MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 20 ta’ Jannar 2008 Nr 64

Demokrazija jew teknokrazija

1. Il-Ħadd li għadda fil-gazzetta The Sunday Times dehret intervista interessanti mal-Prof. Fr. Peter Serracino Inglott. Fiha, bħas-soltu, ġew ittrattati numru ta’ punti li jħajru għad-djalogu u jqanqlu d-diskussjoni. Ma hemmx dubju li l-poplu u l-pajjiż għandu żgur x’jitgħallem minn dan il-bniedem mimli doni li l-ħin kollu jħalli l-marka tiegħu. Kienet verament deċiżjoni tajba li żżommu għaddej, Ħadd wara Ħadd, f’dan il-proċess. Deċiżjoni li ssarraf f’iktar qarrejja. Però ovvjament, għalkemm mhux kulma jgħid wieħed neċessarjament jaqbel miegħu, xorta tajjeb li l-ħsieb jinxtered f’gazzetti oħra.

2. Fost is-suġġetti minnu prospettati kien hemm dak marbut mal-għażla tal-Ministri fil-Kabinett ta’ pajjiżna. Ta diversi argumenti ta’ natura politika u fuq dan m’għandix nitkellem. Għax il-Prim Ministru, hu min hu, jippreferi li jżomm ħdejh ġabra ta’ persuni li jagħżel direttament hu li għandhom ħiliet politiċi u akkademiċi tali li jippermettulhom jifhmu, jikkontrollaw u jmexxu ministeru. Imma ma naqbilx mija fil-mija miegħu meta jgħid li l-Kostituzzjoni tagħna għandha tiġi emendata biex tippermetti l-ħatra ta’ Ministri mhux eletti u dawk imsejħa “tekniċi”.

3. Wieħed jifhem li hemm ċerti żviluppi fis-soċjetà tagħna, speċjalment fl-ekonomija u fit-teknoloġija, li jitolbu li jkun hemm min daħal fil-politika li jkun jaf sew dwarhom. Mhux sempliċi l-eżistenza tagħhom imma ferm iktar preparazzjoni, iżda mhux neċessarjament li jkunu speċjalizzati jew professuri. L-argument ta’ Fr. Peter ovvjament jimmira lejn iktar elementi ta’ teknokrazija. Però t-teknokrazija waħidha mhix soluzzjoni f’demokrazija għax waħda ma tmurx id f’id ma’ l-oħra. Dan għax waħda hi bażata fuq il-ħsieb li għandu dritt jiddeċiedi kulħadd mentri l-oħra titlob li l-ftit biss li jifhmu jiddeċiedu għall-oħrajn.

4. Id-demokrazija fiha valur proprju għax hi miftuħa għal kulħadd, sija bħala votant kif ukoll bħala rappreżentant elett. Proprju din is-sistema ggarantiet u tibqa’ tiggarantixxi li hemm rabta bejn il-poplu u min jiġi elett. Tiggarantixxi li s-soċjetà li għandha l-poter ta’ l-Istat f’idejha tagħżel il-persuni li trid hi li jmexxuha. Il-poplu hu sovran u hekk għandu jibqa’, jiddeċiedi min jiġi elett u min imexxih. Il-kontra hu antidemokratiku. Dan hu mekkaniżmu importanti, sija ta’ rappreżentanza, kif ukoll ta’ kontabbiltà. Il-Ministru magħżul minn fost il-membri eletti mill-poplu jaf li għandu l-kunsens u s-saħħa tiegħu. Dan jagħtih awtorità ferm ikbar minn dawk li jsibu ruħhom magħżula mingħajr ma jkollhom il-piż politiku tal-kalatura u mingħajr ma jkollhom għeruq.

5. Mhux biss, imma min jgħaddi mill-proċess elettorali tagħna, peress li jiltaqa’ ma’ diversi persuni, jiġbor inevitabbilment il-“common touch”. Jagħraf il-varjetà kbira ta’ bnedmin li hawn fis-soċjetà tagħna. Id-differenzi fil-ħsieb, mentalitajiet u kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi. It-teknokratiċi, sfortunatament mill-aspett politiku, ma jiltaqgħux mal-bnedmin bl-istess intensità, frekwenza u abbundanza. Dan inaqqas mill-effikaċja tal-proposti li bnedmin bħal dawn iwasslu. Anzi aħjar, numru ta’ drabi l-proposti tagħhom ma jiħdux biżżejjed in konsiderazzjoni l-element uman. Id-diversi kumplikazzjonijiet umani li jeżistu jiġu njorati u flok passi ’l quddiem fil-kamp politiku jispiċċaw imorru lura.

6. Il-verità hi li s-sistema tagħna ħadmet tajjeb u tkompli taħdem f’din ir-rappreżentanza demokratika indiretta. Però ċ-ċavetta tas-sistema tibqa’ dejjem li fis-servizz taċ-Ċivil ikun hemm dejjem iktar bnedmin preparati tajjeb li jressqu l-pariri tagħhom lill-Ministri u eventwalment lill-Kabinett. Hu hawn li t-teknokratiku għandu post validu. Iressaq l-opinjoni teknika għall-kunsiderazzjoni tal-politiku. Mhux kull opinjoni hi tajba u anqas kulma jingħad mhu neċessarjament ħażin. Għalhekk hemm il-ġudizzju tal-Ministri li għandhom, f’isem il-poplu li eleġġihom, iżommu l-bilanċ u jiġġudikaw tajjeb. Il-Ministri għandhom jibqgħu bnedmin li jistudjaw, jaqraw u jinteressaw irwieħhom mill-poplu u jibqgħu viċin tal-poplu.

7. Din hi ħila u t-talent li kull Prim Ministru għandu jfittex fil-Ministri tiegħu. Iktar ma jirnexxilu jagħmel dan il-ġudizzju tajjeb iktar ikollu kollaboraturi li jmexxu l-aġenda ta’ l-Istat fid-demokrazija tagħna. Biss, anki jekk fl-agħar ipoteżi dan ma jkunx il-każ, xorta nippreferi d-demokrazija imperfetta mit-teknokrazija li tidher perfetta għax waħda hi għall-bniedem, mentri l-oħra mhix.

Intervista
Għal darb'oħra… Mary

Julia Farrugia tintervista lil Mary Spiteri


Editorijal

Opportuniżmu ‘smart'


Il Punt
Id-dritt li tmur lura d-dar qawwi u sħiħ
Rebecca Gatt

TONI U PEPPI
It-tfal u d-dixxiplina


Emmanuel Micallef
Fejn hi d-differenza?


Carmelo Mifsud Bonnici

Demokrazija jew teknokrazija



X'kien Jgħid
Dalwaqt it-tisfira tar-referee!



Wenzu Mintoff

Mastella


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075