TONI u PEPPI | 13 ta’ Jannar 2008 Nr 63
Il-poplu għandu dritt ikun jaf dwar kif il-politiċi tagħhom jaħsbuha fuq ċerti suġġetti u x’inhu l-istil ta’ ħajja tagħhom. Il-politiċi li jgħixu f’dinja ta’ privileġġi u li għandhom ukoll is-setgħa li jfasslu regoli għas-soċjetà ma jistgħux jippretendu li aħna ma nsirux nafu aktar ħwejjeġ dwarhom, li kien għalihom iżommu mistura. Għalhekk il-ħajja privata tagħhom tista’ tkun ta’ interess għall-pubbliku.
Iżda bħal dejjem fi kwistjonijiet etiċi, il-mistoqsija li titqanqal hi: safejn għandna naslu?
Qabel xejn irridu nagħmlu għażla, bejn x’tip ta’ kampanji pubbliċitarji rridu li jkollna. Fl-Amerika ħafna mit-tqasqis ta’ l-Istampa mhux indirizzat lejn kif jaħsibha politiku iżda pjuttost kif jgħix.
Fl-Istorja kien hemm politiċi li f’ħajjithom wettqu riformi kbar u wara mewthom sirna nafu ħwejjeġ dwar il-ħajja privata tagħhom, li kieku sirna nafu bihom f’ħajjithom kien ikollhom ħajja politika qasira u allura ma kienu jwettqu xejn mir-riformi li jkunu għamlu. L-Amerikani f’dan is-sens jibbrillaw li jikkonċentraw fuq il-persuna aktar milli fuq il-kwistjonijiet politiċi.
Min-naħa l-oħra, f’pajjiżi bħall-Ġermanja, jarawha mod ieħor. Aktar jagħfsu fuq dak li jemmen fih politiku milli fuq kif jgħix privatament. Qisu hemm ftehim bejn l-Istampa u l-politiċi li jħarsu f’għajnejn xulxin fis-sens li jekk dak li jinstab fuq il-ħajja tal-politku għalkemm jista’ jkollu valur kummerċjali, mhux daqstant ta’ interess għall-pubbliku anke jekk l-aħbar fiha nnifisha tkun sensazzjonali, dan għandu jiġi miżmum.
Meta Edward Stoiber, il-mexxej tad-Demokristjani Ġermaniżi, kien il-ħin kollu jisħaq li hu kien idum 34 sena ma’ l-istess mara, botta ċara għal Gerhard Schroeder għax iżżewweġ diversi drabi, ma swietu għal xejn. Il-poplu Ġermaniż xorta għamel għazla fuq bażi ta’ issues u mhux ta’ tqasqis.
Illum il-ħwejjeġ qegħdin ftit ftit jinbidlu għaliex l-istampa saret aktar kummerċjalizzata. Altru tippubblika ħwejjeg fuq il-politici biex kemm jista’ jkun tkun sensazzjonali ħalli tbiegħ kemm tiflaħ u jiżdiedu t-tirati tal-gazzetta, altru tippubblika biex tinforma lill-pubbliku fuq ħwejjeġ li jaħarqu.
Sa ftit ilu l-gazzetti kienu jsiru jafu bil-ħwejjeġ privati ta’ politiċi b’mod l-aktar naturali u każwali, bħal meta l-mara ta’ ministru li qiegħda f’separazzjoni ma’ żewġha tikxiflu għajnu fuq l-investimenti li għandu.
Iżda llum dan kollu tbiddel. Il-gazzetti saru attivament jispjunaw, iħufu u jfittxu, għax l-interess tagħhom hu li f’dinja kummerċjalizzata u kompetittiva, joħorġu b’ritratti u aħbarijiet sensazzjonali. Dawn ix-xorta ta’ aħbarijiet saru garanzija li ma tagħlaqx il-gazetta tiegħek.
L-agħar meta l-informazzjoni fuq xi politiku avversarju tibda tingħata minn min għandu pożizzjoni dominanti fis-soċjetà jew li jiffinanzja l-ispjunaġġ fuq xi politiku li jiskomodah. Żgur li qiegħed f’pożizzjoni dominanti l-Partit li qiegħed fil-Gvern li għandu aċċess u għandu f’idejh l-informazzjoni kollha fuq kull wieħed minna.
Ftit jimporta li hemm id-Data Protection Act għax meta ċerta informazzjoni jkun hemm bżonn li toħroġ, dejjem ħarġet. Din hija sitwazzjoni perikoluża. Hawnhekk l-Istampa trid toqgħod attenta li ma tispiċċax tagħmel parti minn xi eġenomija politika.
Meta dan l-aħħar qrajt l-informazzjoni medika fuq Alfred Sant x’aktarx ħarġet mill-isptar, tkexkixt. Bejn l-obbligu li l-pubbliku jinżamm infurmat fuq saħħtu u dak ta’ spjunaġġ fuq saħħtu, hemm baħar jaqsam. Meta gazzetta partikolari dan l-aħħar tat ċerti dettalji mediċi u saħansitra anke allarmat, ħareġ ċar kemm hemm xi ħadd minn wara l-kwinti li mhux wisq qiegħed jinforma lill-pubbliku, iżda jagħti palata lil min għandu pożizzjoni dominanti, jiġifieri lill-Partit li jinsab fil-Gvern.
Anke l-paraguni saru dwar meta Eddie Fenech Adami kien ma jiflaħx. Dawn kienu barra minn lokhom, għax dakinhar ħadd ma staqsa l-mistoqsijiet mikroskopiċi li qegħdin jagħmlu llum dwar Alfred Sant, tant li sa llum ħadd għadu ma jaf x’kellu eżatt Eddie Fenech Adami, u lanqas ma rrid inkun naf. Wieħed irid jara x’hemm wara l-aġenda ta’ din l-aħbar.
Proprju fuq din il-kwistjoni, dawk li jridu jmexxu l-aġenda tal-Gvern joħorġu bl-argument li huwa dritt tal-poplu Malti li jkun jaf kif inhi saħħet il-persuna li x’aktarx se jkun Prim Ministru ta’ Malta.
X’aktarx il-ġar tiegħi illum hekk qiegħed jargumenta għax, ħaġa tal-għaġeb kemm kultant jikkoinċidi ma’dawk li jiddefendu lill-Gvern. Iżda jekk trid tagħmel sens minn dan l-argument, ma nistax nifhem għaliex meta l-Prim Ministru staqsewh x’jaħseb dwar dan is-suġġett fl-istil ekkleżjastiku tiegħu biex ifuh u jidher qaddis, qagħad lura milli jikkummenta u ħalla lil ħaddieħor jagħmel xogħlu fl-istampa ‘indipendenti’.
Jekk is-suġġett għandu jkun diskuss, allura anke l-Prim Ministru għandu jipparteċipa fih. Illum, għalija l-affarijiet huma ċari. Il-Partit Nazzjonalista se jiġġieled kampanja elettorali permezz ta’ l-intermedjarji.
Wieħed irid jara wkoll il-kuntest li fih tingħata aħbar dwar il-ħajja privata ta’ politiku. Jekk ikollok politiku li ma jipprova jieħu l-ebda vantaġġ mill-ħajja familjari tiegħu u xi ħadd jipprova jħammġu minn dan l-aspett, allura l-aħbar tkun inġusta. Darba ippruvat tagħmel dan Daphne Caruana Galizia fil-konfront ta’ Alfred Sant u kulħadd qal li żelqet fin-niexef.
Iżda jekk kellna niskopru li Lawrence Gonzi għandu mara oħra, li assolutament mhux il-każ, meta f’din il-kampanja elettorali kulma jonqsu hu li jorbot lil Kate ma’ qaddu, allura l-istorja tkun ħaġ’oħra. L-aġir tal-ħajja privata ta’ politiku jakkwista valur tremend meta fil-ħajja politika jkun qiegħed iġib ruħu mod ieħor.
Iżda f’Malta għandna t-tendenza li ninsew it-travu li hemm f’għajnejna. L-argument ta’ llum huwa marbut ħaġa waħda sfieq mal-prinċipju ta’ trasparenza fil-politika.
Waqt li l-klieb tal-għassa tal-Partit Nazzjonalista jridu jagħmlu festa minn saħħet Alfred Sant, jonqsu intenzjonalment jagħtu tweġiba għall-ammont ta’ mistoqsijiet li wkoll huma marbuta ma’ dan il-prinċipju: li l-partit li hemm fil-Gvern huwa l-uniku partit li ma jridx li jkun hemm liġi dwar il-finanzjament tal-partiti.
Naħseb li huwa dritt tal-poplu li jkunu jafu liema huma dawk il-kuntratturi u negozjanti kbar li qegħdin jiffinanzjaw lill-Partit fil-Gvern u li allura bilfors qegħdin jinfluwenzaw il-politika tiegħu.
Naħseb li ħafna qegħdin jinsew li wasalna lejlet elezzjoni ġenerali, u l-Gvern għadu sa l-aħħar jagħmel użu mill-Kumitat tal-Kontijiet tal-Parlament, magħmul minn maġġoranza ta’ Membri Parlamentari Nazzjonalisti, bħallikieku dan huwa magna tal-ħasil statali. Dan il-kumitat sar biċċa għodda biex jiġi skartat prinċipju li issa tant qiegħed jissemma fil-każ ta’ saħħet Alfred Sant: it-trasparenza!
Għaliex nies bħal Richard Muscat, u issa anki Jesmond Mugliett, mill-ewwel jirrikorru għal dan il-kumitat fejn jafu li hemm maġġoranza ta’ Membri Parlamentari Nazzjonalisti minflok imorru quddiem organi aktar imparzjali? Għaliex il-ġurnalisti li llum tant għandhom għal qalbhom saħħet Alfred Sant, dejjem kienu timidi li jagħmlu dawn il-mistoqsijiet?
Kulħadd nesa li l-istedina li għamel Alfred Sant lill-Prim Ministru biex id-dibattiti politiċi jsiru taħt il-ħarsien ta’ nies li m’għandhomx is-sufra miżduda ta’ Lou Bondi u Joe Azzopardi, sa llum għadha ma ġietx milqugħa. Stedina li hija wkoll konfortata minn dikjarazzjonijiet li għamlu dan l-aħħar kemm il-Bord Editorjali tal-PBS kif ukoll l-Awtorità tax-Xandir.
Il-proposta saret biex jiġi assigurat il-prinċipju ta’ trasparenza. Iżda milli jidher il-Prim Ministru għandu definizzjoni stramba ta’ trasparenza politika: l-aktar li jħossu trasparenti, fejn l-aktar iħossu komdu.
Ma jridx li meta jkun dieħel għal xi dibattitu jara tabella bil-kliem: ‘Non gode immunitas ecclesia’.
Madwar sentejn ilu kont fuq tal-linja u poġġa ħdejja turist. It-tnejn konna sejrin lejn il-Belt. It-turist staqsieni nispjegalu fejn kien il-Kon Katidral ta’ San Gwann. Jiena minn hemm kont se ngħaddi. Allura offrejtlu li nwasslu sa ħdejh. Meta mexjin, min isellimli u nsellem lura, min jgħaddili xi botta, min jgħidli prosit tal-programm, min jieqaf jeħodli b’idejja.
F’dak il-ħin kont insejt lit-turist miegħi jarani nsellem lil kulħadd. Wara ftit qalli: ‘Qaluli li intom komunità żgħira li kważi kulħadd jaf lil xulxin. Imma ma ħsibtx li daqshekk!” Għamilt it-triq nidħaq. U nirrifletti.
Meta kont żgħir dejjem kelli x-xewqa li nsir popolari. Ma kontx nifhem kif ikun hawn min jgħid li l-popolarita’ bdiet idejqu. Kont naħseb li qed jigdeb. Għamilt żmien anke jiena nigdeb “taparsi qed niddejjaq li jien popolari u jafni kulħadd.”
Imma llum nammetti li jiġu mumenti li ġenwinament inkun nixtieq li ma jafni ħadd u ngħaddi minn Triq ir-Repubblika b’mod anonimu. Iżda din hija xewqa impossibbli. Ma nistax nippretendi li nibqa’ nippreżenta Xarabank u ma jkun jafni ħadd. Għandi dritt għal ħajja privata? Dażgur. Iżda rrid jew ma rridx naċċetta li l-ħajja privata tiegħi hija limitata.
Aħseb u ara l-ħajja tal-Prim Ministru jew Kap ta’ l-Opożizzjoni. Huwa prezz kiefer li qed ikollu jħallas Alfred Sant li għadda minn operazzjoni maġġura u din tispiċċa l-iktar aħbar importanti fil-pajjiż.
Għax ngħiduha kif inhi, x’jiġifieri ssir Konferenza Stampa u l-professur li għamillu l-operazzjoni joqgħod jgħidilna ċerti dettalji fuq il-qagħda tiegħu? Mhux biss għalih iżda anke lill-familja tiegħu?!
Pereżempju, x’jiġri jekk forsi għandek persuni qrib fil-familja li ma tixtieqx toqgħod tinkwetahom bil-kundizzjoni li jista’ jkollok? Imma jkollok tgħidilhom għax inkella jispiċċaw jinfurmawhom il-gazzetti. X’jiġri jekk tkun persuna li lanqas int ma trid tkun taf ċertu dettalji u għax tkun persuna pubblika tispiċċa tarahom fuq it-televixin?
Is-saħħa ta’ Prim Ministru u l-Kap ta l-Oppożizzjoni mhux hemm biex aħna naqtgħu il-kurżità li lkoll għandna anke jekk naħbuha. Minkejja l-prezz għoli, ġenwinament inħoss li l-informazzjoni dwar saħħet Prim Ministru jew Kap ta’ l-Oppożizzjoni mhix kwistjoni ta’ kurżità. Huwa dritt taċ-ċittadini li jkunu nfurmati bil-qagħda medika ta’ persuni fil-karigi ta’ Prim Ministru jew ta’ Kap ta’ l-Oppożizzjoni li fi ftit xhur oħra jista’ jkun Prim Ministru. In-nuqqas ta’ privatezza jiġi mal-pakkett ta’ karigi bħal dawn. Għalhekk il-politika hija missjoni diffiċli ħafna.
Attakki personali
Fuq ONE TV u fuq Net nisimgħu li l-politiċi qed ikunu attakkati b’mod personali min-naħa l-oħra. Kull darba niftaħ widnejja biex nara x’seta’ ntqal. Ħafna drabi ma jkunu attakki personali xejn. Inħoss li fuq iż-żewġ naħat tlifna s-sens ta’ x’inhuma attaki personali. Ħafna drabi issir kritika ħarxa ta’ stil ta’ tmexxija jew ta’ xi żball politiku li jkun sar jew qed isir. Allura dawk attakki personali?
Lanqas ngħidlu attakk vili għax in-Net ġabu storja ta’ x’qal Sant f’artikli fit-Times. Hija ħaġa pożittiva li Alfred Sant qed jaqleb għall-aħjar u qed ikun preżenti fostna permezz tal-kitba tiegħu.
F’dan is-sens l-MLP kien qed juża l-fatt li Alfred Sant għadda minn operazzjoni maġġura biex bħal donnu jwaqqaf kritika politika li ma tista’ qatt tissejjaħ attakk personali.
Attakk vili kien dak fuq l-eks Prim Ministru Fenech Adami li meta kien qed jagħmel l-operazzjoni maġġura u li nzertat lejlet l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali kien hemm persuni li ċemplu fuq ir-radju jinsinwaw li Fenech Adami għażel li jagħmel l-operazzjoni biex iġib simpatija lejliet l-elezzjoni.
Niftakar kont fil-karozza nisma’ r-radju u ma stajtx nemmen li kont qed nisma’.
Minn dak iz-zmien aħna bħala poplu immaturajna. In-nies li xtaqu fejqan ta’ malajr lil Alfred Sant kienu ġenwini. Titkellem ma’ persuni fil-privat li assolutament ma jaqblux mal-politika ta l-MLP jgħidulek li Alfred Sant jinsab fi ħsiebhom u tħoss li qed jgħidu hekk mhux biex jidhru ħelwin iżda għax minn qalbhom juru solidarjetà f’sitwazzjoni hekk diffiċli għal Alfred Sant u l-familja tiegħu.
|
|
Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef
Editorijal
Il Punt
John Zammit
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|