MediaToday

Emmanuel Micallef | 13 ta’ Jannar 2008 Nr 63

Il-buffet elettorali

Kul ftit u spiss jirrakkommandaw it-tobba. Aħjar milli tiekol ħafna u f’daqqa. Ħażin ukoll jekk tiekol bil-ħatfa. L-ikel hu bżonjuż iżda l-mod kif nieklu wkoll jagħmel id-differenza fuq kemm jiffunzjona tajjeb l-intern ta’ ġisimna u kif isajjar l-ikel l-istonku. Mhux biħsiebni nieħu xogħol it-tobba jew in-nutritionists fil-pariri dwar l-importanza ta’ x’tip ta’ ikel għandna nikkunsmaw u kif għandna nikluh.
Ma tantx jien maqtugħ għal dan il-qasam. Iżda naħseb li hemm ikel ieħor li wkoll irridu nagħrfu kif nikkunsmawh u kif niddiġeruh fl-istonku tagħna. Dan hu l-ikel politiku jew id-doża ta’ propaganda partiġġana li issa nistennew li joffrulna l-partiti matul il-kampanja elettorali. Sa llum għadna ma tlaqniex għal għonq it-triq b’mod uffiċjali iżda diġà bdejna nduqu l-anti-pasti!
Minn banda kienet deċiżjoni tajba l-fatt li ftit tas-snin ilu kien sar qbil bejn il-partiti biex il-kampanja elettorali ma tkunx mifruxa fuq medda ta’ xhur. Kien hemm żmien li l-kampanja elettorali kienet mifruxa fuq snin twal b’attivitajiet politiċi għall-massa kull nhar ta’ Ħadd. Konna mdorrijin li r-rankatura elettorali neħduha fit-tul. Fl-aħħar irrealizzajna li aħjar tkun fuq perjodu iqsar ta’ ħames ġimgħat. Aħjar fis-sens li l-imġiba tagħna ma tibqax tkun karatterizzata mis-sħana ta’ l-irjus, minn atti vjolenti, minn inċertezza ekonomika u instabbiltà politika, minn nuqqas ta’ tolleranza.
Sibna l-aħjar formola kif fi ftit żmien inkunu nistgħu neżerċitaw id-dritt tal-vot u dak kollu li dan jirrikjedi bħala tħejjija għall-jum ta’ l-elezzjoni ġenerali.
Nittamaw li minn dan l-aspett ma nerġgħux inreġġgħu l-arloġġ lura għax kultant il-qasba ċċaqċaq li minħabba li issa rridu norganizzaw l-elezzjonijiet lokali kull sentejn bħal donnu qed nispiċċaw b’kampanji elettorali iktar spissi. Allaħares nispiċċaw f’vena elettorali kull jum tas-sena!
F’dan is-sens il-parir tat-tobba dwar l-ikel – ftit u ta’ spiss – ma tantx hu ideali. F’kampanja elettorali biex neleġġu l-Gvern ċentrali l-aħjar formola li nstabet kienet dik ta’ ħafna u rari. B’ħafna nifhmu attività politika ntensa b’doża qawwija ta’ propaganda u rari għax nagħmluha kull ħames snin. Erħilu li kultant ix-xitan jista’ jdeffes denbu u minflok ħames snin ikollna nagħmlu elezzjoni fi żmien sentejn.
Kif jgħidu ż-żejjed bħan-nieqes u għalhekk il-fatt li fil-kampanja elettorali jkollna nassistu għal doża qawwija ta’ propaganda u li rridu nikkunsmawha f’daqqa jew bil-ħatfa tagħmlilna indiġestjoni fl-istonku u jista’ jagħti l-każ li nispiċċaw nieklu ikel li ma jkunx jgħodd għalina.
Il-ħruq ta’ l-istonku jew l-ulċera niskopruhom wara, sfortunatament. Imbagħad ikun tard wisq.
Għalhekk fil-ġimgħat li ġejjin mhux biss irridu nagħtu kas tad-dieta biex inpattu għall-infangar fl-ikel u x-xorb alkoħoliku ta’ matul il-ġranet tal-festi iżda għandna bżonn nagħmlu dieta speċjalizzata dwar dak li għandna nixtarru dwaru bis-serjetà u dak li lanqas biss għandna nħarsu lejh.
Il-materjal propagandistiku matul il-kampanja elettorali xi ftit jew wisq se jħalli effett fuqna. Iżda dan l-effett ikun qawwi jew effettiv skond kemm irriduh aħna. Apparti li l-probabbiltà hi li l-partiti politiċi se jużaw tattika li joqogħdu jippontifikaw fuq il-kapaċitajiet tal-mexxejja tagħhom u fuq id-djugħfija fil-karattru u l-iżbalji kbar tal-mexxejja tal-partiti opposti żgur li se jiffangawna bi proġetti li twettqu u oħrajn li biħsiebhom jagħmlu anki jekk joffruhomlna b’nofs sajran jekk mhux nejjin ukoll!
L-ironija hi li din il-kampanja elettorali se tkun karatterizzata minn żewġ livelli. Fuq naħa għandna ftaħir dwar kif issa dħalna fiż-żoni ewro u Schengen u allura sirna nsara iktar mill-Papa u fuq naħa oħra nisimgħu bi tmaqdir dwar kif se ninfnew bl-għoli tal-ħajja u kif pajjiżna m’għamel bidla ta’ xejn għax it-telqa li hawn taqtagħha b’sikkina.
Imbagħad hemm ukoll it-togħma tal-partiti ż-żgħar li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jieħdu xejra ta’ partiti populisti fejn jitkellmu dwar kif is-sistema politika eżistenti hi mniġġsa mill-politiċi preżenti u kemm hemm bżonn bidla radikali mill-qiegħ biex forsi dan il-pajjiż jibda jieħu r-ruħ.
Il-buffet propagandistiku żgur li se jkun varjat u mżewwaq mhux ħażin. L-għażla bejn l-ikel sħun, pikkanti u ikel kiesaħ silġ inġazzat mhux se tkun nieqsa. Mhux se tonqos id-deżerta u l-ħlewwiet u l-arti ta’ kif dawn ikunu preżentati għax, kif jgħidu, l-ewwel ma tiekol l-għajn.
Lil min għandu stonku mimli mhux lakemm se tbellagħlu ikel anki jekk bnin, sakemm ma jkunx żaqqieq u mxennaq. Iżda lill-imġewwaħ anki jekk toffrilu ponn karawett ukoll jaħseb li jinsab f’pranzu!
Il-Maltin saru jafu jieklu u ta’ lanqas anke jekk kultant jaqbżu l-linja iżda saru jafu jiddistingwu bejn ikel bnin u junk food. Ma rridx innaqqas il-mertu tal-progress li sar f’diversi oqsma iżda quddiemna għad għandna oċean x’ngħumu biex verament ngħidu li ċ-ċittadin Malti laħaq l-ogħla livell li seta’ jilħaq f’dik li hi kwalità ta’ ħajja.
Fl-ekonomija imxejna ’l quddiem imma mhux kollox ward u zahar. Id-dejn għadu sarima u l-issikkar taċ-ċintorin mhux se jkun għadda żmienu fiż-żmien li ġej.
Fil-qasam soċjali għandna sfidi ġodda li rridu niffaċċaw kif għandna fil-qasam ambjentali.
L-isfidi hemm se jibqgħu. Huma s-soluzzjonijiet li se jagħmlu d-differenza bejn il-partiti. Iċ-ċittadin li jaf jiekol fuq dan se jikkonċentra fil-kampanja elettorali – fuq liema partit joffri l-aħjar soluzzjonijiet għall-ġejjieni ta’ pajjiżna.
Jista’ jkun hemm min jagħżel li jiekol mill-platt li jidher imżejjen l-aħjar. Jista’ jkun hemm min jiekol minn idejn ix-chef li għandu l-isbaħ fardal u idejn nodfa. Iżda fl-aħħar mill-aħħar l-aħjar ikla se jagħmilha minn se jiekol l-iktar ikel li jgħodd għalih u għal saħħtu kemm jekk għax ikun bil-ġuħ u kemm jekk ikun bl-aptit!
Il-konċentrazzjoni tal-partiti trid tkun immirata lejn dawn il-35% tal-votanti li żaqqhom ma tagħmilx bihom. Li ma jridux min jitmagħhom bl-imgħarfa.
L-elezzjoni li ġejja mhux se tkun bħal ta’ qabilha. Għandha l-istorja tagħha wkoll. Se jkollna lil min jaqbdu l-vixxri.
Min jiġrilu hekk m’għandux iwaħħal fi stonku ħażin... iktar jista’ jkun il-każ ta’ avvelenament ta’ l-ikel!

Intervista
Fuq Alfred Sant, l-ewro u l-patrunaġġ politiku

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef


Editorijal

L-iżball ta' l-NECC


Il Punt
Iċċensurawni please!
John Zammit

TONI U PEPPI
Fejn tibda u tieqaf il-ħajja pubblika tal-politiku?


Emmanuel Micallef
Il-buffet elettorali


Carmelo Mifsud Bonnici

“The Audacity of Hope”



X'kien Jgħid
L-alternanza



Wenzu Mintoff

F'ġieh Sant'Iermu


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075