Aħbarijiet | 20 ta’ Jannar 2008 Nr 64
Kurt Sansone
Uħud mill-prezzijiet tal-mediċini li jiffurmaw parti mill-ftehim ta’ stabbiltà li laħaq il-Gvern ma’ xi importaturi huma abbużivi u ogħla mill-medja Ewropea.
Din il-ġimgħa kompla jinkixef l-abbuż fil-prezzijiet ta’ xi wħud mill-mediċini fis-suq bil-Gvern iġiegħel lill-importaturi jnaqqsu l-prezz ta’ seba’ mediċini oħra, fosthom dawk li jintużaw għad-diabete, l-ażma u d-dipressjoni.
Madankollu jirriżulta li l-prezz bl-għoli ta’ wħud minn dawn il-mediċini hu l-prezz li kien ftiehem il-Gvern ma’ l-importaturi meta daħal fi ftehim magħhom biex iżommu l-prezzijiet ta’ firxa wiesa’ ta’ prodotti stabbli sa l-aħħar ta’ Marzu.
Il-ftehim ta’ stabbiltà ntlaħaq fl-aħħar tas-sena li għaddiet biex il-konsumatur ikollu serħan il-moħħ li l-ewro mhux se tgħolli l-prezzijiet.
Jidher li fil-każ ta’ dawn il-mediċini l-prezz kien diġà għoli meta sar il-ftehim.
Skond l-arranġament li laħaq il-Gvern ma’ wieħed mill-importaturi, il-pilloli Plavix li jintużaw biex jitraqqa’ d-demm kellhom jinbiegħu €66.06.
Din il-ġimgħa d-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni ġegħlet lill-importatur iwaqqa’ l-prezz għal €60.52 għax irriżulta li l-prodott kien qed jinbiegħ fis-suq Malti tmienja fil-mija iktar mill-medja Ewropea.
L-istess jista’ jingħad għall-Lamisil li tintuża kontra l-infezzjoni mill-moffa fil-ġilda. Il-prezz miftiehem mal-Gvern kien ta’ €43.49 biex issa irriżulta li dan kien prezz abbużiv. Skond l-istqarrija tad-Diviżjoni tal-Konsumatur il-Lamisil trid tinbiegħ €36.59 jew 16 fil-mija inqas mill-prezz ta’ qabel. B’kollox hemm seba’ mediċini fejn il-prezz miftiehem kien abbużiv.
Iżda l-borma hi iktar imħawda minn hekk. Fil-każ tal-pilloli tad-diabete Daonil il-prezz miftiehem kien ta’ €2.61 iżda jidher li din kienet qed tinbiegħ fis-suq bil-prezz ta’ €4.75. Din il-ġimgħa d-Diviżjoni tal-Konsumatur ordnat biex il-prezz ta’ dawn il-pilloli jonqos b’38 fil-mija għal €2.94 li xorta għadu ogħla mill-prezz suppost miftiehem.
B’kollox, minn Settembru lil hawn, id-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni ordnat lil xi importaturi tal-mediċini biex iraħħsu l-prezz ta’ madwar 12-il mediċina għax instab li kienu qed jinbiegħu iktar mill-medja Ewropea.
Id-Diviżjoni għandha wkoll lista itwal ta’ mediċini oħra li qed tistenna li jorħos il-prezz tagħhom.
Sa llum il-Gvern qed jibqa’ jirrifjuta jippubblika l-ismijiet ta’ min jimporta dawn il-mediċini. Sadanittant, minkejja li l-kumpaniji tal-farmaċewtika u l-importaturi li kienu qed jabbużaw gawdew mill-profitti ‘żejda’ li għamlu mill-prezzijiet ogħla, il-Gvern għadu qatt ma qal jekk hux se jieħu xi passi kontrihom.
Plavix 75mg x 28tabs
Mediċina li traqqaq id-demm u tingħata lil nies li jbatu b’qalbhom.
Awtorizzazzjoni: mhux imniżżla fuq is-sit ta’ l-Awtorità tal-Mediċini
Tnaqqis fil-prezz: -8% minn €66.06 għal €60.52.
Prezz skond il-ftehim ta’ stabbiltà: €66.06
Daonil 5mg x 20tabs
Pilloli li jintużaw minn pazjenti tad-diabete.
Awtorizzazzjoni: Aventis Pharma, Greċja
Tnaqqis fil-prezz: -38% minn €4.75 għal €2.94
Prezz skond il-ftehim ta’ stabbiltà: €2.61
Telfast 120mg x 15
Mediċina li tintuża biex tittratta l-allerġija staġjonali.
Awtorizzazzjoni: Aventis Pharma, Greċja
Tnaqqis fil-prezz: -6% from €8.74 to €8.25
Prezz skond il-ftehim ta’ stabbiltà: €8.74
Lamisil 250mg x 14
Mediċina għall-infezzjoni mill-moffa fil-ġilda.
Awtorizzazzjoni: Novartis Pharmaceuticals, Renju Unit
Tnaqqis fil-prezz: -16% minn €43.49 għal €36.59
Prezz skond il-ftehim ta’ stabbiltà: €43.49
Minitran 10 10mg x 30
Roqgħa (patch) li titwaħħal fuq il-ġilda u tintuża bħala parti mit-terapija kontra l-anġina.
Awtorizzazzjoni: 3M Healthcare, Renju Unit
Tnaqqis fil-prezz: -7% from €26.28 to €24.32
Prezz skond il-ftehim ta’ stabbiltà: Xejn
Atrovent 2ml x 20 vijal
Likwidu li jintuża għan-nebuliser biex ikunu ikkurati pazjenti li jbatu bl-ażma.
Awtorizzazzjoni: Boehringer Ingelheim Limited, Renju Unit
Tnaqqis fil-prezz: -21% minn €20.08 għal €15.89
Prezz skond il-ftehim ta’ stabbiltà: Xejn
Efexor
Efexor jintuża fit-trattament kontra d-dipressjoni.
Awtorizzazzoni: Wyeth Laboratories, Renju Unit
Tnaqqis fil-prezz:
37.5mg x 56 tabs - -4% minn €52.85 għal €50.69
75mg x 56 tabs - -4% minn €89.03 għal €85.39
75mg x 28 tabs - -4% minn €41.74 għal €40.04
Prezz skond il-ftehim ta’ stabbiltà:
37.5mg x 56 tabs - €52.85
75mg x 56 tabs - €89.03
75mg x 28 tabs - €41.74
Buscopan 10mg x 56 tabs
Pilloli għat-trattament tas-sintomi marbuta mal-kundizzjoni Irritable Bowel Syndrome fost l-oħrajn.
Awtorizzazzjoni: Boehringer Ingelheim Limited, Renju Unit
Tnaqqis fil-prezz: -23% minn €12.07 għal €9.25
Prezz skond il-ftehim ta’ stabbiltà: Xejn
Maxidex x5ml
Qtar tal-għajnejn li jintuża biex jikkura l-inflammazzjoni.
Awtorizzazzjoni: SA Alcon-Couvreur NV, Belġju
Tnaqqis fil-prezz: -19% minn €6.01 għal €4.85
Prezz skond il-ftehim ta’ stabbiltà: Xejn
Tobrex x5ml
Qtar tal-għajnejn biex jikkura l-infezzjonijiet fuq in-naħa ta’ barra.
Awtorizzazzjoni: SA Alcon-Couvreur NV, Belġju
Tnaqqis fil-prezz: -16% minn €6.87 għal €5.71
Prezz skond il-ftehim ta’ stabbiltà: Xejn
Cipralex 10mg x 28
Pilloli li jintużaw minn min ibati bid-dipressjoni u l-ansjetà.
Awtorizzazzjoni: Lundbeck, Portugal
Tnaqqis fil-prezz: -12% minn €27.37 għal €24.13
Prezz skond il-ftehim ta’ stabbiltà: €27.37
Celebrex 100mg x 60
Pilloli biex ikunu ikkurati s-sintomi ta’ l-artrite.
Awtorizzazzjoni: Pfizer Hellas (SA) Greċja
Tnaqqis fil-prezz: -3% minn €35.22 għal €34.01
Prezz skond il-ftehim ta’ stabbiltà: Xejn
Noti:
Awtorizzazzjoni hu ċ-ċertifikat maħruġ lill-kumpanija li tipproduċi l-mediċina mill-Awtorità Maltija tal-Mediċina. Min għandu dan iċ-ċertifikat mhux bilfors hu l-importatur għax jista’ jqabbad aġent Malti.
Din l-informazzjoni tista’ tinġabar mis-sit ta’ l-internet ta’ l-Awtorità www.medicinesauthority.gov.mt
Il-prezz skond il-ftehim ta’ stabbiltà jirrifletti l-ftehim li għamel il-Gvern ma’ xi importaturi. Fejn m’hemmx prezz indikat allura l-prodott mhux parti mill-ftehim. Il-lista ta’ prodotti bi prezzijiet fissi tinsab fis-sit ta’ l-internet www.pricewatch.org.mt |