MediaToday

Ittri | 13 ta’ Jannar 2008 Nr 63

Asante Sana (grazzi ħafna) mit-tfal ta’ Kawangware

Minn Brandon Pisani,
Media Officer,
KARE4KENYA,
Mosta

Il-Kare4Kenya taħdem mill-qrib mat-tfal ta’ Kawangware u l-familji tagħhom. Dan qed tagħmlu biex tipprovdilhom aċċess għall-iskejjel u tgħinhom jibdew jiġġeneraw xi ħaġa tad-dħul finanzjarju u anki tgħinhom jibnu proġetti fil-komunità tagħhom.
Issa li għaddiet sena oħra l-Kare4Kenya tixtieq tirringrazzja lil dawk kollha li matul l-aħħar 12-il xahar għenuna biex inkunu nistgħu nkomplu nappoġġjaw lit-tfal tagħha fis-slum area ta’ Kawangware, fil-Kenya.
Il-grazzi li qed inwasslu ġejja mit-tfal stess. Li kieku qegħdin hawn Malta żgur li dawn it-tfal jgħidulkom Asante Sana - grazzi ħafna - għal dak kollu li qed tagħmlu magħhom. Grazzi jmur għall-isponsors li qed jassistu lit-tfal kollha li l-Kare4Kenya għandha fuq il-kotba tagħha. Grazzi kbira oħra tmur lil dawk kollha li għenuna finanzjarjament permezz ta’ donazzjoni u grazzi lil dawk il-kumpaniji u ħwienet li ġentilment għenu permezz ta’ vouchers jew għajnuna oħra li tawna għad-diversi attivitajiet li organizzajna.
Il-Kare4Kenya tirrikonoxxi li l-poplu Kenjan jixtieq li jagħmel progress b’mod indipendenti u mhux ikunu mmexxija minn ħaddieħor. Il-missjoni tal-Kare4Kenya hi li l-grupp itejjeb ħajjet it-tfal billi tipprovdilhom opportunitajiet għall-edukazzjoni.
B’kollox il-Kare4Kenya tissapportja mas-96 tifel u tifla. Il-Kare4Kenya qed taħdem biex tassigura li dawn it-tfal jirċievu l-edukazzjoni li hemm bżonn u l-assistenza medika.
L-ispejjeż minn sena għal oħra qed jiżdiedu. Il-maġġoranza tat-tfal li l-Kare4Kenya qed tgħin jattendu l-iskola primarja ta’ Ndurara filwaqt li hemm grupp żgħir ta’ studenti li jattendu l-iskola sekondarja tal-Good Shepherd.
L-2007 kienet sena impenjattiva ħafna għal Kare4Kenya fejn organizzajna diversi attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi b’riżq il-proġetti li għandha għaddejja fil-Kenya.
Żgur li l-esperjenza tal-Kare4Kenya s-sajf li għadda fi Kawangware ħalliet impatt fuq grupp ta’ 13-il żagħżugħ u żagħżugħa li qattgħu x-xahar kollu ta’ Awissu flimkien f’dan il-pajjiż Afrikan.
Lura Malta l-Kare4Kenya kompliet bl-attivitajiet tagħha biex tassigura li l-proġetti tagħha fi Kawangware jibqgħu għaddejjin.
L-attivita li jmiss li l-Kare4Kenya qed tistieden lill-pubbliku biex iżur, hi wirja ta’ tpinġijiet li saru mit-tfal ta’ Kawangware waqt l-iskola tas-sajf li kien organizzat f’Awissu li għadda.
Din il-wirja bl-isem ‘Asante Sana minn Qalb it-tfal tal-Kenya’ se tittella bil-kollaborazzjoni mal-Għaqda Filantropika Talent Mosti bejn it-2 u s-16 ta’ Frar fiċ-Ċentru ta’ Kultura Nazzjonali fir-Razzett tal-Markiz Mallia Tabone, fil-Mosta. Kulħadd hu mistieden li jattendi u jgħin lill-Kare4Kenya fil-proġetti tagħha.
Bħal kull għaqda ta’ karità l-Kare4Kenya trid il-fondi biex it-tfal ta’ Kawangware jkomplu jgawdu minn edukazzjoni u aċċess għall-iskejjel mainstream u dan billi nipprovdulhom l-uniformijiet, l-ikel, il-lezzjonijiet u miżati, kif ukoll nipprovdulhom servizzi tas-saħħa u medikazzjoni.
Għalhekk il-Kare4Kenya se tkompli bil-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi b’riżq il-proġetti tagħha għal dawn it-tfal matul l-2008.
Il-Kare4Kenya tilqa’ donazzjonijiet mibgħuta direttament fl-indirizz Kare4Kenya c/o 29, C. Tridenti Street, l-Ibraġġ jew permezz ta’ depożiti diretti fil-kont bankarju tal-BOV 40012719129.
Min hu interessat li jgħin lil Kare4Kenya fil-proġetti tagħha jista’ jibgħat e-mail fl-indirizz info@kare4kenya.org.

Intervista
Fuq Alfred Sant, l-ewro u l-patrunaġġ politiku

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef


Editorijal

L-iżball ta' l-NECC


Il Punt
Iċċensurawni please!
John Zammit

TONI U PEPPI
Fejn tibda u tieqaf il-ħajja pubblika tal-politiku?


Emmanuel Micallef
Il-buffet elettorali


Carmelo Mifsud Bonnici

“The Audacity of Hope”



X'kien Jgħid
L-alternanza



Wenzu Mintoff

F'ġieh Sant'Iermu


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075