MediaToday

Aħbarijiet | 13 ta’ Jannar 2008 Nr 63

Jo Zette ma taqtax qalbha, terġa’ tipprova s-sena d-dieħla

Mary Spiteri lura fil-Kanzunetta għall-Ewropa b’żewġ diski

FRANICA PULIS fliet il-lista ta’ min għadda għas-semi-finali tal-Festival Kanzunetta għall-Ewropa u ma tantx hi impressjonatha

Wieħed jista’ jimmaġina d-daħqa li biha ħarġu fuq wiċċhom il-kantanti meta saru jafu li Jo Zette ma ntagħżlitx għas-semi finali tal-Kanzunetta għall-Ewropa. Mid-dehra l-kjass li kienu ħolqu kien għalxejn għax l-ġurija barranija ma kinitx sodisfatta bid-diska Catwalk interpretata minn Ray Calleja b’karattru ta’ prostituta obesa. Uħud mill-kantanti li kienu jikkompetu għall-istess festival ħasbu li Calleja kien se jwaqqa’ għaċ-ċajt l-iktar festival prestiġjuż li għandna fl-Ewropa, il-Eurovision, bl-ispettaklu li kien se jagħti!
Skond Ray Calleja, Jo Zette ma ħaditx għaliha imma qalet li mhux se tieqaf hawn u għas-sena d-dieħla “xi ħaġa jiġri żgur”. Calleja, għalkemm ma ra l-ebda mġiba negattiva lejh, żied jgħid li jista’ jimmaġina li kien hemm xi ħadd mill-kantanti li ħa r-ruħ li hu m’għadux jikkompeti kontriehom.
Mill-kummenti li tpoġġew fuq il-forum ta’ l-ESC Malta ħafna ħaduha ħażin li Jo Zette m’għaddietx għas-semi finali. “Uff, bla Jo Zette. Boring din is-sena mela hi!”, “Malta qatt mhu se nitgħallmu. M’aħniex nies biex nippruvaw xi ħaġa ġdida bħal Jo Zette. X’tagħmel!” u “What a boring compilation of names… we never learn… thought it was the year Malta would have a kick at Eurovision with Jo Zette. U ejja. Let’s not be surprised if we don’t make it to the finals this year… same boring shit as usual” kienu ftit mill-kummenti li nkitbu.
Għas-semi-finali għaddew 17-il diska minflok 16 għax tnejn minnhom ġew indaqs. Kanzunetti ta’ mħabba mill-ismijiet tad-diski jidher li hemm erbgħa għalkemm wisq probabbli hemm xi tnejn oħra ’l hemm u ’l hawn li jtambru fuq il-qalb u lil hinn minnha.
Li hemm interessanti din is-sena hu r-ritorn ta’ Mary Spiteri b’żewġ diski u b’waħda minnhom jisimha My Last Encore. Min jaf din hix l-aħħar darba li se tkanta Spiteri?
Skond il-forum Mary Spiteri ntlaqgħet tajjeb u le. Hemm min jaħseb li żmienha għadda għall-Eurovision, min semma li se tirbaħ żgur għax il-Laburisti se jivvutaw lilha anke jekk id-diska tkun tal-qamel u min deher kuntent li se jkun hemm xi ħadd ta’ livell għoli jikkompeti.
Oħrajn ikkummentaw li l-Kanzunetta għall-Ewropa, bħal snin oħra, se jkun eżerċizzju inutli għax se jkun hemm l-istess erba’ kantanti li jkantaw id-diski tagħhom. Wieħed mill-fost ħafna kummenti li jixbhuh kien: “Festival bejn sitta minn nies. Qegħdin sew, eh. Ma nifilħux naqgħu aktar għaċ-ċajt.”
Fil-fatt din is-sena minbarra Mary Spiteri hemm ukoll Klinsmann, Claudia Faniello u Pamela li għandhom żewġ diski, li jagħmlu nofs l-ammont tad-diski parteċipanti. Minbarra l-istess kantanti l-festival għandu ħabta wkoll ibati mill-istess awturi tal-kitba u tal-mużika. Din is-sena hemm tliet diski minn Paul Giordimaina u Fleur Balzan, ħamsa minn Philip Vella u Gerard James Borg u tlieta oħra minn Ray Agius bi tnejn minnhom ma’ Godwin Sant. Isem ġdid għal dan il-festival hu Jean Claude Vancell li kiteb il-mużika u l-kliem għad-diska li se jkanta hu stess, Contradiction.
Bħala ismijiet tad-diski jispikkaw GO ta’ Klinsmann, li wieħed mill-ewwel jistaqsi jekk hux isem marbut ma’ l-isponsor tal-festival. Imma iktar minnha jispikka l-isem Caravaggio!
Caravaggio, x’isem ta’ diska hu? Li jkollok sena dedikata lil dan l-artist li tispiċċa kważi tobogħdu minflok tapprezzah għax tixba’ tisma’ dwaru fiha u ma fihiex. Imma li tagħmel diska dwaru għall-Eurovision hu mod kif tispara f’saqajk u tirbaħ il-punti biex tilħaq il-quċċata tal-patetiċità. Casanova u Vodka mhumiex wisq aħjar, imma nsomma, ormai drajna naraw imbarazz u nonfqu flus fil-vojt għall-festival li l-Maltin iqisuh il-qofol tal-kultura Maltija.
Is-semi finali se jsiru fl-MFCC nhar il-Ħamis 24 ta’ Jannar. It-tmien diski li jintagħżlu jgħaddu għall-finali tas-Sibt 26 ta’ Jannar. Dakinhar id-diski jintagħżlu bi 80 fil-mija permezz tat-televoting u 20 fil-mija bil-ġurija. Il-biljetti jinstabu għall-bejgħ fuq www.maltaticket.com u bosta ħwienet.

Intervista
Fuq Alfred Sant, l-ewro u l-patrunaġġ politiku

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef


Editorijal

L-iżball ta' l-NECC


Il Punt
Iċċensurawni please!
John Zammit

TONI U PEPPI
Fejn tibda u tieqaf il-ħajja pubblika tal-politiku?


Emmanuel Micallef
Il-buffet elettorali


Carmelo Mifsud Bonnici

“The Audacity of Hope”



X'kien Jgħid
L-alternanza



Wenzu Mintoff

F'ġieh Sant'Iermu


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075