Ittri | 13 ta’ Jannar 2008 Nr 63
Minn M. Camilleri,
Birkirkara
Nerġa’ ntenni l-istess mistoqsija li għamel Emanuel Micallef f’din il-gazzetta fit-23 ta’ Diċembru: ‘Meta TUC Malta?’.
Nappoġġa s-suġġeriment tiegħu li l-proponiment ta’ l-unions għas-sena l-ġdida jkun it-twaqqif tal-Kunsill tat-Trejdunjons (TUC).
Din id-darba rridu proponiment konkret mill-unions. Xbajna nisimgħu li hemm qbil fil-prinċipju bil-fomm minn uffiċjali ta’ unions li bil-fatti dejjem sabu xi skuża biex l-għaqda ma sseħħx. Fin-nuqqas ta’ din l-għaqda trejdunjonistika effettiva l-ħaddiem mar lura ferm mill-kundizzjonijiet li kien kiseb fl-imgħoddi u ta’ spiss qed iħossu mitluq għal riħu jaqdef kontra l-kurrent.
Ma nistgħux nibqgħu bil-unions il-kbar jimxu separatament f’direzzjonijiet ħafna drabi opposti għal xulxin, fi kwistjonijiet importanti fl-MCESD.
Kif jista’ l-ħaddiem jirbaħ jew isalva dritt tiegħu li fuqu l-unions il-kbar jinfirdu u jħallu lill-Gvern jgħaddi romblu jimponi dak li jrid għax il-unions maqsumin bejniethom?
Bla ma nħares lejn xi konsegwenza oħra ngħid li dik il-firda tiddemoralizza lill-ħaddiema u żgur li minnha jgawdi biss min jisfruttahom.
Ma nistgħux nibqgħu bil-unions il-kbar jisparaw fuq saqajn xulxin fil-piki fuq min minnhom għandu dritt jirrappreżenta lill-ħaddiema u jinnegozja f’isimhom f’ċerti postijiet tax-xogħol. Dawn l-atti nieqsa mill-awto-dixxiplina matura jagħtu lok għal inkwiet fost il-ħaddiema u jkompli jħarrex il-firda evidenti ta’ bejn il-unions.
Ma nistgħux nibqgħu b’union tinnegozja ma’ maniġment ta’ azjenda meta tkun taf li hemm union oħra tirrappreżenta lill-maġġoranza tal-ħaddiema tal-post. Wisq aktar ma jistax ikun aċċettabbli li b’dan il-mod isir xi ftehim li ma taqbilx miegħu l-union tal-maġġoranza.
Dan l-istallett imdaħħal f’dahar union minn union oħra mhux biss jiddemoralizza lill-ħaddiema, imma jaħsad is-solidarjetà ta’ bejniethom mill-għeruq.
Biex noħorġu minn din il-gażiba rridu nagħrfu l-kawża tad-divizjoni u niddeċiedu li negħlbuha. Il-kawża ewlenija hi bla dubju t-tendenzi politiċi differenti li huma ttimbrati bihom il-unions Maltin, speċjalment il-kbar.
Għalkemm ma jammettuhomx dawn it-tendenzi tikkonfermahom l-istorja. Aparti episodji different fil-passat insibu li l-Gvern preżenti għandu tendenzi, waqt in-negozjati, li jiddiskrimina kontra union u favur oħra f’post tax-xogħol. Il-Gvern tal-PN mhux dejjem qed jagħti każ tal-union magħrufa tal-maġġoranza u jippreferi jinnegozja mal-union li jaf li tqarreb iżjed mill-oħra lejn il-prinċipji li jkun irid idaħħal.
Ma nidħolx fil-merti ta’ din it-tattika min-naħa tal-Gvern. Semmejtha biss bħala evidenza taż-żerriegħa msoqqija tajjeb li hi l-kawża ewlenija tad-diviżjoni fit-trejdunioniżmu Malti. Bħala ħaddiem tinteressani iżjed l-imġiba tal-unions pikużi quddiem it-tattika diviżiva u provokanti tal-Gvern.
Dik il-union li b’għan egoistiku taqliba lil union leġittima biex isservi entità bħall-Gvern kontra r-rieda tal-maġġoranza qed tferi bl-ikrah is-solidarjetà meħtieġa għat-twaqqif tat-TUC. Il-ħaddiem għandu dmir iwarrab kull tip ta’ fanatiżmu li jaljenah mis-solidarjetà trejdunjonistika massima li jeħtieġ biex jgħix ċivilment fid-dinja globalizzata ta’ llum. Biex naslu għal dan il-livell ta’ solidarjetà rridu niddeċiedu lkoll bis-serjetà li naħarqu darba għal dejjem l-ispirtu egoistiku li jkebbes il-passjoni politika ta’ union fi fjamma ogħla minn ta’ l-interess aħħari tal-għaqda tal-ħaddiema.
Lesti li dan nagħmluh proponiment għas-sena 2008 u nibqgħu nsostnuh fil-ġejjieni? |
|
Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef
Editorijal
Il Punt
John Zammit
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|