MediaToday

Intervista | 20 ta’ Jannar 2008 Nr 64

Għal darb’oħra… Mary

Julia Farrugia tintervista lil Mary Spiteri

Il-kelma ‘anzjana’ trid u ma tridx tħossok diffiċli tapplikaha għal din il-mara. Li kieku mhux għax tkun tafha lil Mary Spiteri taħseb li għandha ftit ’l fuq minn xi 42 sena. Il-ġilda anke mingħajr irtokk hi perfetta għall-età tagħha. Tikmix ftit li xejn.
Il-mara timbarazza ruħha għal dan il-kumment.
“Grazzi li tarani hekk. Kumpliment għalija l-aktar għax ġej minn mara oħra. Wiċċi nieħu ħsiebu bħala rutina normali, innaddfu u nagħmel id-day creams u n-night creams,” tispjega Mary.
Imma tonfoq ħafna flus biex tibqa’ tidher hekk?
“Tul ħajti kollha jekk għamilt 20 facial ħafna! Imma d-dar nieħu ħsieb jien. Ma naffordjax li nixtri kremi li jqumu ħafna flus. Nixtri prodotti normali…forsi l-ogħla wieħed xi Lm12,” tistqarr.
Ir-riċetta għal din l-isbuħija, anke fl-età qrib li takkwista l-Kartanzjan, jidher li hi dovuta għal taħlita ta’ fatturi: apparti li tieħu ħsieb ir-rutina tal-ħasil ta’ wiċċha tgħid li għax baqgħet mara attiva u li għax probabbilment hi xi ħaġa ġenetika.
“Jien bqajt nagħmel kollox jien, anke l-ħasil ta’ l-art. Apparti li tista’ tkun ukoll li writtha mill-ġenituri. Missieri miet meta kellu 80 sena u kellu ġilda sabiħa ħafna,” tkompli l-kantanta filwaqt li minn fuq mejda pulita bir-ritratti taqbad żewġ inkwatri żgħar tal-fidda bil-ġenituri tagħha fihom.
Il-mistoqsija li togħkrok biex tistaqsiha hi awtomatika.
Għal liema raġuni reġgħet lura għall-Festival Kanzunetta għall-Ewropa? Il-mara tiskot għal ftit sekondi u mill-ewwel terġa’ tirranka bl-istess ritmu ta’ qabel.
“Il-verità hi li sentejn ilu mietli r-raġel li dejjem ħabbejt, John. Kont ili nħobbu għal 37 sena.
“Malli tliftu ħassejt li qisu għandi l-mewt ġo fija. Ħassejt li d-dinja spiċċat. Kelli vojt kbir. Qisu xi ħadd ħadli lili nnifsi.
“Kien jgħidli nkompli. U jien ridt inqum fuq saqajja. Se nkanta għalih il-ġimgħa d-dieħla.”
Imbagħad toħroġ il-passjoni ta’ artista ta’ veru.
“Li kieku ma kinitx il-mużika kienet tkun kerha wisq għalija,” din id-darba b’vuċi aktar soda mill-ewwel.
Nhar il-Ħamis li ġej fis-semi-finali tal-festival Mary se tinterpreta żewġ kanzunetti. My Last Encore ta’ Godwin Sant b’lirika ta’ Ray Agius u If You Believe ta’ Paul Abela u kliem ta’ Ray Mahoney.
Il-kantanta tistqarr li ma tistax tgħid liema minn dawn it-tnejn l-aktar li tippreferi.
“Għalija t-tnejn affaxxinanti. Qed nagħti l-100% fihom it-tnejn. Il-verità hi li meta nagħżel kanzunetta nara li togħġobni jekk le ma nkantahiex.”
“Dawn iż-żewg songs u oħra kont daħħalthom ukoll is-sena l-oħra imma ma kinux intagħżlu,” tiżvela Mary.
Din mhix sorpriża jew xi ħaġa ġdida fl-istorja tal-festival lokali. Kellhom l-istess destin il-kantanti Chiara u Olivia li fl-aħħar rappreżentazzjonijiet tagħhom barra minn Malta kien ġralhom l-istess bid-diska tagħhom. M’għaddietx fis-snin ta’ qabel u meta ikkwalifikat għall-Festival Kanzunetta għall-Ewropa rebħet hi u rrappreżentant lil Malta fil-Eurovision.
Lura għall-kanzunetti li se tinterpreta l-ġimgħa d-dieħla. Waħda minnhom ‘My Last Encore’ nistħajjilha tirrifletti l-ħajja personali tagħha, bħal meta kantant ikun għadu kemm ta wirja tant tajba li l-folla tkun trid terġa’ tisimgħu mill-ġdid u jgħajjat ‘Encore’, ‘Għal darb’oħra’. Hi din il-verità? Tixtieq twassal messaġġ li l-Maltin iriduha mill-ġdid għal suċċess ieħor?
“Min kitibli dawn iż-żewġ kanzunetti żamm f’moħħu storja ta’ mħabba mill-isbaħ li kulħadd jista’ jgħaddi minnha. My Last Encore issemmi s-suċċessi tiegħi, hemm dik il-persuna li tant inħobb, iċ-ċapċip, il-folla….qed noffri dan kollu s-suċċess għalih.”
Mary Spiteri tgħid li kulħadd jista’ jxebbah lilu nnifsu mal-kliem ta’ din l-istorja għax kulħadd kellu suċċess b’modi differenti.
“It-tieni kanzunetta hi dwar żewġ maħbubin, li jistgħu jkunu riflessi fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Tant l-imħabba hi kbira li tgħidlek li meta temmen, u għax tassew qed temmen, din ix-xi ħaġa sabiħa qed tiġri u qed tirnexxi,” tkompli Mary.
U x’se tilbes dakinhar li tinterpreta ż-żewġ kanzunetti?
“Waħda mill-ilbiesi xtrajtha barra minn Malta. It-tieni libsa hi xogħol tad-disinjatur Noel Muscat. Mhux aħjar inħalluha sorpiża kif inhuma l-ilbiesi u x’kulur huma?” titbissem Mary.
Il-mara għandha stil, klassi li diffiċli tispjegaha. Għandha preżenza li anke f’sempliċi intervista trid u ma tridx tosserva l-mod kif b’mod eleganti ċċaqlaq idejha, il-mod kif kultant ixxengel rasha u kif bejn pawsa u oħra titfa’ dik il-ħarsa attraenti.
Tħobbha jew tobgħodha hi mara mżejna b’dawn il-fatturi b’mod naturali u fl-ebda ħin ma tipprova tagħmel sforz biex tidher jew tinstema’ aħjar.
Il-kunfidenza tagħha fuq il-palk hi wkoll miżrugħa ġo fiha. Għal snin twal ħadmet bħala preżentatriċi fuq it-televiżjoni u dan jispjega l-preżenza dominanti tagħha x’ħin tkun fin-nofs fuq palk biex tagħti l-wirja tagħha.
In-nies jidher li laqgħu l-miġja lura tagħha fuq l-istaffa tal-festival ta’ qabel il-Eurovision b’mod tajjeb ħafna.
“Dik li affaxinatni – in-nies. Anke jekk mort nixtri f’supermarket il-Mosta jew inkun miexja fit-triq kulħadd ġej jifraħ bija. L-aktar li jagħtik gost hu li l-ferħ hu ġenwin, tinduna bis-sinċerità tan-nies,” tirrakkonta l-kantanta.
Nistaqsiha jekk hi personalment taqbilx li fil-Festival Kanzunetta għall-Ewropa jkunx hemm biss televoting jew ġurija mħallta.
“Naqbel li għandu jkun hemm it-tnejn li huma. Għandu jkun hemm il-ġurija ta’ l-esperti iżda magħha wkoll il-vot tal-Maltin u l-Għawdxin. Nemmen li l-poplu għandu d-dritt li jagħżel,” tinisti Mary Spiteri.
Ħafna kantanti żgħażagħ Maltin iħarsu lejn il-Eurovision bħala l-pedina biex jidħlu fix-xena internazzjonali. Iżda kif tista’ tħares lejn dan il-festival kantanta li għalqet is-60 sena? Qed tħares li timrah fi swieq barranin?
“Il-Eurovision hu vetrina. Jien meta mort kelli 45 sena. Dejjem kien hemm taħlita ta’ kantanti kemm żgħażagħ kif ukoll oħrajn stabbiliti. Minn naħa l-oħra, bir-rispett kollu wara li niġu mill-festival kulħadd sejjer ‘lil dak se nibagħtuh l-Istati Uniti. L-ieħor se nibagħtuh ’l hemm. Iżda kull kantant Malti li mar il-Eurovision għadu l-istess. Ħadd mill-Maltin ma tela’ f’xi top chart ta’ l-Istati Uniti. Imma jekk din tiġri ovvjament nieħu gost. Inkun l-aktar mara kuntenta,” tammetti Mary Spiteri.
Nistaqsiha jekk taħsibx li f’Malta nagħmlu ħafna għaġeb żejjed fuq il-Maltasong u l-Eurovision meta pajjiżi oħra bħall-Italja ilhom snin twal li waqfu jipparteċipaw.
“L-esaġerazzjoni mhi sabiħa f’xejn. Għax veru xi kultant qisha se taqa’ d-dinja. Jien fl-1975 kont mort Tokyo u rrappreżentajt lil Malta fil-World Popular Song Festival. Nista’ ngħid li hu wieħed mill-akbar seba’ song festivals tad-dinja. Dakinhar kont irbaħt l-Outstanding Performance Award bil-kanzunetta Go On tal-Maestro Għawdxi Joseph Vella,” tistqarr Mary.
Mal-ħajt tas-salott tad-dar tagħha hemm imwaħħla numru ta’ premijiet li kisbet f’festivals internazzjonali tul il-karriera tagħha fosthom fl-Awstralja.
Il-mara tgħidli li fil-festival ta’ Tokyo kien hemm xogħlijiet ta’ wħud mill-aqwa kompożituri fid-dinja fosthom Paul Anka u Elton John.
“U l-orkestra kien fiha 60 biċċa,” tirrimarka.
“Dan hu fattur ieħor li nara tilef il-Eurovision. Qabel kellu orkestra live. Jien x’ħin noħrog fuq il-palk, inkluż il-ġimgħa d-dieħla se nimmaġina li maġenbi hemm surmast u orkestra ħajja,” tammetti l-mara.
L-ispjegazzjoni ta’ dan il-ġest hu dovut għall-fatt li Mary sa minn meta kellha 11-il sena flimkien ma’ missierha kienet tkanta ma’ band live. Minn dakinhar dejjem għamlet l-istess inkluż f’ħafna mix-xogħolijiet tagħha.
Din tax-xogħol għandha fattur kurjuż. Ħafna drabi s-Sibtijiet filgħaxija l-mara tkun xogħol f’xi tieġ u allura tispiċċa ma ssegwix il-Festival tal-Maltasong u saħansitra qatt ma rat il-Eurovision.
“Qatt ma rajthom. Però l-Eurovision kont nirrekordjah. L-eċċitament ikun hemm u jinteressani nara kif marret Malta,” tispjega l-kantanta.
Għall-mistoqsija ta’ x’ħasset fit-tliet minuti li interpretat Little Child fl-1992 f’Malmo l-Isvezja Mary tammetti li anke jekk għal ftit ħin il-friefet jaħkmu lil kulħadd.
“Ngħidlek eżatt. Għadni niftakar saqajja saru jelly. Bdejt nitlob lir-Redentur. Imma kif smajthom jgħajtu ‘Mary Spiteri’, oooops, tar kollox,” telabora l-kantanta hekk kif bil-galbu ttella’ jdejha ’l fuq biex tispjega kif il-friefet żejda taru fix-xejn.
Nimbex lil Mary u nistaqsiha jekk temminx li l-ballads għaddiex żmienhom u jekk il-Eurovision sarx aktar wirja bħal fil-każ tal-Lordi.
“Naqbel iva li sar hekk il-Eurovision. Min għandu l-aqwa show. Imma jien xorta nemmen li l-aqwa hi l-vuċi. Meta tlajt jien la qgħadt niżfen, la kelli żeffiena … kultant s-sempliċità toħroġ aħjar.”
Sal-Ħamis li ġej il-mara tkompli għaddejja
bix-xogħol normali tagħha. Jiġri x’jiġri ‘l-festival tal-ġimgħa d-dieħla hu bidu għal avventura li permezz tagħha se twassal żewġ xogħlijiet ġodda lil dawk li għal qalbhom għandhom il-mużika,
il-pinna u l-vuċi Maltija. Għal darb’oħra, Mary.

Intervista
Għal darb'oħra… Mary

Julia Farrugia tintervista lil Mary Spiteri


Editorijal

Opportuniżmu ‘smart'


Il Punt
Id-dritt li tmur lura d-dar qawwi u sħiħ
Rebecca Gatt

TONI U PEPPI
It-tfal u d-dixxiplina


Emmanuel Micallef
Fejn hi d-differenza?


Carmelo Mifsud Bonnici

Demokrazija jew teknokrazija



X'kien Jgħid
Dalwaqt it-tisfira tar-referee!



Wenzu Mintoff

Mastella


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075