Aħbarijiet | 13 ta’ Jannar 2008 Nr 63
Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt
 L-istazzjon tar-radju Awstraljan 3ZZZ hu stazzjon etniku komunitarju li jxandar programmi kull siegħa b’aktar minn 63 lingwa differenti fuq 92.3 FM. Il-komunità Maltija għandha tliet sigħat fil-ġimgħa li fihom ixandru l-programmi Qatt m’int waħdek, Inservik u Ejjew Oqogħdu mix-xandara voluntiera Paul Vella, Mario Sammut, Lewis Stafrace u Emmanuel Brincat. Bejniethom jiġbru varjetà ta’ mużika Maltija, sports, ċajt, marċi, qari ta’ proża u poeżiji, intervisti u aħbarijiet fuq Malta.
Bħalissa hemm 150 membru Malti u hu stmat li hemm madwar 20,272 semmiegħa Maltin minn 400,000 (5.1%) li jsegwu l-programmi Maltin fuq dan l-istazzjon. Il-programmi jinstemgħu mal-Victoria kollha u fuq l-internet.
“Hemm hafna semmiegħa li jsegwu l-programmi ta’ 3ZZZ minn fuq l-internet minn Malta, l-Istati Uniti, l-Amerka t’Isfel, il-Kanada, ir-Renju Unit, l-Iskozja, Franza, Dubai u postijiet oħra madwar
id-dinja.
L-interess u l-apprezzament hu kbir u jidher min-numru ta’ emails li jintbagħtu,” qal Vella li ilu jaħdem ta’ xandar għal dawn l-aħħar 10 snin. Hu kien joqgħod il-Gżira u emigra lejn l-Awstralja fl-1965. Malta kien jaħdem bħala operatur tal-linotype mat-Times of Malta u l-Berqa. Kompla fuq l-istess xogħol f’Melbourne u issa hu irtirat.
“Is-semmiegħa jħobbu ħafna l-kanzunetta Maltija u 3ZZZ hu wieħed mill-iktar stazzjonijiet li jdoqq kanzunetti Maltin. Darba qalulna li ndoqqu aktar kanzunetti Maltin milli jdoqqu fuq ir-radju f’Malta,” kompla jgħid Sammut li minkejja hu l-iżgħar xandar fost l-erbgħa u emigra l-iktar tard minnhom ilu jaħdem fuq ir-radju madwar 20 sena. Malta kellu negozju tal-għodda f’Ħal Lija. L-Awstralja hu magħruf bħala wieħed mill-aħjar DJ’s u minbarra 3ZZZ għandu programm ieħor bil-Malti fuq 3GCR f’Gippsland. Hu wkoll Viċi-Konslu Onorarju għal Malta f’Gippsland.
Isemmi wkoll l-kantanti maħbubin mas-semmiegħa Maltin fl-Awstralja fosthom Walter Micallef, l-għannej Ġanni Laus, Enzo Gusman, Freddie Portelli, Mary Spiteri, Renato u Philip Vella.
Brincat mill-Imsida, li hu wkoll il-Viċi-President fuq il-bord ta’ l-istazzjon 3ZZZ, żied jgħid: “Is-semmiegħa tagħna huma dejjem għatxana għal dak kollu li hu Malti u b’dawn il-programmi jżommu kuntatt sod ma’ Malta u b’dak li jkun qed jiġri hemm kif ukoll iżommu ħajja l-kultura, l-istorja u l-ilsien Malti fihom.
“Fil-programmi nġibulhom intervisti ma’ nies prominenti u oħrajn li jżuru l-Awstralja minn Malta. Fost dawn kellna lil Prim Ministru Lawrence Gonzi u lill-Kap tal-Oppożizzjoni Alfred Sant kif ukoll kantanti li żaru Melbourne bħal Enzo Gusman, Renato, Freddie Portelli u Kimberly Grech.”
F’Malta Brincat kien jaħdem ma’ l-ABC Library. Wasal l-Awstralja fl-1964 u ilu jxandar għal 12-il sena fuq 3ZZZ. Xogħlu hu ta’ Lighting Sales Manager & Consultant.
Stafrace mill-Belt, li hu l-ikbar fosthom u emigra fl-1949, ilu jxandar madwar sentejn. Qabel irtira kellu ħanut tal-għamara fl-Awstralja. Hu kompla jgħid li s-semmiegħa tal-programmi Maltin huma minn 30 sena ’l fuq. Dan minħabba li ż-żgħażagħ Maltin-Awstraljani jfittxu aktar programmi kummerċjali bl-Ingliż.
“Il-ġenerazzjoni taż-żgħar, għalkemm m’għandhomx in-nostalġija bħalna li ġejna minn Malta snin ilu, xorta juru interess f’Malta speċjalment dan l-aħħar. Iż-żgħażagħ saru juru aktar interess u meta jsiefru jippruvaw imorru Malta biex jaraw minn fejn ġew il-ġenituri u n-nanniet tagħhom,” temm jgħid Stafrace.
Fil-kumitat tal-grupp Malti hemm ukoll Mary Anne Brincat, Mary Baldacchino u Gejtu Deguara.
Il-programmi jmorru fuq l-internet siegħa wara li jixxandru fuq http://www.3zzz.com.au u jibqgħu hemm għal ġimgħa sħiħa. Jekk hemm kantanti Maltin, anki dawk li għadhom jibdew bil-karriera tagħhom u jixtiequ jibagħtu xi CDs bil-kanzunetti tagħhom għandhom jibagħtu fuq polvel@connexus.net.au. |
|
Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef
Editorijal
Il Punt
John Zammit
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|