Ittri | 20 ta’ Jannar 2008 Nr 64
Minn Philip Bonello,
Sliema
Fit-3 ta’ Diċembru kelli bżonn nibgħat flus barra malajr. Mort sal-HSBC u bgħatt Lm183.21 permezz ta’ bank transfer. Ħallast Lm5 bħala kummissjoni lill-bank.
L-HSBC qaluli li huma jibagħtu l-flus barra permezz ta’ bank ieħor u l-flus depożitati jkollhom il-kummissjoni ta’ dak il-bank imnaqqsa wkoll minnhom.
L-HSBC qaluli wkoll li huma jistgħu biss jobsru jekk flusi daħlux fejn ridt jien jew le u dan biss jekk kollox imur sew. Dan il-proċess qaluli li jieħu madwar erbat ijiem tax-xogħol u qabel ma jkunux jistgħu jgħiduli jekk flusi jkunux issarrfu jew le.
Wara erbat ijiem tax-xogħol qbadt ma’ barra iżda qaluli li flusi ma waslulhomx. Issuktajt nistenna sa għaxart ijiem
tax-xogħol iżda kollu għal xejn.
Qbadt mal-HSBC għal darba u għedtilhom b’dan kollu. Stħarrġu u qaluli li l-bank l-ieħor qalilhom li n-numru tal-kont li tajt jien kien ħażin. Qbadt ma’ barra minnufih biex nivverifika imma qaluli li dan in-numru ilhom jużawh għal snin twal u qatt ma kellhom xi problemi biex ħaddieħor minn barra jibgħatilhom il-flus.
Qtajtha li nittanta xortija mal-BOV. Dan kien fid-19 ta’ Diċembru. Fil-21 ta’ Diċembru kelli l-ferħa li nsib email minn barra tgħidli li flusi kienu waslulhom.
Sadanittant għedt lill-HSBC b’dan il-fatt u tlabthom jaraw kif jagħmlu biex iġibuli flusi lura.
Bħala konsumatur jidhirli li ladarba tajt l-informazzjoni korretta lil xi bank biex jibgħat flus f’ismi, nemmen li kemm-il darba nqala’ intopp fil-proċess ta’ bejn il-banek jien għandi nieħu flusi lura sa l-inqas milleżmu.
Wara bosta kuntatti oħra mal-HSBC fl-aħħar ħadt lura Lm156.36 fil-11 ta’ Jannar 2008. Minkejja l-provi li kont tajthom kollox sew u wrejthom ukoll li bl-istess informazzjoni l-BOV irnexxielu jaqdini, l-HSBC baqgħu jinsistu li ma jistgħux jagħtuni lura l-flus li ħallast bħala kummissjoni.
Meta mort biex nagħmel
it-transfer għand l-HSBC ma qaluli bl-ebda kundizzjonijiet. Aktar tard ħarist fuq il-faċċata ta’ wara tal-kopja tiegħi tad-dokument li tani l-bank u sibt għadd ta’ kundizzjoniet. Iżda fuq il-faċċata ta’ quddiem tad-dokument mhemm l-ebda referenza għalihom. Il-faċċata lanqas mhi innumerata ħalli dak li jkun tiġih f’moħħu biex jara x’hemm wara.
Rajt li l-bank ma jidhirlux li għandu jżomm ruħu responsabbli talli fdajtlu flusi biex jibgħathomli barra, sakemm, kif jingħad f’waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, ma jkunx hemm xi ‘negliġenza’ jew ‘xi ħadd ma jġibx ruħu sewwa’. Tallinqas hekk fhimt għax il-kundizzjonijiet huma miktuba bl-Ingliż tqil u legali. Il-verżjoni bil-Malti li jifhmu kulħadd ma teżistix. Sadanittant sirt naf li l-Western Union u l-Moneygram jistgħu jibgħatulek flus barra għal madwar Lm15 u dan jieħu xi kwarta. Ikunu jistgħu jgħidulek jekk flusek issarrfux jew le minnufih.
Kif intqal fil-Kotba Mqaddsa: dawk li għandhom widnejn, ħallihom jisimgħu. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Mary Spiteri
Editorijal
Il Punt
Rebecca Gatt
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|