Il Punt | 20 ta’ Jannar 2008 Nr 64
Il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà hu aspett li f’ħajjitna sar iktar importanti minn qatt qabel mhux biss għax għandu influwenza diretta fuq il-kwalità ta’ ħajja li ngħixu iżda wkoll għax għandu rabta ma’ dak kollu li nagħmlu f’ħajjitna. Il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-bniedem mhux marbuta biss mal-ħin li jqatta fuq il-post tax-xogħol imma r-rilevanza tmur lil hinn minn dan għax tolqot ukoll branki soċjali bħalma huma x-xogħol u l-ħajja fid-dar, fil-postijiet edukattivi u sportivi u anki dawk ta’ rikreazzjoni.
Fil-mod ta’ ħajja li ngħixu llum jeżistu ħafna ostakli biex jintlaħqu livelli ta’ ħarsien effettiv tas-saħħa u s-sigurtà. Pereżempju fuq il-post tax-xogħol teżisti l-pressjoni biex il-produzzjoni titlesta fil-ħin biex jintlaħqu l-miri, il-limitazzjonijiet finanzjarji u kif ukoll il-kumplessitajiet fl-għamla ta’ l-organizzazzjonijiet u l-mod ta’ kif naħsbu, huma ftit minn dawn l-ostakli.
Il-GWU konxja minn dan kollu u għax tħoss il-polz tal-ħaddiema taf li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema jagħmlu ħilithom biex xogħolhom iwettquh b’effiċjenza anki b’periklu għal saħħithom. Hawn fejn jinsabu l-għeruq tal-problema. Ħafna drabi l-ħaddiema ma jkunux konxji tal-perikli li jkunu fihom jew meta jkunu jafu jibqgħu siekta għax jibżgħu li jitilfu l-impjieg. Mhux hekk biss, iżda anki min iħaddem ġieli jikkunsidra s-saħħa u s-sigurtà bħala spiża żejda li ttellfu mill-profitt.
U forsi għalhekk li Malta tinsab ferm wara pajjiżi oħra Ewropej fir-rigward tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà, l-iktar fl-infurzar tal-liġijiet u regolamenti relatati. Imma ma nistgħux nibqgħu nipposponu u nħallu jgħaddi iktar żmien biex nimplimentaw il-metodi li għandna u oħrajn ġodda għax inkella nkomplu nassistu għal iktar korrimenti gravi u fatali fuq il-postijiet tax-xogħol.
Is-sitwazzjoni kif inhi llum f’dan il-qasam ma tnaqqas xejn mill-isforzi kbar u kontinwi ta’ l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Iżda din, bil-limitazzjonijiet li għandha ma tistax tagħmel mirakli. Għaliex, kif jista’ jkun li bin-numru ta’ ħaddiema u spetturi tagħha tlaħħaq ma’ kollox u kullimkien meta Malta donnha saret sit wieħed ta’ kostruzzjoni?
Dan minbarra il-ħafna u d-diversi postijiet tax-xogħol oħra li wkoll għandhom problemi fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Barra minn hekk, qatt ħsiebna kemm min jaħdem f’din l-Awtorità jista’ jiġi imminat għax ikun jrid iwettaq ħidmietu tajjeb?
Bl-għarfien ta’ dawn il-problemi u l-ostakli kollha l-GWU ilha żmien tinsisti kullimkien biex il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tingħata importanza ikbar. Il-GWU tisħaq fuq il-fatt li l-ħaddiem jirritorna lura lejn daru qawwi u sħiħ wara ġurnata xogħol mhux privileġġ iżda dritt bażiku.
Madankollu l-korrimenti u l-imwiet li għadhom iseħħu juru li ftit li xejn sar u li għadna bogħod biex inkunu kuntenti u sodisfatti li l-ħajja u s-saħħa tal-ħaddiema jiġu qabel kull kunsiderazzjoni ekonomika u finanzjarja. Forsi ftit naħsbu fuq kemm ikun aħjar kieku l-Gvern u min iħaddem jinvestu aktar fuq il-prevenzjoni tas-saħħa u s-sigurtà milli qed jispiċċaw iħallsu ħafna spejjeż u jidħlu f’bosta nkwiet kulmeta jkun hemm mewt jew korriment gravi fuq il-post tax-xogħol.
Il-Konferenza Nazzjonali li se jorganizza l-Istitut tas-Saħħa u s-Sigurtà tal-GWU nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Jannar għandha l-għan ewlieni li l-imsieħba soċjali verament jgħaddu mill-kliem għall-fatti.
Qed jiġu mistiedna dawk li jistgħu jagħtu kontribut fosthom il-partiti politiċi, it-trade unions, l-awtorità tas-saħħa u s-sigurtà, għaqdiet ta’ min iħaddem u esperti. Hi l-fehma tal-GWU li jekk fl-impenn tagħhom il-kumpaniji jkunu responsabbli soċjalment, billi jinkludu bħala dritt tal-bniedem il-ħarsien tas-saħħa u l-ħajja fuq il-post tax-xogħol, allura s-sitwazzjoni tkun ferm aħjar mil-lum. Biex dan jista’ jseħħ il-kumpaniji jridu wkoll idaħħlu sistemi effettivi li jrażżnu l-inċidenti u l-mard industrijali billi jsir investiment qawwi f’xiri ta’ makkinarju u lbies protettiv ma’ programmi intensivi u estensivi ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-ħaddiema.
Forsi għandu jibda jingħata rendikont pubbliku ta’ xi jkunu qed jagħmlu l-organizzazzjonijiet lokali dwar is-saħħa u s-sigurtà, iktar u iktar meta jkunu ippressati bit-tlestija tal-produzzjoni.
Għat-tul il-GWU temmen ukoll li minn ċkunithom it-tfal għandhom jitrawmu kif jieħdu ħsieb saħħithom u ħajjithom, kultura li mbagħad iwassluha fuq il-post tax-xogħol meta jibdew jaħdmu.
Għaldaqstant l-edukazzjoni għandha tkun il-mezz li ssaħħaħ kultura preventiva u għandha tkun ukoll il-mezz ewlieni biex dan l-għan jintlaħaq. Dan ifisser li l-aspett tas-saħħa u s-sigurtà għandu jkun parti integrali mill-programmi kollha ta’ tagħlim.
Rebecca Gatt hi uffiċjal eżekuttiv tal-GWU |
|
Julia Farrugia tintervista lil Mary Spiteri
Editorijal
Il Punt
Rebecca Gatt
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|