Carmelo Mifsud Bonnici | 13 ta’ Jannar 2008 Nr 63 “The Audacity of Hope” 1. Wieħed mill-effetti tat-tmiem tal-ħajt ta’ Berlin kien proprju dak li neħħa, illum ngħidu żbaljatament, mix-xenarju politiku l-bżonn ta’ ideat politiċi li jħarsu fit-tul. It-teoriji żbaljati ta’ Marx u Lenin kienu xprun biex fid-dinja demokratika ma jkunx hemm biss oppożizzjoni sempliċi mingħajr ebda spjegazzjoni, imma waħda ta’ preparazzjoni u għalhekk ta’ konvinzjoni. Il-formazzjonijiet politiċi qabel it-tmiem ta’ dik it-theddida dinjija kienu marbuta ma’ ġabra ta’ prinċipji. Ideat li fuqhom kien hemm programmi ċari u miri definiti. Kull partit kellu l-kunċett tiegħu tas-soċjetà u tal-pożizzjoni tal-bniedem fiha li kienu miftuħa għal kull persuna. 2. L-importanza ta’ dan it-tagħlim naqas fil-bidu ta’ dik il-bidla sakemm illum il-ġurnata ġej biċċa biċċa fi tmiemu. Dan hu żball, għax jekk tneħħi barra dawk li nsejħu ‘ideoloġiji politiċi’ taqla’ sens ta’ missjoni u direzzjoni. Dawk li nsejħu ‘demokristjani’, ‘soċjalisti’, ‘liberali’, ‘konservattivi’, ‘komunisti’, ‘anarkiċi’, eċċ mhumiex kurrenti żbaljati jew xi forom ta’ parti minn struttura statali li llum m’għadhiex teżisti iktar. Dawn it-tabelli servew u għadhom jibqgħu jservu ta’ identifikazzjoni. Żgur iżda, iktar minn hekk, jiffurmaw il-bniedem fl-ideat u fil-ħsibijiet ta’ dak li għandha tkun is-soċjetà. Għax naf x’jgħidu ideoloġiji oħra li jien iktar konvint minn dak li nemmen fih. 3. Illum dan is-sens ta’ appartenenza naqas sew fuq livell lokali u Ewropew. Ma għadx għandna iktar dan id-dibattitu u djalogu politiku li fil-verità kien essenzjali biex iżomm għaddej analiżi u skrutinju mhux biss fil-konfront ta’ dak li kien qed isir fil-preżent iżda fil-kuntest ta’ l-impatt tiegħu fil-futur. Ftit għadhom f’dik it-triq li kellhom tant tajjeb missirijietna fuq kull naħa ta’ l-angoli kollha politiċi. Għalhekk dħalna f’fażi fejn hemm politiċi u persuni li jitkellmu u jipparteċipaw fiha li la għandhom kap u anqas kuda ideoloġika u dan qed ikollu l-konsegwenza li l-politika qed titlef il-melħ u r-ruħ vera tagħha. 4. Saret qisha suġġett li trid tiġi mġebbda minn naħa għal oħra, bla bidu u bla valuri. Forsi din hi r-raġuni għala tant persuni qed jitilqu u jħarsu b’diffikultà lejn il-politika. Il-verità hi li min iwettaq dan ix-xogħol, din il-vokazzjoni bil-ħsieb biss li jibqa’ fil-pożizzjoni qiegħed jitlef mis-sustanza tiegħu nnifsu u juri li ma jifhimx xi jrid verament il-poplu minnu. Mhix kwistjoni ta’ kuraġġ, jew li jieħu sogri, jew li sempliċement imur kontra l-kurrent. Hemm ferm iktar kif jidher il-ħin kollu f’kull pajjiż. 5. Preżentement għaddej il-proċess interessanti, twil u metikoluż li permezz tiegħu l-partiti politiċi Amerikani qed jagħżlu l-kandidat presidenzjali tagħhom. Sija n-naħa Repubblikana kif ukoll dik Demokratika qed jivvutaw. Fuq in-naħa Demokratika għandek lil Hilary Clinton, mart l-eks President u lil ċertu Barack Obama, senatur żagħżugħ. Waħda tirrappreżenta ħaġa, forsi l-passat glorjuż, u l-ieħor ħolma passata immirata lejn il-futur. Imma iktar minn hekk Obama rajtu li qed jipprova jdaħħal sens u sustanza ġdida fix-xenarju politiku li qabel ma kontx rajt. 6. Il-ktieb tiegħu “The Audacity of Hope” hu fir-realtà forma ta’ manifest u dikjarazzjoni twila ta’ prinċipji u ideat varji. Jikkritika l-politika medjatika fuq naħa u jesprimi ammirazzjoni lejn dawk li jieħdu ħsieb idaħħlu valuri fid-dinja politika. Hu jgħid: “I often wonder what makes it so difficult for politicians to talk about values in ways that don’t appear calculated or phoney” u jkompli “it becomes harder and harder for the public to distinguish between honest sentiment and political stagecraft. Then there is the practice of modern politics itself seems to be value-free.” 7. Hu proprju dan li jidher ċar li mhux nifs ġdid imma dak li għandu jkun in-nifs fil-politika u li forsi jista’ jkun garanzija ta’ suċċess fil-prinċipji għal dan il-bniedem. Ovvjament għandu fuqu l-piż li dak li qiegħed jikkritika, dak li qiegħed jipprospetta, jġibu fis-seħħ b’ħidmietu. Il-poplu jrid politiċi li għandhom valuri veri u mhux li rikbu fuqhom biex jiġu eletti. Mhux biss, imma li dawn il-valuri jgħixuhom fl-onestà u fid-determinazzjoni li jwettquhom. Ikunu lesti li jissagrifikaw lilhom innfushom għal dak li huma jemmnu fih, għax għandhom f’qalbhom li qegħdin fit-triq it-tajba. 8. “The Audacity of Hope” mhux mija fil-mija manifest elettorali. Hu biss forma. Il-ktieb, anki jekk fih xi tgħid, hu bidu anzi eżempju, tal-mod ta’ kif tlajna naħdmu fil-politika. Però fix-xenarju li hemm preżentement hu diġà ħafna. Ideat ċari, anki jekk mhux neċessarjament qed jipprospettaw fejn verament jolqot lis-soċjetà Amerikana l-iktar, per eżempju l-faqar. Jekk jiġix elett jew le hi ħaġ’oħra. Jekk iżommx ma’ kelmtu jew le hi ħaġa oħra wkoll. Personalment għandi l-ardir nittama fuq it-tnejn. 9. Li hu żgur hu li l-politika llum waslet fid-deżert ideoloġiku u qed twassal biex persuni varji jikkumbattu dak li, jekk jaħsbu sew fuqu, jsibu li jaqblu miegħu. Illum il-vojt ta’ persuni barra l-politika u ġewwa li għandhom ideat bażati fuq kunċett ta’ l-Istat qed iwassal biex persuni jikkritikaw dak li fil-fatt jaqblu miegħu. In-nuqqas ta’ direzzjoni politika qed iġib stat fejn ħafna jitilfu mill-ħajja parteċipattiva fiha. Għandi l-ardir nittama li l-elezzjonijiet presidenzjali jibagħtu messaġġ il-kontra. |
Intervista
|
|