MediaToday

Sport | 13 ta’ Jannar 2008 Nr 63

L-umiltà u d-disponibbiltà tan-Numru 9

F’ġimgħa mill-aktar impenjattiva kont ftit xettiku kemm l-Uffiċju Stampa ta’ Juventus kien se jagħtini plejer għal 15-il minuta biex nintervistah waħdi b’mod esklussiv.
Lil Marco Girotto, il-persuna responsabbli, domt jumejn intella’ u nniżżel jekk għandix ngħidlu jew le sakemm lejl fost l-oħrajn ġieni l-kuraġġ li nistaqsih.
Kif tisma’ l-kelma Juventus, l-ewwel ismijiet li jiġu f’moħħok huma Alessandro Del Piero, Gianluigi Buffon, Mauro German Camoranesi, Vincenzo Iaquinta, Pavel Nedved u David Trezeguet. Fl-ewwel erbgħa hemm l-unur ta’ Champions tad-Dinja. Fiċ-Ċek hemm l-unur ta’ rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb u f’ta’ l-aħħar hemm persuna li għall-flokk Juventin jagħmel kollox.
Għall-ewwel kien indeċiż jgħidlix iva jew le sakemm wegħidni li se jagħmel minn kollox biex jirranġali. Anki jekk ħabib tiegħi, fis-sitwazzjoni kif kienet ippreferejt ma ngħidlux lil min xtaqt.
Meta erġajt rajtu l-għada qalli li kien tkellem ma’ Vincenzo Iaquinta u li kien aċċetta din l-intervista. Qatt ma kont immaġinajt qabel li wieħed mill-persuni li kelli f’moħħi kien se jpoġġi quddiemi b’mod privat.
L-appuntament kien fil-lukanda Le Meridien nhar il-Ħamis fis-1pm. Ir-reception area kienet waħda tas-soltu għal din il-ġimgħa. Nies jistennew bil-qiegħda u jisperaw li minn ħin għal ieħor jitfaċċa xi idolu biex jieħdu ritratt miegħu jew firma tiegħu.
Sakemm nasal sal-lift li jtellagħni fl-ewwel sular ma nikkalkula lil ħadd. Bżajt li seta’ kien hemm min jobsor fejn kont sejjer.
Fl-ewwel sular insib lil Girotto jistennini. Ftiehem ma’ Fabio Ellena biex fuq itellagħni hu. Kont qed nistenna li Vincenzo jinżel ħdejja iżda ma kienx il-każ.
Ellena jgħidli biex insegwih sal-lift. Meta kif jidħol nara subajgħ fuq in-numru 9 fhimt mill-ewwel li kont se nitla’ fl-aktar parti delikata li kien hawn fil-pajjiż fil-mument. B’kumbinazzjoni nzerta wkoll in-numru li juża Vincenzo fil-karriera.
Hekk kif jinfetaħ il-lift nisma’ d-daħk ġej min-naħa ta’ ġewwa. Il-membri tas-Sigurtà sellmulna kollha. Kollha kienu Maltin u l-probabbiltà hi li basru għalxiex kont tlajt hemm fuq.
Sakemm nasal sal-parti ta’ ġewwa jsellmuli Gigi Buffon, Giorgio Chiellini u Nicola Legrottaglie. Kollha kienu f’burdata li jsaffru u jkantaw. Vincenzo Iaquinta bilkemm ma joħroġx jiżfen. Kos…kemm ikunu differenti meta fuqhom ma jkollhomx il-pressjoni tal-media, il-flashes tal-cameras tar-ritratti b’mod kontinwu u l-fittaġni li jridu jiffirmaw il-ħin kollu lil kulħadd. Vincenzo jgħidli biex nagħtih minuta sakemm imur sal-kamra tiegħu.
Meta jiġi lura jpoġġi ħdejja fuq il-mejda u b’mod daħkan jgħidli,
“Dimmi tutto.” Sadattant ninnota lil Fabio Ellena bilqiegħda ħdejja bħala osservatur. Anki jekk f’Malta jien ikkunsidrat bħala ‘ta’ ġewwa’ mas-soċjetà Juventina, ma nagħtihomx tort li ma jafdaw lil ħadd. F’dawn l-aħħar snin il-media Taljana niżlet fil-baxx fuq is-soċjetà tal-Juventus.
Vincenzo jispjegali x’tip ta’ persuna hu u kif ta’ tifel żgħir daħal fid-dinja tal-futbol.
“Nemmen li persuna trankwilla bħal ħafna persuni oħra. Nirringrazzja lil Alla li qiegħed fid-dinja tal-futbol li ħafna joħolmu u jisperaw li jkunu fiha. Kulmeta ma nkunx okkupat bil-futbol nieħu pjaċir bl-aktar affarijiet sempliċi.
“Bdejt nilgħab il-ballun meta kelli 10 snin. Kont nilgħab fit-toroq mal-ħbieb tiegħi. Il-ballun kien dejjem il-ħolma ta’ ħajti u dejjem ridt li nkun plejer professjonali, għalkemm li tilgħab fis-Seria A mhux xi ħaġa faċli. Jien irnexxieli b’determinazzjoni kbira u b’sagrifiċċju enormi f’kull sessjoni ta’ taħriġ.”
Vincenzo Iaquinta twieled fil-21 ta’ Novembru 1979 f’Cutro, l-Italja. Beda l-karriera tiegħu bħala plejer ma’ Reggiolo fejn lagħab 30 partita u skorja tmien gowls. Fl-1998 ingħaqad ma’ Padova fejn wara 13-il partita skorja tliet gowls u kompla l-istaġun ma’ Castel Di Sangro. Magħhom lagħab 52 logħba u skorja tmien gowls.
Hu ħa l-akbar popolarità fl-2000 meta ngħaqad ma’ Udinese. Magħhom lagħab 176 partita u skorja 58 gowl. Fis-sajf li għadda, Vincenzo wettaq dik li hu stess isejħilha l-ħolma ta’ ħajtu billi ngħaqad ma’ klabb kbir. L-offerta ta’ Juventus aċċettaha mill-ewwel.
“Il-ħolma ta’ tifel żgħir kienet li nilgħab il-futbol fl-ogħla livell. Biss kien diffiċli ħafna sakemm wasalt sal-quċċata u dan hu diffiċli għal kulħadd. Biss jekk fil-ħajja tibqa’ temmen sa l-aħħar ibqa’ ċert li xi darba tasal. Hawnhekk ninsab tajjeb ħafna.
“Jien bdejt nilgħab ma’ Regiolo, il-klabb tal-post fejn twelidt. Lgħabt fis-setturi kollha tal-Youths tal-klabb. Ma’ l-istess tim lgħabt ukoll fil-kampjonat intereġjonali biex kien minn dan iż-żmien li bdiet il-karriera tiegħi bħala plejer professjonali.”
Nistaqsih għalxiex jaħseb li l-Juventus kienu interessati fih u x’sodisfazzjon iħoss li llum qiegħed jilgħab ma’ wieħed mill-ikbar klabbs fid-dinja.
“L-opportunità li nilgħab mal-Juventus ġiet għax impenjajt ruħi bis-serjetà u dejjem emmint li nista’ nasal. Dejjem ħlomt li nilgħab ma’ tim kbir bħal Juventus. Fl-aħħar irnexxieli u issa nispera li nibqa’ għal ħafna snin ma’ din is-soċjetà.
“Mill-ewwel ġurnata ta’ l-irtir tiegħi mal-Juventus rajt entużjażmu kbir fost il-partitarji Bianconeri. Fhimt mill-ewwel kemm hi kbira din is-soċjetà u x’imħabba hawn fid-dinja għal Juventus. Hi waħda mir-raġunijiet għalfejn inħossni fortunat li qiegħed hawn.”
Ikellimni wkoll fuq il-kowċ Claudio Ranieri. Illum wieħed jista’ jsejjaħlu l-Akkwist tas-Sena għal Juventus.
“Il-kowċ ġie mal-Juventus f’mument fejn kienu għaddejjin minn perjodu xejn faċli. Kien hawn ħafna plejers ġodda u l-Juventus kienu għadhom kif irritornaw fis-Serie A. Biex jgħaqqad grupp ta’ plejers li jkunu jistgħu jikkompetu ma’ l-ewwel sena ma kinitx faċli. Ranieri minn dan il-lat għena ħafna biex tagħna l-mentalità rebbieħa mill-ewwel.”
Nistaqsih fuq il-kampjonat tas-Serie A. Jidher fiduċjuż meta nistaqsih kif qed jara dan il-kampjonat
“Fil-mument ninsabu fit-tielet post, punt taħt ir-Roma. Il-ħsieb prinċipali tagħna hu li nibqgħu sa l-aħħar nagħtu fastidju lil Inter. Jien naħseb li mbilli noħolmu li nirbħu l-iscudetto ma nkunu qed nitilfu xejn. Se nagħmlu minn kollox sa l-aħħar logħba tal-kampjonat. Irridu nieħdu kollox logħba logħba u pass pass u nippruvaw nirbħu dejjem. Din hi l-mentalità li rridu ninżlu biha fil-grawnd.”
Huma ħafna dawk il-Juventini li ħassewhom dispjaċuti li fil-partita ta’ nhar l-Erbgħa ma rawx lill-benjamini tagħhom jirbħu u jagħtu spettaklu. Saħansitra tilfu l-Betfair Cup fl-għoti tal-penalties kontra Valletta. Lil Vincenzo nistaqsih biss, “X’ġara?”
Jirrispondini bla tlaqliq.
“Xejn. Ma ġara xejn importanti. Ħdimna ħafna fil-jiem li għamilna hawn u konna xi ftit għajjenin. Nifhem li l-Juventini Maltin riduna nirbħu u nagħtu spettaklu kontra l-Belt. Imma l-importanti kien li l-ebda plejer ma jweġġa’. Kontra Valletta kienet biss partita ta’ ħbiberija li se tgħinna għall-kumplament tal-kampjonat.”
Huma ħafna dawk li kienu ikkritikaw l-għażla ta’ Marcello Lippi ta’ Vincenzo Iaquinta fit-tim nazzjonali Taljan. Hu kien skorja wkoll it-tieni gowl fl-ewwel partita kontra l-Ghana. Insaqsih qattx ħolom f’ħajtu li xi darba se jgħolli t-Tazza tad-Dinja.
“L-ebda plejer ma jkollu ħsieb li jsir Champion tad-Dinja minn meta jkun tifel. L-ewwel ħsieb dejjem ikun li ssir plejer professjonali. Meta mbagħad issir professjonali tibda toħlom fil-Kampjonat Mondjali wkoll. Li rbaħt it-Tazza tad-Dinja kienet sodisfazzjon inkredibbli li se nibqa’ niftakarha għomri kollu.
“Ninsab kuntent ħafna li persuna bħal Marcello Lippi għandu dik il-fiduċja fija. F’mument diffiċli għalija f’sena mimlija injuries baqa’ jemmen fija tant li spiċċajt fil-lista tiegħu għall-aħħar Tazza tad-Dinja fil-Ġermanja. Jien naħseb li rnexxieli nħallsu lura ta’ l-opportunità li tagħni b’dak kollu li naf.”
Li tirbaħ it-Tazza tad-Dinja hi l-quċċata ta’ kull plejer tal-futbol. Hu l-massimu għal persuna li jilgħab il-logħba tal-ballun. Anki jekk Vincenzo irnexxielu jagħmel dan, jgħidli li fadallu aktar x’jixtieq jirbaħ fil-futur.
“Il-ħolm għal-futur hu li nirbaħ mal-Juventus. Fi żmien qasir nixtieq nirbaħ l-Iscudetto u ċ-Champions League. Issa hu l-mument li nuru kemm hi kbira s-soċjetà tal-Juventus. Irridu nagħmlu minn kollox biex kulmin ipprova jkisser u jfarrak lil din is-soċjetà jieħu risposta. Qed nagħmlu hekk u se nibqgħu nagħmlu hekk. U se jirnexxielna.”
Vincenzo jkellimni fuq Malta. Jgħidli li għoġbitu u li jrid jerġa’ jiġi.
“Malta għoġbitni. Nistħajjilha belt żgħira fl-Italja. Hawn passjoni enormi għal-logħba tal-futbol u l-Juventus anki jekk fi gżira żgħira għandhom popolarità kbira wkoll. Hawnhekk ħadt pjaċir ħafna u rrid nerġa’ niġi.
“Nixtieq nirringrazzja lil kulmin ħadem biex ġejna Malta. Jien ġejt infurmat li hawnhekk hawn l-ikbar klabb fid-dinja tal-Juventus. Li minn gżira ta’ inqas minn nofs miljun ruħ hawn din il-passjoni kollha mhux ċajta. Nixtieq ngħid lill-Juventini Maltin biex jibqgħu jsegwuna bħalma dejjem għamlu. Hawnhekk irrid nerġa’ niġi żgur.”
Jifdal biss ħin sakemm inqum minn bil-qiegħda u nitolbu jiffirmali erba’ ritratti tiegħu. Lil Ellena nitolbu joħodli ritratt miegħu. Ma kienx għad fadal spazju fil-camera u għalhekk tlabtu biex niħduh aktar tard. Kont naf li filgħaxija kien ġej it-tim sħiħ fil-klabb f’Birkirkara. Lestejt camera oħra biex żgur ma nsibx problemi bħal dawn….

Intervista
Fuq Alfred Sant, l-ewro u l-patrunaġġ politiku

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef


Editorijal

L-iżball ta' l-NECC


Il Punt
Iċċensurawni please!
John Zammit

TONI U PEPPI
Fejn tibda u tieqaf il-ħajja pubblika tal-politiku?


Emmanuel Micallef
Il-buffet elettorali


Carmelo Mifsud Bonnici

“The Audacity of Hope”



X'kien Jgħid
L-alternanza



Wenzu Mintoff

F'ġieh Sant'Iermu


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075