X'kien jgħid? | 13 ta’ Jannar 2008 Nr 63
F’dawn il-ġranet ġie jżurna l-President George Bush Junior u se jkun qatta’ b’kollox xi tmint ijiem fil-Lvant Nofsani. Ma nafx għaliex Bush qed ifakkarni f’dawk li jibdew iħossu l-effett taż-żmien u jaraw il-mewt ġejja għalihom u fid-daqqa u l-ħin jibdew jaħsbu f’ruħhom wara ħajja mimlija debuxxar u tbaħrid.
Hekk kif beda l-aħħar sena tiegħu fil-White House, Bush Junior bħal donnu ra d-dawl u qalbu bdiet taħarqu għall-Palestinjani. Mhux biss qal li t-twaqqif ta’ stat Palestinjan jinsab fil-qrib, imma anki saħaq li biex dan l-istat ikun wieħed vijabbli jeħtieġ li Iżrael jirtira minn qagħdiet tiegħu fit-territorji Għarab okkupati.
Skond Bush Junior l-Istat Palestinjan irid ikun wieħed kontigwu, iġifieri mhux kif inhi s-sitwazzjoni ta’ llum fuq naħa l-istrippa ta’ Gaza li hija maqtugħa fiżikament minn naħa l-oħra, ix-Xatt tal-Punent tax-xmara Gordan, sitwazzjoni li Bush ixebbaħha ma’ biċċa ġobon tat-toqba.
Issa li mhux se jkollu jitqaħħab aktar għall-voti u r-rikatt tal-vot Lhudi fl-Amerika qajla jista’ jkollu iktar effett fuqu, Mr. Bush bħal donnu dispost iktar li jirriskja u jieħu inizjattivi kuraġġuzi bit-tama li b’riħet il-Palestinjani fl-aħħar jirnexxilu jiskorja suċċess fil-kamp internazzjonali u jtemm il-presidenza fuq nota tajba. Biex jilħaq l-għan tiegħu Bush qed jimbotta kemm jiflaħ, tant li kien hemm mumenti fejn anki qabeż il-linja meta beda jħeġġeġ lill-partiti mseħbin fil-koalizzjoni fit-tmexxija ta’ l-Iżrael biex jibqgħu jsostnu l-gvern ta’ Ehud Olmert u Condi Rice kellha tgħaddilu nota biex jagħlaq ħalqu u jżomm il-brejkijiet.
Il-politika mimlija sorpriżi u affarijiet imprevidibbli, u wara snin jissemma’ fil-batal minħabba l-intervent diżastruż Amerikan ġewwa l-Iraq, min jaf għadx Bush Junior jispiċċa jitniżżel fl-istorja bħala s-sensar ewlieni li bil-ħila tiegħu tkun inħallet il-kriżi fil-Lvant Nofsani u l-Palestinjani jkollhom l-istat tagħhom?
Ngħid għalija togħġobni s-sistema li għandhom l-Amerika fejn il-President ma jistax idum iktar minn tmien snin fil-kariga. Din ir-regola kienet iddaħħlet wara li Franklin D. Roosvelt kien rebaħ erba’ elezzjonijiet in fila u l-aħħar snin tiegħu fil-White House spiċċalhom ġo wheelchair.
Jgħidu li minħabba f’hekk f’Yalta Stalin kien spiċċa ġera b’Roosevelt meta nqasmet l-Ewropa bejn il-Lvant u l-Punent. Issa ħallik li minn kif żviluppaw l-affarijiet f’dawn l-aħħar snin, din ir-regola tilfet ftit mill-effett tagħha bid-dinastiji politiċi li ffurmaw ruħhom fil-politika Amerikana.
L-ewwel bdew il-Kennedys fis-snin Sittin u li ma kienx għat-traġedja wara l-oħra li għaddiet minnhom dik il-familja, żgur li kienu jiddominaw ix-xena politika Amerikana għal snin twal.
Imbagħad kien hemm George Bush Senior li f’temp ta’ tmien snin spiċċa jissuċċedih fil-presidenza ibnu George Bush Junior. U issa hemm ċans li Bill Clinton jerġa’ jidħol fil-White House bis-saħħa ta’ martu Hilary.
Ara hawnhekk fl-Egittu m’għandniex minn dawn is-sinifeteti li għandhom l-Amerikani. Tant hu hekk Hosni Mubarak ilu kważi 30 sena jirrenja. L-elezzjonijiet li jsiru hawnhekk, jekk tista’ ssejħilhom elezzjonijiet, isiru biex ikunu saru.
Avolja Malta, sintendi, mhiex l-Egittu, xorta waħda inthom spiċċajtu għamiltu l-ewwel 16-il sena kontinwi bl-istess partit fil-Gvern, imbagħad għamiltu 18-il sena kważi kontinwi bil-partit l-ieħor fil-Gvern. Medda ta’ 16 jew 18-il sena bl-istess klikka ta’ nies fil-poter hu perjodu ta’ żmien twil wisq li minnu nnifsu jaf ikun ta’ theddida għat-tħaddim xieraq tad-demokrazija fil-pajjiż.
Min ma jbiddilx iqammel jgħid il-Malti, u anki jekk ftit hemm ikun hemm x’tagħżel bejniethom, kif kien jgħid wieħed mis-santi padri tal-politika Maltija, Fenech Adami, iċ-ċiklu naturali ta’ partit fil-Gvern, m’għandux ikun ta’ iktar minn 10 snin biex isseħħ l-alternanza . U jkolli ngħid għal darba, Dr Edward kellu raġun.
Is-sliem għalik. |
|
Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef
Editorijal
Il Punt
John Zammit
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|