’ din il-gazzetta li l-ħabs mhux post fejn għandhom jispiċċaw it-tfal.
Il-Ministru tal-Familja Dolores Cristina nsistiet li l-ħabs mhux post “addattat għat-tfal” filwaqt il-Kummissarju tat-Tfal Carmen Zammit qalet li “bħala prinċipju, tfal taħt is-16-il sena m’għandhomx jintbagħtu l-ħabs.”
Ta’ l-istess fehma kien Joe Gerada, il-Kap Eżekuttiv ta’ l-Appoġġ.
“Tinkwetani li tifla ta’ 13-il sena tispiċċa l-ħabs. Jinkwetani wkoll il-fatt li din imbagħad intbagħtet Mount Carmel. Hemm bżonn li bilfors tispiċċa Mount Carmel? Naħseb li l-liġi kif inhi tqajjem ċerti mistoqsijiet serji, ” qal Gerada. “Li titfa’ minuri l-ħabs jista’ jkun ta’ dannu ikbar psikoloġiku u soċjali.”
Gerada insista li meta titfa’ tfal b’imġiba mhux xierqa l-ħabs tkun “qisek qed tagħmlilhom pjaċir għax jidhru bħala eroj ma’ sħabhom”.
“Il-ħabs hu istituzzjoni tal-kbar u t-tfal m’għandhomx jersqu ’l hemm,” enfasizza l-Kap ta’ l-Appoġġ.
Kien ġimgħa ilu li l-Maġistrat Anthony Vella qatagħha li tifla ta’ 13-il sena kellha tintbagħat il-ħabs għal sebat ijiem bħala detenzjoni wara li sabha ħatja li kisret il-paċi pubblika u feriet b’mod ħafif tifla oħra ta’ l-istess età. Il-ġenituri tat-tifla ma appellawx il-każ.
It-tifla ddaħħlet fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex tiskonta l-piena tagħha iżda ftit sigħat wara t-tabib tal-ħabs iddeċieda li t-tifla kellha tintbagħat Mount Carmel minħabba raġunijiet ta’ saħħa. It-tifla nħelset nhar it-Tlieta li għadda wara li skontat il-piena.
Din il-gazzetta staqsiet ukoll lis-Segretarju Parlamentari tal-Ġustizzja Carmelo Mifsud Bonnici għall-fehma tiegħu fuq il-każ.
“L-ewwelnett irid jingħad li s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Minorenni ai termini tal-Kapitolu 287 tal-Liġijiet ta’ Malta u tal-Kodiċi Kriminali ma ngħatatx fil-pubbliku u għalhekk ma nistax nara l-motivazzjoni u r-raġunijiet li wasslu lil dik il-Qorti għall-piena ta’ ħabs,” saħaq Mifsud Bonnici mingħajr ma ikkommetta ruħu fuq jekk jaqbilx mal-prinċipju li tfal taħt is-16-il sena hux posthom il-ħabs.
“Bħal f’kull każ naħseb li l-każ partikolari seta’ jitqies li jimmerita appell u għadni ma fhimtx għala dan ma ġiex preżentat,” stqarr Mifsud Bonniċi.
Il-pożizzjoni legalistika ta’ Mifsud Bonnici tikkuntrasta ma’ dik tal-Ministru Cristina.
Iktar milli jingħataw sentenzi ta’ ħabs Cristina saħqet li tkun deċiżjoni iktar siewja li kieku “it-tfal jiġu mħarsa u mgħallma.”
“Il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali hu impenjat li jkompli jaħdem dejjem fl-aħjar interessi tat-tfal u tas-soċjetà sabiex ikollna sistema edukattiva li tħares u tipproteġi lit-tfal u l-familji tagħhom,” qalet Cristina.
Joe Gerada issuġġerixxa li għandu jkun hemm servizzi ta’ riforma iktar proattivi fis-sistema Maltija.
“Meta jsiru żbalji mit-tfal, dawn m’għandhomx ikunu puniti iżda edukati biex l-iżball li jkunu għamlu, jintuża bħala mezz ta’ tagħlim personali għalihom,” tenna Gerada.
Hu saħaq ukoll fuq l-importanza tal-medjazzjoni f’każijiet bħal dawn.
“Il-medjazzjoni hu proċess fejn iż-żewġ naħat, min żbalja u min weġġa’ bl-iżball, jiġu flimkien biex jitkellmu fuq din l-esperjenza biex ir-relazzjoni li tkissret minħabba r-reat titranġa. Il-medjazzjoni hi sistema użata f’diversi pajjiżi oħra fejn tissensibilizza u teduka lit-tfal b’tali mod biex ikunu tajbin ħalli jintegraw ruħhom mas-soċjetà,” qal Gerada.
Min-naħa tagħha l-Kummissarju tat-Tfal qalet li f’numru ta’ pajjiżi Ewropej tfal b’din l-imġiba jiġu fdati f’foster care speċjalizzat.
Dwar x’riformi jeħtieġ li jsiru fil-pajjiż, mingħajr ma daħal fid-dettal, is-Segretarju Parlamentari Mifsud Bonnici sostna li “dejjem hemm lok għal ċaqliq ’il quddiem.” Hu esprima t-tama li fil-futur qarib dan il-proċess isir “fejn u kif jeħtieġ skond iż-żminijiet ta’ llum.” |
|
Julia Farrugia tintervista lil Mary Spiteri
Editorijal
Il Punt
Rebecca Gatt
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|