MediaToday

Wenzu Mintoff | 13 ta’ Jannar 2008 Nr 63

F’ġieh Sant’Iermu

‘Bogħod mill-għajn, bogħod mill-qalb’ jgħid il-Malti. Sant’ Iermu maqful kif inhu ta’ forti li hu fil-ponta tal-Belt mhux eżattament fil-qabda tan-nies. Allura ftit huma dawk li jafu bl-istat ta’ telqa, żdingar u abbandun li tħalla fih matul is-snin. F’sitwazzjoni bħal din min hu irresponsabbli jimxi fuq il-premessa falsa li la ma jitweġġgħux l-għajnejn, suppost li lanqas il-qalb m’għandha tweġġa’ daqstant.
Wara kollox il-Gvern ta’ dan il-pajjiż qajla ħabbel rasu fejn iweġġgħu l-għajnejn aħseb u ara meta l-għawġ u l-imgħawweġ ikun ’il bogħod minnhom. Ħu mid-daħla tal-Belt Kapitali tagħna minn fejn jgħaddu l-eluf kuljum u fejn insibu speċi ta’ bazaar Tork biswit il-ħofra kbira li ħallew il-bombi Ġermaniżi fis-sit fejn xi darba kellna t-Teatru Rjal. Intefqu mijiet ta’ eluf kbar fuq tħażżiż ta’ pjanti u disinni u kienu mqabbda periti mhux biss lokali imma anki ta’ fama internazzjonali.
Kien hawn ukoll kontroversji qliel u sħan dwar id-disinni stunati u l-pjanti biżarri ta’ Renzo Piano, biex kważi 20 sena wara għadna mwaħħlin b’dik il-porkerija.
Forti Sant’ Iermu reġa’ lura għand il-Gvern Malti meta l-Ingliżi kienu bdew iżarmaw minn Malta. Irridu nammettu li dak li ħallewlna warajhom l-Ingliżi dak iż-żmien ma ndokrajniehx kif kien imiss. Sfortunatament konna bqajna bil-mentalità żbaljata ta’ l-antik li dak li kien tar-‘Reġina’ seta’ jinsteraq, miżapproprijat u użat ħażina.
Il-patrimonju li ħallewlna l-Ingliżi, għal raġunijiet ovvji kien fl-iktar partijiet strateġiċi u pittoreski tal-gżira. Flok għarafna li dan kellu jiġi kkurat bħala parti mill-ġid komuni ta’ dan il-pajjiż, ħallejnieh jiddeterjora jew jinħataf għall-egoiżmu ta’ dak jew ta’ l-ieħor, daqslikieku kien għadu tar-Reġina.
Sant’ Iermu, bħal postijiet oħrajn li kienu f’idejn is-Servizzi u li mhumiex fil-qabda ta’ kulħadd, bħal ngħidu aħna l-Forti Manoel, faċli aktar biex id-dnub jorqod. Għalhekk Sant’ Iermu spiċċa kif spiċċa. Qed jaqa’ biċċiet, kollu ħmieġ, hu post fejn jinżammu l-karrijiet tal-Karnival, klieb tal-ġlied u Alla biss jaf xi jsir iktar hemm ġew.
Kellu jkun permezz tal-film internazzjonali Midnight Express li parti sewwa minnu nħadmet fil-Forti Sant’Iermu, li ħafna Maltin saru jafu bil-kobor u l-valur storiku ta’ dan il-forti.
L-ewwel u l-aħħar darba li kelli x-xorti nirfes f’Sant’ Iermu t’isfel kien meta rajt il-grada mbexxqa u dħalt inkiss inkiss. Ta’ kurżitajr li jien li nħobb niftaħar li m’hawnx sqaq, trejqa, mgħoddija jew rokna f’Malta jew Għawdex li m’għaddejtx minnu jew dħalt fiha, u rajt kif għamilt u dort dawra ta’ malajr.
Kien qisu l-post fejn ħallha l-karkura tiegħu x-xitan u litteralment ridt toqgħod b’seba’ għajnejn fejn tirfes għax it-tkissir, biċċiet tal-ħġieġ, imbarazz u ħmieġ ma’ kullimkien kien indeskrivibbli.
Ma nafx kemm-il sena oħra għaddiet minn dakinhar u wara kważi 20 sena ta’ Gvern Nazzjonalista, il-Ħadd li għadda, tista’ tgħid f’kull gazzetta, kien hemm suppliment li jiswa l-eluf ta’ liri minn flus il-poplu. Kollu ritratti tal-kulur fuq karta tleqq li kien jgħid x’suppost huma l-pjanijiet tan-Nazzjonalisti għal Sant’Iermu. Bħal dak li qallu li fis-snin li għaddew mhux huma li kienu fil-Gvern imma l-erwieħ, il-fantażmi jew il-firien li hemm iduru fil-forti Sant’Iermu.
M’għandniex xi ngħidu, il-proposti dwar Sant’ Iermu li ħarġu bihom Agostino Pio Gatt u Dr. Gonzi daqstant tard fil-ġurnata meta l-Gvern tagħhom jinsab fl-aħħar ġranet tiegħu, żgur li ma jistgħux jitwettqu minn issa sa l-elezzjoni li ġejja. Forsi jkun twettaq xi ħaġa minnhom sa l-elezzjoni ta’ wara u l-forsi hi waħda kbira jekk tieħu r-ritmu kajman u letarġiku li s-soltu jimxi bih dan il-Gvern.
Minbarra li skond ma jgħidu huma stess, tal-PN mhux lakemm jirbħu l-elezzjoni li jmiss. L-hekk imsejħa ‘Viżjoni għal Sant’ Iermu’ ta’ Gonzi & Gatt mhi xejn ħlief numru ta’ proposti elettorali li qajla jistgħu jittieħdu bis-serjetà jekk tara t-track rekord ta’ dan il-Gvern għal dawk li huma proġetti nazzjonali. Proposti bi proposti, kull partit għandu jkollu aċċess għall-istess faċilitajiet iffinanzjati mit-taxxi tal-poplu.
Wara kollox l-elettorat għandu kull dritt ikun infurmat bid-diversi alternattivi li se jkollu quddiemu meta jiġi biex jivvota u mhux li jiġi bbumbardjat bil-ħasil ta’ l-imħuħ imħallas minn flusu stess.
Imma f’dan il-pajjiż teżisti Kummissjoni Elettorali li filwaqt li hi ossessjonata bl-irqaqat u biċ-ċuċati bħal siġilli, timbri, perspeksijiet u garzelli hi għal kollox mitruħa u bla saħħa għal dawk li huma poteri maħsuba biex ikun żgurat li jkun hemm level playing field fit-taqbida demokratika bejn il-partiti.
Fost l-ideat viżjonarji u brillanti li hemm fil-‘Viżjoni għal Sant’ Iermu’ ta’ Gatt u Gonzi, insibu fost affarijiet oħra li hemmhekk għandu jsir moll għal cruise-liners, ċentru kulturali, żona mingħajr traffiku, kif ukoll rotta storika. Dwar il-pont tal-ħadid li kien jgħaqqad x-xatt mal-breakwater li kien tkisser bil-bombi tal-għadu iktar minn 60 sena ilu, jidhirli li ma ntqal xejn jekk hux se jerġa’ jinbena nkella hux se jitneħħew il-biċċiet tal-ħadid imsaddad li fadal minnu.
Imma l-iktar proposta ta’ barra minn hawn li tispikka fil-Viżjoni Nazzjonalista għal Sant’ Iermu tgħid li għandu jinbena mill-ġdid il-fanal (il-lighthouse) li hemm f’dan il-forti.
‘Viżjoni għal Sant Iermu’, ‘Viżjoni għall-Port il-Kbir’ u viżjonijiet għal ma nafx kemm-il ħaġa oħra. Fil-fatt Joe Saliba m’ilux wisq kien iddeskriva lill-Gvern Nazzjonalista bħala l-‘Gvern ta’ Harry Potter’.
Li tkun għadek tfal u jkollok il-viżjonijiet, u toħlom bil-ħrejjef u bil-fantasiji hi ħaġa kważi naturali. Imma li jkollok l-età tiegħek, issir adult u jibda wkoll jaqgħalek xagħrek jew jitlagħlek l-abjad u tibqa’ toħlom bil-viżjonijiet u bl-alluċinazzjonijiet, bilfors li f’moħħ dak li jkun ikun hemm xi ħaġa li mhix qed tiffunzjona sewwa. Bl-istess mod ma tantx jirrifletti wisq tajjeb, li wara kważi 20 sena ta’ Gvern ikollok partit li għadu jogħxa bil-viżjonijiet, meta dak li kellu jagħmel imissu ilu li għamlu.

Intervista
Fuq Alfred Sant, l-ewro u l-patrunaġġ politiku

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef


Editorijal

L-iżball ta' l-NECC


Il Punt
Iċċensurawni please!
John Zammit

TONI U PEPPI
Fejn tibda u tieqaf il-ħajja pubblika tal-politiku?


Emmanuel Micallef
Il-buffet elettorali


Carmelo Mifsud Bonnici

“The Audacity of Hope”



X'kien Jgħid
L-alternanza



Wenzu Mintoff

F'ġieh Sant'Iermu


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075