Ittri | 20 ta’ Jannar 2008 Nr 64
Minn Eddy Privitera,
Mosta
It-Tnejn 31 ta’ Diċembru filgħaxija saru ċ-ċelebrazzjonijiet tad-dħul ta’ l-ewro fl-1 ta’ Jannar. Dakinhar ma ħassejtx li kelli niċċelebra għax dak in-nhar f’nofs il-lejl aktar ħassejt li kien qed isir id-dfin tal-munita nazzjonali tagħna, il-Lira Maltija. U waqt funeral ħadd mhu suppost li jifraħ u jiċċelebra!
Tant hu hekk li lanqas biss ħarist lejn l-istazzjonijiet lokali kollha li kienu qed jittrasmettu ċ-ċelebrazzjonijiet. Rajt biss l-istazzjonijiet Sky, BBC World u Rai Uno. Biex tagħqad, anki t-temp kien aktar jixraq għal xi funeral milli għal xi ċelebrazzjoni.
Dalgħodu, l-1 ta’ Jannar, meta qed nikteb din l-ittra, qomt u mort nixtri. Ewro u ewro ċenteżmi ma kellix għax tal-NECC qalulna li xorta konna nistgħu nibqgħu nixtru u nħallsu bil-Lira Maltija sa l-aħħar ta’ Jannar u ningħataw il-bqija bl-ewro. Għalhekk meta mort il-bank u rajt kju ma jispiċċa qatt ma ħabbiltx rasi għax ta’ l-NECC kienu serrħuli rasi li xorta se ninqeda.
Meta lil tal-ħanut għidtlu li kont se nħallsu bil-Lira Maltija, qalli: “Mela agħtini bl-eżatt għax m’għandix bqija bl-ewro!”
Naturalment tal-ħanut ma kienx se jnaqqasli l-prezz ħalli nkun nista’ nħallsu bl-eżatt u allura għidtlu: “Mela żomm il-bqija bħala rigal ta’ l-ewwel gidma li ngdimt bid-dħul ta’ l-ewro!”
Tal-ħanut daħaq u qalli: “Is-sena tajba.” Waqt li bil-fomm għidtlu “lilek ukoll”, f’qalbi għidt: “Għalih tajba żġur għax beda bi profit akbar milli kien jagħmel is-soltu meta kellna l-Lira Maltija.”
Min jaf kemm hemm ħafna oħrajn li diġà ngidmu bħali u diġà qed jisħtu s-siegħa u l-mument tad-dħul ta’ l-ewro f’pajjiżna, bħalma ilhom jagħmlu l-istess miljuni kbar ta’ nies fil-pajjiżi ta’ l-UE li diġà għandhom l-ewro. Imma ibqgħu ċerti li ta’ l-NECC se jgħidulna li kollox mexa ħarir. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Mary Spiteri
Editorijal
Il Punt
Rebecca Gatt
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|