Aħbarijiet | 13 ta’ Jannar 2008 Nr 63
Sabrina Agius
sagius@mediatoday.com.mt
Tifla ta’ 13-il sena din il-ġimgħa ntbgħatet il-ħabs wara li nstabet ħatja li kissret il-paċi pubblika u feriet b’mod ħafif tifla oħra ta’ l-istess eta’. Jidher li f’dan il-każ kienet il-prosekuzzjoni, li kontra s-soltu, insistiet mal-Qorti biex tingħata piena daqshekk ħarxa.
Din il-piena kienet deskritta minn Patri Mark Montebello mill-għaqda Mid-Dlam għad-Dawl bħala “inumana u krudili”.
L-avukati tat-tifla Vincent Micallef u Andy Ellul qalu li l-liġi ma tatix indikazzjonijiet ċari ta’ x’għandu jsir f’każjiet meta minuri jxelfu diffrejhom mal-ġustizzja għall-ewwel darba f’każijiet ta’ offiżi mhux gravi.
Minkejja li l-piena taqa’ fil-parametri tal-liġi, f’dan il-każ, bil-kontra ta’ li jiġri s-soltu l-Pulizija insistiet li l-Maġistrat jordna d-detenzjoni tat-tifla anke jekk it-tifla kellha fedina penali nadifa.
Sakemm it-tifla bdiet tiskonta l-ewwel ġurnata tagħha fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin nhar it-Tlieta li għadda, it-tabib tal-ħabs iddeċieda li t-tifla tintbgħat Mount Carmel minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
Dan kien konfermat lil din il-gazzetta mid-Direttur tal-ħabs Sandro Gatt. Hu qalilna li “meta detenut jasal il-ħabs, issirlu vista mit-tabib. F’dan il-każ, it-tifla kellha ċertifikat mingħand it-tabib biex isirlha transfer għal Mount Carmel. It-tifla inżammet f’ċella waħedha u qadet hemm għal ftit sigħat biss.”
It-tifla se tinżamm Mount Carmel sa nhar it-Tlieta li ġej meta tkun skontat is-sentenza tagħha.
Id-Direttur Ġenerali ta’ l-isptarijiet John Cachia ikkonferma li t-tifla daħlet Mount Carmel minħabba raġunijiet mediċi. Madankollu hu ma riedx jgħid x’kienu dawn ir-raġunijiet.
Il-kwistjoni kollha tmur lura għal f’Marzu tas-sena li għaddiet meta t-tifla kien għad kellha biss 12-il sena. It-tifla, kienet fil-kumpannija taż-żewġt iħbieb oħra ta’ 14-il sena, meta ġġieldet ma’ xi tfal oħra fil-Belt. Wara l-inċident it-tfal li ġew attakkati marru jagħmlu rapport fl-għassa. Kien fuq dan ir-rapport li l-pulizija ressqu t-tifla ta’ 12-il sena l-qorti.
Waqt li ż-żewġ tfajliet sħab it-tifla ssentenzjata appellaw mis-sentenza mgħotija mill-Magistrat Anthony Vella, it-tifla spiċċat intbgħatet il-ħabs għax il-familja ddeċidiet li ma tmurx għall-appell.
Skond Patri Montebello l-Pulizija qatt ma misshom ressqu t-tifla “għaliex każijiet ta’ ġlied bejn it-tfal ma jitressqux lejn il-qorti.”
“L-iżball tal-maġistrat kien li tefa’ lit-tifla l-ħabs. Tfal ta’ 12-il sena ma titfaħhomx il-ħabs,” sostna Montebello. |
|
Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef
Editorijal
Il Punt
John Zammit
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|