MediaToday

Editorjal | 20 ta’ Jannar 2008 Nr 64

Opportuniżmu ‘smart’

L-aħħar inizjattiva li ħareġ biha l-Ministru Austin Gatt li l-Gvern jissussidja l-broadband internet għal sena waħda biss lill-ewwel 5,000 persuna li jirreġistraw għandha rieħa qawwija ta’ opportuniżmu politiku lejlet l-elezzjoni. L-inizjattiva m’għandha l-ebda valur soċjali u mhix intiża biex kulħadd ikollu l-opportunità jifforma parti minn ‘Smart Island’, il-kunċett ta’ soċjetà u pajjiż imsejsa fuq it-teknoloġija ta’ l-informatika mill-iktar avvanzata.
Irid jingħad li din l-inizjattiva hi iffinanzjata minn flus pubbliċi. Biex 5,000 persuna jingħataw il-broadband internet bil-prezz ta’ €3 fix-xahar il-Gvern ikun qed joħroġ sussidju lill-kumpaniji privati li jipprovdu s-servizz.
Lil hinn mill-eżerċizzju pubbliċitarju li se naraw nhar is-Sibt bi kjuwijiet twal ta’ nies jistennew il-ħniena tal-Ministru Gatt ħalli jagħtihom l-internet, il-kwistjoni hi iktar serja għax marbuta mal-prinċipju ta’ governanza tajba. Il-flus pubbliċi li se joħroġ il-Gvern f’dan il-każ se jintefqu bl-aħjar mod? Se jilħqu l-għan tagħhom biex jagħmlu l-broadband internet aċċessibbli għal kulħadd? Il-pajjiż u s-soċjetà se jieħdu lura l-valur għal flushom minn dan l-eżerċizzju?
Wisq nibżgħu li t-tweġiba għal dawn it-tliet mistoqsijiet hi ‘le’.
Se nkunu ħraqna flus pubbliċi fuq eżerċizzju ta’ sena waħda biss mingħajr ma nieħdu xejn lura għat-tul. Min illum ma jiflaħx iħallas għall-internet biex uliedu wkoll ikollhom aċċess għal din l-għodda ta’ tagħlim, wara li tgħaddi din is-sena fejn ikun ħallas il-prezz irħis ħafna ta’ €3 fix-xahar, se jerġa’ koppi s-sena ta’ wara. Dan l-eżerċizzju mhux se jgħin biex min hu miftum mill-aċċess għall-għodda moderna ma jibqax lura fit-tellieqa.
Nemmnu li l-aċċess għall-internet, f’soċjetà li iktar ma jmur qed issir dipendenti fuq l-għoti tas-servizzi pubbliċi permezz tat-teknoloġija moderna, mhuwiex lussu imma bżonn. Għalhekk hu ġust li fondi pubbliċi jintużaw biex jgħinu lill-familji foqra, it-tfal żvantaġġati u l-anzjani jkollhom aċċess għall-internet biex b’hekk jingħataw l-opportunità li huma wkoll ikunu ċittadini sħaħ.
Iżda din l-għajnuna trid tkun imsejsa fuq il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali, fuq regoli miftehma li japplikaw għal kulħadd u mhux fuq strateġija partiġġana intiża biss biex tagħti vantaġġ politiku lil xi ministru.
U għalhekk hu iktar oxxen li t-tqassim tas-sussidju lil 5,000 persuna se jsir fuq bażi ta’ min jilħaq l-ewwel (first come first served basis). Taħt il-maskra ta’ ministru twajjeb li qed iqassam il-ġid hemm il-kefrija fil-konfront ta’ dawk li verament jixtiequ jkollhom aċċess għall-broadband internet imma ġenwinament m’għandhomx il-mezzi finanzjarji jew l-għarfien li din tista’ tkun għodda utli għal uliedhom. Jekk fil-lista tar-reġistrazzjoni dawn il-persuni jkunu fil-5,000 post u wieħed, jew mhumiex infurmati biżżejjed biex japprezzaw it-teknoloġija, jibqgħu l-art.
Din mhix ġustizzja soċjali imma karità mnawra li tiddependi fuq il-volontà tal-ministru u mhux fuq il-bżonn ta’ l-individwu. Hu mod kif iġġib lin-nies tallaba minflok mezz kif tgħinhom iqumu fuq saqajhom ħalli jieħdu f’idejhom ir-riedni ta’ ħajjithom f’idejhom.
Jekk il-Gvern beħsiebu jibqa’ għaddej b’din l-istrateġija allura f’ġieh it-trasparenza u l-kontabbiltà nippretendu li tkun ippubblikata lista awditjata tan-nies li se jkunu qed jibbenefikaw mill-iskema u minfejn huma.
Kif inhuma l-affarijiet illum il-bieb hu miftuħ beraħ għall-abbuż għax m’għandna l-ebda garanzija li l-5,000 vawċer li se jqassam Austin Gatt mhux se jkun hemm minnhom li jispiċċaw f’idejn nies tad-distrett bħala karrotta ta’ qabel l-elezzjoni.

Min se jħallas?
L-investigazzjoni dwar il-prezzijiet tal-mediċini li qed issir mid-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni miexja bil-mod meta wieħed iqis kif jinbidlu ċerti prezzijiet.
Hu tajjeb li tard is-sena li għaddiet il-Gvern iddeċieda li jieħu azzjoni dwar il-prezzijiet tal-mediċini. Dan hu settur essenzjali fejn il-kompetizzjoni fis-suq mhux bilfors taħdem kif għandu jkun għax hi mxekkla minn interessi kbar finanzjarji u professjonali. Għalhekk jeħtieġ li l-Gvern ikun viġilanti.
Uħud mill-prezzijiet li treġġgħu lura mid-Diviżjoni tal-Konsumatur jikkonfermaw li xi importaturi u kumpaniji tal-farmaċewtika kienu qed jagħmlu profitti esaġerati. Il-prezzijiet li bdew jitolbu lill-konsumatur kienu abbużivi u ta’ dan ma setgħu jagħtu l-ebda spjegazzjoni kredibbli u ġustifikabbli.
Meta tqis li f’xi każijiet il-prezzijiet li bdew jintalbu kienu ta’ iktar minn 20 fil-mija ogħla mill-medja Ewropea bilfors tasal għall-konklużjoni li dawn in-negozjanti għamlu flejjes tajba ħafna minn dan l-abbuż.
Madankollu mhux lakemm il-Gvern jordna li l-prezzijiet jorħsu. Dawn il-kumpaniji jeħtieġ ipattu lura lis-soċjetà għall-abbuż li wettqu.

Intervista
Għal darb'oħra… Mary

Julia Farrugia tintervista lil Mary Spiteri


Editorijal

Opportuniżmu ‘smart'


Il Punt
Id-dritt li tmur lura d-dar qawwi u sħiħ
Rebecca Gatt

TONI U PEPPI
It-tfal u d-dixxiplina


Emmanuel Micallef
Fejn hi d-differenza?


Carmelo Mifsud Bonnici

Demokrazija jew teknokrazija



X'kien Jgħid
Dalwaqt it-tisfira tar-referee!



Wenzu Mintoff

Mastella


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075