MediaToday

Emmanuel Micallef | 20 ta’ Jannar 2008 Nr 64

Fejn hi d-differenza?

Il-kilba għall-kisba tal-voti twasslek tagħmel kollox. L-esaġerazzjonijiet u t-tagħwiġ tal-verità mhumiex esklużi mill-ingredjenti li jużaw il-politiċi u l-partiti biex jiġbdu l-ikbar numru ta’ voti. Jgħidu gidba għall-bżonn ma tagħmilx ħsara u f’kampanja elettorali dan il-ħsieb mhux nieqes.
Minn dak li qed naraw s’issa jidher li l-kampanja elettorali li ġejja se tkun karatterizzata minn konfront bejn il-partiti bejn min l-iktar minnhom għandu l-potenzjal li jwettaq proġetti ta’ sugu li jsostnu l-livell tal-għixien tal-poplu tagħna u bejn min hu l-aħjar kandidat li jkun Prim Ministru ta’ Malta fiż-żmien li ġej. Konfront ibbażat fuq il-personalità tal-politiku u bejn il-ħiliet tal-politiċi li jwettqu dak li jwiegħdu.
Bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea l-portafoll politiku nazzjonali sa ċertu punt naqqas mill-importanza tiegħu f’għajnejn l-elettorat. Il-kontroversja bejn il-partiti dwar il-politika ekonomika, monetarja, fiskali u dik barranija. Biex ma nsemmix ukoll il-qasam soċjali m’għadhiex tinħass daqs qabel minħabba l-fatt li issa li sirna stat membru fl-UE kull partit f’pajjiżna jrid isegwi l-linji tal-UE. F’għajnejn xi wħud dan wassal biex essenzjalment id-differenza bejn il-partiti l-kbar naqset drastikament biex ma ngħidx li ġew jidhru qishom xi tewmin identiċi.
Jekk wieħed joqgħod jirrifletti ftit dwar dak li qed joffru l-partiti fil-fatt insibu li t-tnejn lesti jipproponu l-istess proġetti jew inizjattivi u d-differenza tkun biss dwar min hu kapaċi jwettaqhom l-aħjar.
Il-proġetti tal-Port il-Kbir, ta’ Marsamxett, tal-Kottonera u issa wkoll tax-Xatt bejn il-Gżira u tas-Sliema kollha qegħdin fuq id-drawing board jew l-aġenda tal-partiti. Hi xi ħaġa mistennija li proposti konkreti bħal dawn jitressqu għall-attenzjoni ta’ l-elettorat kif inhi xi ħaġa meħtieġa li l-partiti jikkompetu bejniethom dwar min minnhom joħroġ bl-aħjar ideat fattibbli li jiswew ta’ ġid għall-pajjiż. Iżda fl-istess nifs iktar ma jippubblikaw disinji, pjanti u impressjonijiet artistiċi iktar ikunu qed jikkonfermaw kemm minkejja l-ftaħir kollu għad fadal x’naqdfu sew jew kemm ħlejna żmien biex naslu nirrealizzaw kemm bqajna lura f’ċerti setturi.
Din se tkun l-ewwel elezzjoni ġenerali ta’ pajjiżna bħala stat membru ta’ l-UE. Żgur li l-ebda partit mhu se joħroġ bl-idea li wara kważi erba’ snin membru ta’ l-UE se nerġgħu nikkunsidraw għandniex nibqgħu membri jew le!
Għad hawn min jemmen li aħjar bqajna barra milli ġewwa. Jien ma nemminx hekk. Iżda l-elettorat żgur li se jsaqsi jekk morniex aħjar inkella bqajniex fejn konna jew jekk morniex lura wkoll. L-elettorat se jsaqsi wkoll jekk il-Gvern għamilx dak kollu li seta’ biex jisfrutta s-sitwazzjoni u dak li twiegħed qabel ir-referendum irrealizzax.
L-elettorat se jiddeċiedi jekk erba’ snin kinux biżżejjed biex wieħed jibda jduq il-benefiċċji tas-sħubija fl-UE jew jekk jinħtieġx jistenna ftit tas-snin oħra. Se jaħseb ukoll jekk l-effetti pożittivi tas-sħubija jistgħux jinkisbu aħjar u f’inqas żmien jekk ibiddilx il-Gvern. Se jevalwa wkoll jekk l-effetti negattivi jistgħux jissolvew.
L-elettorat jifhem li ssaħħu d-drittijiet tiegħu bħala ċittadin, jifhem li żdiedet id-dixxiplina fuq il-mod kif tkun amministrata l-kaxxa ta’ Malta, jifhem kif f’diversi oqsma mxejna ’l quddiem iżda dak li jħoll u jorbot hu jekk bħala ċittadin, minkejja d-drittijiet kollha li għandu, hux qed jgħix aħjar milli kien. Mhux biss meta jdaħħal idejh u jara x’baqagħlu fil-but imma meta jiġi biex jixtri dar jew meta jfittex impjieg jew meta jrid jaqbad karriera f’qasam speċjalizzat jew meta jsir jiddependi mill-pensjoni. Se jsaqsi jekk b’dak li qed joffru l-partiti hux se jmur għall-aħjar! Hux se tagħmel id-differenza u allura għandux ibiddel il-Gvern.
Anke dwar il-bidla fil-Gvern l-elettorat se jagħmel il-mistoqsijiet. X’bidla jrid? Wara kollox tista’ tinkiseb il-bidla li jrid billi jinbidlu l-uċuh? Billi jinbidel il-partit fil-Gvern? Jew billi jinbidlu l-Ministri?
Għalhekk filwaqt li dak li se jwegħduna fil-programmi elettorali tal-partiti jibqa’ validu u importanti li jkun mifli sew mill-elettorat, iżda d-differenza se tkun prattikament limitata għas-sens ta’ prioritajiet ta’ pajjiżna u l-effiċjenza fit-tmexxija. Id-differenza ideoloġika bejn il-partiti mhix se tkun daqstant importanti għaliex iċ-ċirkustanzi, mhux biss lokali, ġiegħlu lill-partiti jinbidlu b’tali mod li l-impenn pragmatiku jiżboq il-ħsieb u l-ideal li jagħtu r-ruħ u s-sens lill-ħidma li toriġina mill-partiti nfushom.
Lill-mexxejja tal-partiti poġġejniehom fuq pedestall li issa hu diffiċli li jitniżżlu minn fuqu. Kważi wasalna fi stat li lill-Mexxej narawh ikbar mill-Partit li jmexxi għalkemm l-ebda mexxej ta’ partit ma jammetti dan. Minħabba f’hekk ma jistax jonqos li l-kampanja elettorali tkun konċentrata fuq il-persuna tal-mexxej. U għalhekk l-elettorat se jkun mitlub jagħżel bejn il-kwalitajiet u l-ħiliet individwali ta’ wieħed minn ieħor.
Il-karatteristiċi tal-persuna fit-tmexxija tal-partit jingħataw importanza daqs jekk mhux iktar ukoll mill-proposti elettorali tal-partiti. Sakemm l-elettorat jingħata tagħrif dwar il-ħiliet u l-integrità fil-karattru b’relevanza għat-tmexxija politika ma jkun fiha xejn ħażin.
Iżda minn dan il-lat f’kampanja elettorali mhux hekk jiġri. Diġà smajna diskors fil-vojt bħalkemm ikun aħjar li jkollok Prim Ministru li jaf jitkellem sew bil-Franċiż biex jinnegozja ma’ Prim Ministri Ewropej oħrajn jew kif Prim Ministru li jappoġġa tim Taljan ma kienx leali lejn il-partitarji tat-tim għax laqa’ għandu uffiċjali ta’ tim rivali. Dawn ħmerijiet.
Fil-passat esperjenzajna wkoll kampanji ta’ assassinju tal-karattru. Fil-kritika lejn l-avversarju politiku deffisna l-ħajja personali biex litteralment niddemonizzaw lil dak li jkun. Verament li għal vot jagħmlu kollox imma ma nistgħux naqgħu f’livelli baxxi din il-kwalità. Jekk l-istrateġisti tal-partiti jaħsbu li s-suċċess għall-partit tagħhom jiddependi l-aktar fuq kampanja bejn il-mexxejja – qisha xi elezzjoni presidenzjali Amerikana – ħadd mhu se jżommhom milli jagħmlu dan iżda jridu jirrispettaw id-diċenza u l-intelliġenza ta’ l-elettorat. Min imiss mal-ħmieġ biex jitfgħu lil ħaddieħor ukoll ikun imċappas bl-istess ħmieġ!
Forsi l-argument li qam dan l-aħħar dwar fejn għandha tinqata’ l-linja bejn il-ħajja personali jew privata u dik pubblika tal-politiku swiet ta’ ġid għax ġegħlitna nirriflettu fuq kemm wara kollox il-politiku hu tad-demm u l-laħam bħal ħaddieħor u kemm għandna nuru bilanċ f’dik li hi etika u rispett lejn il-persuna. Alfred Sant qata’ l-għatx bil-perżut lil ħafna li kienu qegħdin isaqsu fuq li jsaqsu x’għandu u x’m’għandux u x’se jagħmel.
Wara l-istqarrija tiegħu, xorta kien hemm min qal li kien prematur li jidher fil-pubbliku u li ta dettalji żejda. Każ tipiku ta’ tkunx nejja jew maħruqa taqlagħha xorta. Wieħed jittama li fit-taqbida bejn il-partiti ma nispiċċawx nattakkaw lil xulxin fuq id-difetti personali u materji purament privati ta’ l-individwu. Jekk jiġri dan se nkunu tajjeb: nagħmlu kampanja elettorali dwar kollox barra dak li jinteressana politikament.
X’differenza tridu jara l-elettorat jekk il-proposti tal-partiti ftit jew wisq huma l-istess; jekk l-UE tibqa’ tittrattana l-istess ikun min ikun fil-gvern u jekk l-għażla nirriduċuha bejn il-ħajja personali ta’ l-individwi fit-tmexxija tal-partiti?
Nittama li din is-sena ma jkollniex għalfejn niċċelebraw il-bluha tal-Karnival darbtejn!

Intervista
Għal darb'oħra… Mary

Julia Farrugia tintervista lil Mary Spiteri


Editorijal

Opportuniżmu ‘smart'


Il Punt
Id-dritt li tmur lura d-dar qawwi u sħiħ
Rebecca Gatt

TONI U PEPPI
It-tfal u d-dixxiplina


Emmanuel Micallef
Fejn hi d-differenza?


Carmelo Mifsud Bonnici

Demokrazija jew teknokrazija



X'kien Jgħid
Dalwaqt it-tisfira tar-referee!



Wenzu Mintoff

Mastella


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075