MediaToday

Sports | 20 ta’ Jannar 2008 Nr 64

Ġurnalist, kollezzjonist u President b’37 sena esperjenza

Il-President tal-Għaqda Kittieba Sports insibu jistennini fl-intrata tad-dar tiegħu f’San Ġiljan. Jistedinni nitla’ fuq fil-kamra li hu stess jiddiskriviha bħala l-passjoni ta’ ħajtu.
Kif nidħol għajnejja jintilfu fuq l-eluf ta’ kotba sportivi li għandu. Charles hu kollezzjonist kbir u dilettant ta’ veru. Jiftaħli xi erba’ kotba ta’ atleti ta’ fama mondjali li kollha kemm huma kienu ffirmati mill-awtur jew il-protagonist fl-ewwel faċċati tagħhom. Mal-kollezzjoni kbira ta’ kotba ma jonqosx il-flokk oriġinali ta’ Ronaldhino ffirmat minnu stess u ieħor ta’ David Beckham tat-tim nazzjonali Ingliż.
Fuq in-naħa ta’ fuq tal-kamra nara diversi nkwatri bin-numri ffirmati li jużaw l-atleti waqt it-tlielaq tagħhom. Jaħsadni hekk kif jgħidli li dak tan-nofs, in-numru 7, iffirmatulu u tatulu proprju oħti Charlene. Insejt ta’ liema kompetizzjoni Ewropea qalli li kien…
Għalkemm mhux bniedem ta’ età kbira, Charles hu wieħed mill-veterani fil-ġurnaliżmu Malti. Ilu f’din id-dinja għal aktar minn 34 sena.
“Jien dħalt fil-ġurnaliżmu sportiv bis-saħħa ta’ Benny Pace. In-Nazzjon Tagħna beda fl-1971 u sentejn wara kien ġab xi applikazzjonijiet fil-gazzetta. Kont applikajt u aċċettani. Fl-1974 kont nirrapporta l-futbol u l-waterpolo. Jien l-uniku wieħed li fil-kumpanija Medialink ħdimt fit-testati kollha inkluż l-aktar riċenti, Radio 101 u Net TV.
“Illum il-ġurnata qed naħdem l-aktar fuq ir-radju u televiżjoni imma l-ġurnaliżmu miktub għadni nħobbu. Ili fl-Għaqda Kittieba Sports mill-1973. Iktar minn 25 sena għamilthom bħala Segretarju u sirt President erba’ snin ilu meta rtira Henry Calleja.
Organizzajt l-Isportivi tas-Sena mill-1982 l’hawn. Din li ġejja hi s-26 edizzjoni tiegħi.”
Charles Camenzuli twieled fl-14 ta’ Ġunju 1955. Jgħidli li l-ġurnata taħbat eżatt mat-twelid tal-kantanta Taljana Gianna Nannini. Ma staqsejtux imma deher ammiratur kbir tagħha. Għalkemm joqgħod San Ġiljan jgħidli li hu kburi li hu mill-Birgu. Miżżewweġ lil Anna u missier ta’ Robert u Andrea. Nistqasih fuq l-ewwel snin tal-Għaqda Kittieba Sports u kif kienet twieldet.
“L-Għaqda Kittieba Sports twieldet fl-1970. Kien hemm bosta ġurnalisti wara din l-għaqda. Hi l-uniku għaqda sportiva li hawn fil-pajjiż. Bqajna nsejħulha Għaqda Kittieba Sports għax għadna bis-sistema Ingliża. L-Ingliżi għandhom ‘The British Sports Writers Association’. Hi sforz it-tradizzjoni. Jien ngħid li forsi wasal iż-żmien li nibdlulha isimha għall-Għaqda Ġurnalisti Sportivi jew xi ħaġa hekk.”
Simon Bonello, Tania Gravina, Mario Meli, Willie Vassallo, Benny Pace u Christian Micallef. Huma kollha ismijiet familjari ħafna fil-qasam tal-media Maltija. Huma wkoll il-persuni li qed imexxu lil din l-għaqda fil-preżent. Charles bħala President jgħidli kemm toħdilhom ħin il-pożizzjoni tagħhom.
“F’dan il-pajjiż fejn kulħadd involut fix-xogħol primarju tiegħu bilfors li kariga bħal din toħodlok il-ħin. It-tim ta’ nies li qegħdin fil-Kumitat jagħtu ħin twil għal din l-għaqda. L-iktar ħaġa li turtani hi li hawn ħafna ġurnalisti żgħażagħ li mhumiex interessati f’din l-għaqda. Li kieku ma kinux ġurnalisti veterani din l-għaqda ma mxiet qatt ’il quddiem. Jien nara li ġurnalisti żgħażagħ mhumiex interessati fl-amministrazzjoni tal-media.”
Jien personali ngħid aktar minnhekk. Hawn ħafna ġurnalisti sportivi li għal xi raġuni jew oħra jaħilfu li f’din l-għaqda ma jkunu qatt membri. Nistaqsih qattx sema’ b’dan id-diskors u għalxiex jaħseb li jsir.
“Dik staqsi lilhom mhux lili. Id-diskors hu hemmhekk u jien nisimgħu kif tisimgħu int. Aħna kull sena nagħmlu meeting ma’ l-Edituri u l-Kapijiet tat-taqsimiet sportivi. Min hu biered lejn l-għaqda qatt ma tkellem. Veru li xi vantaġġi żejda m’għandniex iżda wieħed m’għandux ikun membru biex jara x’se jakkwista. Wieħed għandu jkun membru biex l-għaqda tkompli tiżviluppa. Jien nemmen li bis-saħħa ta’ din l-għaqda tjiebu ħafna affarijiet fil-pajjiż.
“Jien nistenna aktar koperazzjoni mill-membri ġodda. Jekk għada jien niddeċiedi li m’għandiex inkompli x’se jsir mill-għaqda? Se tmut mewta naturali? Uħud mill-membri jfittxuk meta jkollhom bżonnok biss. Wieħed m’għandux ifittex l-għajnuna tagħna meta jaqbillu hu biss.
“Nemmen li fl-għaqda hawn post għal kulħadd. Tibqa’ l-uniku għaqda f’pajjiżna fejn tilqa’ fiha ġurnalisti ta’ opinjoni politika differenti, anki jekk aħna pajjiż daqstant politiċizzat.”
Fuq fomm kull sportiv diġà bdiet tissemma s-serata finali ta’ l-Isportivi tas-Sena. L-Għaqda Kittieba Sports taħdem u tistinka ħafna biex f’din il-lejla partikolari kollox jimxi għall-perfezzjoni u kif suppost. Charles jgħidli kemm tinvolvi xogħol serata bħal din.
“Is-serata ta’ l-Isportivi tas-Sena tinvolvi ħafna xogħol. Għandek l-aħħar tliet xhur ta’ xogħol iebes. Kull sena nippruvaw insibu xi ħaġa li ma kinitx preċiża s-sena ta’ qabel. Aħna għandna kummissjoni ta’ nies li jżommu l-aħjar riżultati ta’ matul is-sena biex kull tliet xhur jippreżentawli l-aġġornamenti li finalment iwasslu għas-serata finali. Jiġifieri l-finalisti dejjem ikunu l-aqwa atleti għas-sena.
“Jien ma naqbilx li jkollok atleta wieħed biss minn kull dixxiplina għax inkella l-istess atleta joqtol iċ-ċansijiet ta’ sħabu stess. Din hi l-aħjar sistema għax, ‘jekk f’dixxiplina sportiva kellek 5 atleti bl-istess riżultati, għalxiex għandi nwarrab erbgħa biex id-dixxiplina jkollha atleta wieħed biss?’
“L-anomalija kienet meta Carmel Busuttil kien spiċċa l-aqwa skorer ta’ l-Ewropa u ma ġiex nominat mill-MFA għax kellha s-sistemà li tinnomina l-Futboler tas-Sena. Il-Bużu ma seta’ jirbaħha qatt għax ma kienx jilgħab hawn Malta. Minn dak inhar bdiet tiżviluppa din l-idea li jista’ jkollok aktar minn atleta wieħed mill-istess dixxiplina finalist.”
Nitkellmu fuq is-serata finali ta’ din is-sena li se ssir bħal lum ġimgħa. Jgħidli li kellhom imexxu l-ġurnata li ppjanaw minn qabel ġurnata ’l quddiem.
“Is-serata finali se ssir nhar il-Ħadd li ġej. Konna għażilna s-Sibt imma nzerta li dak inhar hemm il-Festival tal-Kanzunetta għall-Ewropa li għal pajjiżna hu reliġjon u għalhekk kellna mmexxuha b’ġurnata. Is-serata se tixxandar diretta fuq Channel 22 u se tkun ippreżentata minn George Micallef. Ridna bniedem intiż sew fl-isport u ta’ esperjenza vasta fil-preżentazzjoni.”
Is-soltu l-ismijiet ta’ dawk li jkunu se jippreżentaw l-unuri jinżammu sigrieta sa l-aħħar. Nieħu ċans nistaqsih min se jkunu l-ħames persuni fortunati. Għall-ewwel jidħak sakemm imbagħad iċedi l-argument u jiżvela…
“Dawk li se jippreżentaw l-awards fil-ħames kategoriji huma ismijiet marbuta mal-partita Malta v Awstrija. Se nolqtu l-ambjent ta’ l-isport u tal-media ta’ 50 sena ilu taż-żmien Il-Berqa u The Times. Il-persuni huma Wilfred Axiaq, il-Maġġur Stanley Clews, il-fotografu Frank Attard u ż-żewġ eks plejers Tony Cauchi u Joe Cini. Iżda għadna qed nitħabtu biex inġibu personalità sportiva barranija.”
Kont kurjuż li nsir naf ir-risposta għall-mistoqsija ta’ x’irid ikollu ġurnalist tajjeb.
“Kunfidenza, ma jinbagħat ma’ ħadd u element ta’ fortuna wkoll. Inti jista’ jkollok ħafna preġji u ftit difetti u ma tkunx fortunat fl-għażliet li għamilt f’ħajtek.”
Charles ħadem fit-tliet oqsma tat-televiżjoni, radju u gazzetta. Nistaqsih liema linja hi l-aktar għal qalbu.
“It-televiżjoni jagħtik ċans li turi u tesprimi ruħek aħjar man-nies. Jien it-televiżjoni nħobbu għax jagħtik iċ-ċans tħalli n-nies jarawk komdi mid-dar. Ix-xogħol tat-televiżjoni dejjem għamiltu b’mod serju u dan jixhed anki għall-fatt li għal sentejn wara xulxin irbaħt l-unur ta’ l-aħjar programm. Rari jew kważi qatt ma rrekordjajt programm wieħed tat-televiżjoni. Id-dirett jogħġobni wisq.
“Ir-radju fih is-sabiħ tiegħu wkoll. Fih trid tuża aktar fantasija biex twassal il-messaġġ tiegħek ċar biex hemm minn hemm jisma’ tkun ċert li qed jifhmek.
“Il-gazzetta tibqa’ l-baby tiegħi. Il-pubblikazzjonijiet inħobbhom wisq. Jekk tagħti ħarsa madwarek f’din il-kamra tinduna kemm f’ħajti huma għal qalbi l-kotba. Il-karti huma ħajti.”
Charles Camenzuli hu wkoll il-preżentatur tal-programm Sports Extra li jixxandar kull nhar ta’ Ħadd wara nofsinhar fuq Net TV. Ikellimni fuq din il-produzzjoni tiegħu.
“Sports Extra għal qalbi ħafna. Minn xi 10 snin l’hawn bdejt ninteressa ruħi fl-isport kollu. Qabel kont futbol biss. Jien kont ħassejt li m’għandiex nagħti kontribut kif kont qabel fil-futbol. Il-futbol bqajt inħobbu ħafna u għamilt żmien anki Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-MFA. Kont involut anki ma’ klabb lokali.
“Fil-programm tiegħi kulħadd jaf li nirrapporta l-għaqdiet sportivi kollha minbarra l-futbol u dan għax l-għaqdiet l-oħra ftit li xejn ikollhom ċans iwasslu leħinhom.
Jien nixtieq li l-pubbliku sportiv Malti jsir jaf li l-għaqdiet iż-żgħar li jagħmlu l-ikbar sagrifiċċji jkollhom l-ispazju tagħhom ukoll u nemmen li l-messaġġ qiegħed jasal.”
Charles jammetti li kien fortunat fil-karriera ġurnalistika tiegħu. Hu bniedem li personalment nammirah għax irnexxielu jasal fl-għoli bil-kapaċitajiet tiegħu u billi sfrutta l-opportunitajiet li ġewh bl-aħjar mod possibbli. Ħafna differenti minn ġurnalisti oħra li jippruvaw jilħqu l-iskopijiet ta’ moħħhom billi jippruvaw ikissru lil sħabhom u kollegi tagħhom u maż-żmien se jispiċċaw jitkissru waħedhom sforz l-antipatija li jġibu fuqhom.
“Jien bniedem fortunat ħafna fil-karriera tiegħi. Ftit hawn min beda f’gazzetta u l-ewwel biċċa xogħol li jagħtik l-Editur tkun li tmur tintervista lil Pelè. Li tibda karriera ġurnalistika fl-isport bħal din mhux ċajta. Pelè kien ġie Malta fl-1975 u miegħu kienet l-ewwel intervista tal-karriera. Nibqa’ ngħożż dak il-mument bħala l-isbaħ f’ħajti. L-Olimpjadi li ġejjin ta’ Beijing se jkunu s-seba’ Olimpjadi wara xulxin li se nirrapporta.”
Charles jagħtini l-opinjoni personali fuq l-idolu sportiv lokali u internazzjonali għalih.
“Sportiv idolu lokali nemmen li kien Tony Nicholl fil-futbol. Jekk nieħu x-xena kollha internazzjonali mmur għal Mohammed Ali fil-boxing.”
Charles jirringrazzja persuna partikolari.
“Li kieku ma kienx għal Benny Pace li fl-1973 tagħni ċ-ċans li nibda llum il-ġurnata m’intix qiegħed quddiemi għal din l-intervista għax għadni ma bdejt qatt. Nemmen li hu l-iktar persuna li għandi għalfejn nirringrazzja li llum wasalt s’hawn.”
Qabel ma ninżel it-taraġ li jwassal għal bieb ta’ barra ħarsa oħra lejn uħud mill-kotba li għandu fil-librerija tiegħu. Jgħidli li kollha kemm huma għandhom sinifikat fil-ħajja tiegħu.
“Il-ktieb Foul, u The Laws of the Rings ta’ Andrew Jennings u How They Stole the Cup ta’ David Yallop huma l-aktar għal qalbi. Fihom nammira l-kuraġġ ta’ l-awturi għax jinvestigaw il-korruzzjoni fid-dinja tal-futbol.”

Intervista
Għal darb'oħra… Mary

Julia Farrugia tintervista lil Mary Spiteri


Editorijal

Opportuniżmu ‘smart'


Il Punt
Id-dritt li tmur lura d-dar qawwi u sħiħ
Rebecca Gatt

TONI U PEPPI
It-tfal u d-dixxiplina


Emmanuel Micallef
Fejn hi d-differenza?


Carmelo Mifsud Bonnici

Demokrazija jew teknokrazija



X'kien Jgħid
Dalwaqt it-tisfira tar-referee!



Wenzu Mintoff

Mastella


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075