Pjazzetta | 13 ta’ Jannar 2008 Nr 63
“II-ħsieb wara It-Tmien Nota hu wieħed: dak li t-telespettaturi jaraw storja tajba fuq it-televixin li żżommhom attenti għaliha minn ġimgħa għall-oħra biex jaraw l-episodju li jmiss kif se jiżvolġi,” stqarr Joseph A Cachia, l-awtur tad-drama l-ġdid li se jibda fuq TVM minn nhar it-Tlieta 15 ta’ Jannar fit-8.45pm.
Hu kompla jgħid li l-kitba tiegħu hi dejjem imsejsa fuq bosta elementi li magħġuna flimkien joffru ġrajja interessanti.
“F’kull dramm li nikteb inħobb indaħħal l-element tal-misteru biex it-telespettatur jibqa’ attent għal kull kelma li tingħad mill-protagonisti, kemm dawk prinċipali u anki dawk sekondarji,” kompla jgħid Cachia.
F’It-Tmien Nota niltaqgħu ma’ Bella (Ruth Sammut Casingena), sopran pjanista li tieqaf għal kollox mill-karriera tagħha għax tħossha li falliet mal-pubbliku. Fl-eqqel tal-miżerja tagħha, meta tkun qatgħet qalbha għal kollox li jkollha s-suċċess mixtieq, jitfaċċa Manfred (Henry Zammit Cordina), raġel miżżewweġ li jagħraf il-kapaċitajiet tagħha u jdaħħalha f’rasu li akkost ta’ kollox iwassalha għas-suċċess li kien jixirqilha.
Manfred, biex jilħaq dan il-għan, jibda jkollu bosta problemi ma’ martu Claudia (Sandra Davis), li mikula bl-għira tibda tara lil Bella bħalha theddida għaż-żwieġ tagħha u għall-imħabba tar-raġel.
Kollox jibda jimxi skond il-pjanijiet. Bella jkollha kunċert li bih suppost għandha ġġib il-karriera tagħha fuq riġlejha. Iżda jseħħ delitt fis-sala tal-kunċert. Il-mejjet ma jkun ħadd għajr Edward, żagħżugħ li kienet tħobb u li stqarret kemm-il darba li jekk kellha tiżżewweġ kellu jkun hu biss. Il-qattiel ma jinqabadx u joħroġ mis-sala bla ma ħadd jinduna min hu.
Sadattant insegwu persuni oħra mdaħħla f’ħajjet Bella: Grace, omm Edward, li takkuża lil Bella li binha nqatel minħabba fiha u li ma taħfrilha qatt għat-telf ta’ binha u Leo, ir-raġel li jħobb lil Bella għall-iskopijiet tiegħu u li meta jasal il-waqt jagħmel fattih bla ma jaħseb f’ħadd ħlief fih innifsu.
L-istorja tkompli titħabbel mal-wasla ta’ Mark, il-ħabib ta’ Leo, li hu wkoll għandu l-interessi tiegħu biex jara li r-relazzjoni bejn Leo u Bella titfarrak.
Fl-istess waqt nassistu għal ġrajja oħra għaddejja waqt dan kollu: dik ta’ meta Bella (Annalise Psaila), ta’ 12-il sena, kienet f’kompetizzjoni ħarxa ma’ Rosanne, tifla ta’ l-età tagħħa, li mbuttata minn ommha tipprova tikseb is-suċċess li Bella dejjem xtaqet għaliha.
It-Tmien Nota hu teledramm miktub mill-istess awtur ta’ Pupi, li rebaħ il-premju għall-Aqwa Drama fuq it-televiżjoni din is-sena.
Fost l-atturi hemm jieħdu sehem Patrick Vella, Theresa Gauci, Mariella Delmar, Daphne Said, Katrina Bonnici, Stephan Farrugia, Gabriella Borg u Neville Refalo.
It-Tmien Nota hi produzzjoni ta’ DeeMedia.tv b’direzzjoni ta’ Fabian Mizzi, l-istess kumpanija li ipproduċiet Delitti f’Malta u bħalissa Bonġu, li jixxandar kuljum fuq TVM bejn is-7am u l-10am. |
|
Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef
Editorijal
Il Punt
John Zammit
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|